EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32008L0094
Directive 2008/94/EC of the European Parliament and of the Council of 22 October 2008 on the protection of employees in the event of the insolvency of their employer (Codified version) (Text with EEA relevance)
Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom (Verżjoni kodifikata) Test b’relevanza għaż-ŻEE
Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom (Verżjoni kodifikata) Test b’relevanza għaż-ŻEE
ĠU L 283, 28.10.2008, p. 36–42
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 09/10/2015
28.10.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 283/36 |
DIRETTIVA 2008/94/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-22 ta’ Ottubru 2008
dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom
(Verżjoni kodifikata)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u l-Artikolu 137(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),
Billi:
(1) |
Id-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE ta’ l-20 ta’ Ottubru 1980, dwar il-protezzjoni tal-impjegati f’każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom (3) ġiet emendata kemm-il darba (4) b’mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmija Direttiva għandha tiġi kodifikata. |
(2) |
Il-Karta tal-Komunità dwar id-Drittijiet Fundamentali Soċjali tal-Ħaddiema adottata fid-9 ta’ Diċembru 1989 tiddikjara, fil-punt 7, li l-iżvilupp komplet tas-suq intern għandu jwassal għal titjib fil-kondizzjonijiet ta’ l-għajxien u tax-xogħol tal-ħaddiema fil-Komunità u li dan it-titjib għandu jkopri, fejn meħtieġ, l-iżvilupp ta’ ċerti aspetti tar-regolamenti tax-xogħol bħal proċeduri għal sensji kollettivi u dawk li jirrigwardaw il-fallimenti. |
(3) |
Jeħtieġ li jsir provvediment għall-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom u biex jiġi żgurat livell minimu ta’ protezzjoni, speċjalment biex jiġu garantiti pretensjonijiet mhux imħallsa b’kont meħud tal-ħtieġa ta’ żvilupp, ekonomiku u soċjali, bilanċjat fil-Komunità. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu korp li jiggarantixxi l-ħlas tal-pretensjonijiet pendenti ta’ l-impjegati kkonċernati. |
(4) |
Sabiex tiġi żgurata protezzjoni imparzjali lill-impjegati interessati, l-istat ta’ l-insolvenza għandu jiġi definit fid-dawl tax-xejriet leġislattivi fl-Istati Membri u tali kunċett għandu jinkludi wkoll il-proċeduri ta’ insolvenza minbarra l-istralċ. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom, sabiex jistabbilixxu r-responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni ta’ garanzija, ikunu jistgħu jistabbilixxu li fejn sitwazzjoni ta’ insolvenza tirriżulta fi proċeduri diversi ta’ l-insolvenza, is-sitwazzjoni tiġi trattata bħala proċedura waħdanija ta’ insolvenza. |
(5) |
Għandu jiġi żgurat li l-impjegati msemmija fid-Direttiva 97/81/KE tal-15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (5), id-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar l-Ftehim Qafas dwar x-xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (6) u d-Direttiva tal-Kunsill 91/383/KEE tal-25 ta’ Ġunju 1991 li tissupplimenta l-miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-sigurtà u s-saħħa fix-xogħol tal-ħaddiema li għandhom relazzjoni ta’ mpjieg bi żmien fiss jew ta’ mpjieg temporanju (7) ma jkunux esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. |
(6) |
Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali għall-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ impriżi li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f’għadd ta’ Stati Membri, u sabiex jissaħħu d-drittijiet tal-impjegati skond il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, għandhom isiru dispożizzjonijiet li espressament jiddikjaraw liema istituzzjoni tkun responsabbli għall-ħlas tal-pretensjonijiet f’dawn il-każijiet u li jistabbilixxu bħala l-għan tal-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti ta’ l-Istati Membri r-riżoluzzjoni bikrija tal-pretensjonijiet pendenti ta’ l-impjegati. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-arranġamenti rilevanti jiġu adegwatament implimentati billi jsir provvediment għall-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti fl-Istati Membri. |
(7) |
L-Istati Membri jistgħu jiffissaw limitazzjonijiet tar-responsabbiltà ta’ l-istituzzjonijiet ta’ garanzija. Dawk il-limitazzjonijiet għandhom ikunu kompatibbli ma’ l-għan soċjali tad-Direttiva u jistgħu jieħdu kont tal-livelli differenti tal-pretensjonijiet. |
(8) |
Sabiex tiġi faċilitata l-identifikazzjoni tal-proċeduri ta’ insolvenza, partikolarment f’sitwazzjonijiet b’dimensjoni transkonfinali, għandu jsir provvediment sabiex l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar it-tipi ta’ proċeduri ta’ insolvenza li jwasslu għal intervent minn istituzzjoni ta’ garanzija. |
(9) |
Ladarba l-għanijiet ta’ l-azzjoni li għandha tittieħed ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk jinkisbu aħjar fil-livell tal-Komunità, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet. |
(10) |
Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva b’mod partikolari fir-rigward tat-tipi ġodda ta’ impjieg li qegħdin jinħolqu fl-Istati Membri. |
(11) |
Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ l-Istati Membri relatati mal-limiti ta’ żmien għat-trażpożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttivi elenkati fl-Anness I, Parti Ċ, |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
KAPITOLU I
KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET
Artikolu 1
1. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-pretensjonijiet ta’ l-impjegati li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ impjieg jew minn relazzjonijiet ta’ impjieg u dawk eżistenti kontra dawk li jħaddmu meta jkunu fi stat ta’ insolvenza fis-sens ta’ l-Artikolu 2(1).
2. L-Istati Membri jistgħu, bħala eċċezzjoni, jeskludu l-pretensjonijiet minn ċerti kategoriji ta’ impjegati mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, bis-saħħa ta’ l-eżistenza ta’ għamliet oħra ta’ garanzija jekk jiġi stabbilit li dawn joffru lill-persuni kkonċernati livell ta’ protezzjoni ekwivalenti għal dak li jirriżulta minn din id-Direttiva.
3. Fejn tkun diġà applikabbli tali dispożizzjoni fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jkomplu jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva:
(a) |
is-servi domestiċi impjegati minn persuna fiżika; |
(b) |
is-sajjieda bi sħab. |
Artikolu 2
1. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, min iħaddem għandu jitqies bħala fi stat ta’ insolvenza meta tkun saret talba għall-ftuħ ta’ proċeduri kollettivi bbażati fuq l-insolvenza ta’ dak li jħaddem, kif ikun previst mil-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ Stat Membru, u li jinvolvu d-divestiment parzjali jew totali ta’ l-assi ta’ dak li jħaddem u l-ħatra ta’ stralċjarju jew ta’ persuna li twettaq kompitu simili, u ta’ l-awtorità li tkun kompetenti skond id-dispożizzjonijiet imsemmija tkun:
(a) |
jew iddeċidiet li tiftaħ il-proċeduri, jew |
(b) |
stabbilixxiet li l-impriża jew in-negozju ta’ min iħaddem ingħalqu b’mod definittiv u li l-assi disponibbli ma jkunux suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċeduri. |
2. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali fir-rigward tad-definizzjoni tat-termini “impjegat”, “min iħaddem”, “paga”, “dritt li jagħti titolu immedjat” u “dritt li jagħti titolu prospettiv”.
Madankollu, l-Istati Membri jistgħu ma jeskludux mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva:
(a) |
lill-impjegati part-time fis-sens tad-Direttiva 97/81/KE; |
(b) |
lill-impjegati fuq kuntratt ta’ żmien fiss fis-sens tad-Direttiva 1999/70/KE; |
ċ) |
lill-impjegati f’relazzjoni ta’ impjieg temporanju fis-sens ta’ l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/383/KEE. |
3. L-Istati Membri ma jistgħux jimponu perijodu minimu ta’ żmien għall-kuntratt ta’ impjieg jew għar-relazzjoni ta’ impjieg sabiex il-ħaddiema jikkwalifikaw għall-pretensjonijiet taħt din id-Direttiva.
4. Din id-Direttiva ma timpedixxix lill-Istati Membri milli jestendu l-protezzjoni tal-ħaddiema għal sitwazzjonijiet oħra ta’ insolvenza, per eżempju fejn il-ħlasijiet ikunu twaqqfu de facto fuq bażi permanenti, li jkunu stabbiliti bi proċeduri differenti minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1 kif previsti fil-liġijiet nazzjonali.
Dawn il-proċeduri m’għandhomx b’danakollu joħolqu xi obbligu ta’ garanzija għall-istituzzjonijiet ta’ l-Istati Membri l-oħra fil-każijiet imsemmija fil-Kapitolu IV.
KAPITOLU II
DISPOŻIZZJONIJIET DWAR L-ISTITUZZJONIJIET TA’ GARANZIJA
Artikolu 3
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ garanzija jiggarantixxu, suġġett għall-Artikolu 4, il-ħlas tal-pretensjoniet pendenti, ta’ ħaddiema, li jirriżultaw minn kuntratti ta’ impjieg jew minn relazzjonijiet ta’ impjieg, inkluża, fejn previst mil-liġijiet nazzjonali, paga terminali fi tmiem ir-relazzjonijiet ta’ l-impjieg.
Il-pretensjonijiet li tidħol għalihom l-istituzzjoni ta’ garanzija għandhom ikunu l-pretensjonijiet pendenti tal-ħlas tal-paga relatati ma’ perijodu preċedenti ta’ żmien u/jew, skond il-każ applikabbli, wara data speċifikata stabbilita mill-Istati Membri.
Artikolu 4
1. L-Istati Membri għandhom ikollhom l-għażla li jillimitaw ir-responsabbiltà ta’ l-istituzzjonijiet ta’ garanzija imsemmija fl-Artikolu 3.
2. Jekk l-Istati Membri jeżerċitaw l-għażla msemmija fil-paragrafu 1, għandhom jispeċifikaw it-tul tal-perijodu ta’ żmien li għalih għandhom jiġu sodisfatti l-pretensjonijiet pendenti mill-istituzzjoni ta’ garanzija. Madankollu, dan ma jistax ikun iqsar minn perijodu ta’ żmien li jkopri r-rimunerazzjoni ta’ l-aħħar tliet xhur tar-relazzjoni ta’ impjieg qabel u/jew wara d-data msemmija fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 3.
L-Istati Membri jistgħu jinkludu dan il-perijodu minimu ta’ tliet xhur f’perijodu ta’ żmien ta’ referenza ta’ mhux anqas minn sitt xhur.
L-Istati Membri li jkollhom perijodu ta’ żmien ta’ referenza ta’ mhux anqas minn 18-il xahar jistgħu jillimitaw il-perijodu li għalih jiġu sodisfatti l-pretensjonijiet pendenti mill-istituzzjoni ta’ garanzija għal tmien ġimgħat. F’dan il-każ, dawk il-perijodi ta’ żmien li jkunu l-aktar favorevoli għall-impjegat għandhom jintużaw għall-kalkolu tal-perijodu minimu ta’ żmien.
3. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limiti massimi rigward il-ħlasijiet magħmula mill-istituzzjoni ta’ garanzija. Dawn il-limiti massimi m’għandhomx jaqgħu taħt livell li jkun soċjalment kompatibbli ma’ l-għan soċjali ta’ din id-Direttiva.
Jekk l-Istati Membri jeżerċitaw din il-għażla, għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-metodi użati sabiex jiġi stabbilit il-limitu massimu.
Artikolu 5
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dettaljati għall-organizzazzjoni, finanzjament u funzjonament ta’ l-istituzzjonijiet ta’ garanzija, konformi b’mod speċjali mal-prinċipji li ġejjin:
(a) |
l-assi ta’ l-istituzzjonijiet għandhom ikunu indipendenti mill-kapital operattiv impjegat mill-persuna li tħaddem u għandhom ikunu inaċċessibbli għall-proċeduri ta’ insolvenza; |
(b) |
min iħaddem għandu jikkontribwixxi għall-finanzjament, sakemm dan ma jkunx kompletament kopert mill-awtoritajiet pubbliċi; |
ċ) |
ir-responsabbilitajiet ta’ l-istituzzjonijiet m’għandhomx jiddipendu fuq jekk l-obbligazzjonijiet ta’ kontribuzzjoni għall-finanzjament ġewx sodisfatti jew le. |
KAPITOLU III
DISPOŻIZZJONIJIET DWAR SIGURTÀ SOĊJALI
Artikolu 6
L-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-Artikoli 3, 4 u 5 ma japplikawx għall-kontribuzzjonijiet dovuti taħt skemi statutorji nazzjonali ta’ sigurtà soċjali jew taħt xi skemi supplimentari okkupazzjonali jew inter-okkupazzjonali li ma jidħlux fl-iskemi statutorji nazzjonali tas-sigurtà soċjali.
Artikolu 7
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li n-nuqqas li jitħallsu l-kontribuzzjonijiet obbligatorji dovuti minn min iħaddem, qabel il-bidu ta’ l-insolvenza, lill-istituzzjonijiet assigurattivi taħt l-iskemi statutorji nazzjonali ta’ sigurtà soċjali ma jaffettwax ħażin it-titolu ta’ l-impjegati għall-benefiċċji fir-rigward ta’ dawn l-istituzzjonijiet assigurattivi sa fejn il-kontribuzzjonijiet ta’ l-impjegati jkunu tnaqqsu mill-ewwel mir-rimunerazzjoni mogħtija lilhom.
Artikolu 8
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu l-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni ta’ l-interessi ta’ l-impjegati u ta’ persuni li jkunu diġa’ telqu mill-impriża jew negozju ta’ min iħaddem fid-data tal-bidu tal-insolvenza tiegħu fir-rigward tad-drittijiet li jintitolawhom immedjatament jew prospettivament għal benefiċċji tax-xjuħija, inklużi benefiċċji lil min jibqa’ ħaj, taħt skemi pensjonistiċi supplimentari okkupazzjonali jew inter-okkupazzjonali li ma jkunux parti mill-iskemi statutorji nazzjonali ta’ sigurtà soċjali.
KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET LI JIRRIGWARDAW SITWAZZJONIJIET TRANSNAZZJONALI
Artikolu 9
1. Jekk impriża li teżerċita attivitajiet fit-territorji f’mill-inqas żewġ Stati Membri tkun fi stat ta’ insolvenza fis-sens ta’ l-Artikolu 2(l), l-istituzzjoni responsabbli mill-ħlas tal-pretensonijiet pendenti ta’ l-impjegati għandha tkun dik fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu dawn jaħdmu jew abitwalment jaħdmu.
2. Il-limitu tad-drittijiet ta’ l-impjegati għandu jiġi stabbilit mil-liġi li tirregola l-istituzzjoni kompetenti ta’ garanzija.
3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li, fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jittieħed kont tad-deċiżjonijiet meħuda fil-kuntest tal-proċeduri ta’ insolvenza msemmija fl-Artikolu 2(1), li jkunu ntalbu fi Stat Membru ieħor, meta jkun qiegħed jiġi deċiż l-istat ta’ insolvenza ta’ min iħaddem fis-sens ta’ din id-Direttiva.
Artikolu 10
1. Għall-finijiet ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 9, l-Istati Membri għandhom jagħmlu provvediment sabiex jikkondividu l-informazzjoni rilevanti bejn l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti u/jew l-istituzzjonijiet ta’ garanzija tagħhom imsemmija fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3, biex b’hekk jagħmluha possibbli b’mod partikolari li jgħarrfu lill-istituzzjoni ta’ garanzija li tkun responsabbli għall-ħlas tal-pretensjonijiet pendenti ta’ l-impjegati.
2. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bid-dettalji ta’ kuntatt ta’ l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti u/jew ta’ l-istituzzjonijiet ta’ garanzija tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dik l-informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku.
KAPITOLU V
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI
Artikolu 11
Din id-Direttiva ma taffettwax l-għażla ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi aktar favorevoli għall-impjegati.
L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma għandha fl-ebda ċirkustanza tkun raġuni suffiċjenti għal rigressjoni relattivament għas-sitwazzjoni kurrenti fl-Istati Membri u relattivament għal-livell ġenerali ta’ protezzjoni ta’ impjegati fil-qasam kopert minnha.
Artikolu 12
Din id-Direttiva ma taffettwax l-għażla ta’ l-Istati Membri:
(a) |
li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jevitaw l-abbużi; |
(b) |
li jirrifjutaw jew inaqqsu r-responsabbiltà msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3 jew l-obbligu ta’ garanzija msemmi fl-Artikolu 7 jekk ikun jidher inġustifikat it-twettiq ta’ l-obbligu minħabba l-eżistenza ta’ konnessjonijiet speċjali bejn l-impjegat u min iħaddem u minħabba interessi komuni li jirriżultaw minn kollużjoni bejniethom; |
ċ) |
li jirrifjutaw jew inaqqsu r-responsabbiltà imsemmija fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3 jew l-obbligu ta’ garanzija previst fl-Artikolu 7 fil-każijiet fejn l-impjegat, f’ismu jew f’isimha jew flimkien ma’ qraba viċini, kien proprjetarju ta’ parti essenzjali ta’ l-impriża jew tan-negozju ta’ min iħaddem u kellu influwenza konsiderevoli fuq l-attivitajiet tagħha. |
Artikolu 13
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bit-tipi ta’ proċeduri nazzjonali ta’ insolvenza li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, u b’kull emenda relatata magħha.
Il-Kummissjoni għandha tippubblika dawn il-komunikazzjonijiet f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 14
L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amministrattivi prinċipali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 15
Mhux aktar tard mit-8 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni, fl-Istati Membri, ta’ l-Artikoli 1 sa 4, l-Artikoli 9 u 10, it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 11, l-Artikolu 12(ċ) u l-Artikoli 13 u 14.
Artikolu 16
Id-Direttiva 80/987/KEE, kif emendata mill-atti elenkati fl-Anness I, hija mħassra, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ l-Istati Membri relattivament għal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttivi elenkati fl-Anness I, Parti Ċ.
Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.
Artikolu 17
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 18
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmula fi Strasburgu, 22 ta’ Ottubru 2008.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
H.-G. PÖTTERING
Għall-Kunsill
Il-President
J.-P. JOUYET
(1) ĠU C 161, 13.7.2007, p. 75.
(2) L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Ġunju 2007 (ĠU C 146 E, 12.6.2008, p. 71) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ Settembru 2008.
(3) ĠU L 283, 28.10.1980, p. 23.
(4) Ara l-Anness I, Partijiet A u B.
(6) ĠU L 175, 10.7.1999, p. 43.
(7) ĠU L 206, 29.7.1991, p. 19.
ANNESS I
PARTI A
Direttiva mħassra flimkien ma’ l-emendamenti suċċessivi tagħha
(imsemmija fl-Artikolu 16)
Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE |
|
Direttiva tal-Kunsill 87/164/KEE |
|
Direttiva 2002/74/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill |
PARTI B
Att emendatorju mhux imħassar
(imsemmi fl-Artikolu 16)
Adeżjoni ta’ l-1994
PARTI Ċ
Lista tal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni
(imsemmi fl-Artikolu 16)
Direttiva |
Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni |
Data ta’ applikazzjoni |
80/987/KEE |
fit-23 ta’ Ottubru 1983 |
|
87/164/KEE |
|
fl-1 ta’ Jannar 1986 |
2002/74/KE |
fis-7 ta’ Ottubru 2005 |
|
ANNESS II
Tabella ta’ korrelazzjoni
Direttiva 80/987/KEE |
Din id-Direttiva |
Artikolu 1 |
Artikolu 1 |
Artikolu 2 |
Artikolu 2 |
Artikolu 3 |
Artikolu 3 |
Artikolu 4 |
Artikolu 4 |
Artikolu 5 |
Artikolu 5 |
Artikolu 6 |
Artikolu 6 |
Artikolu 7 |
Artikolu 7 |
Artikolu 8 |
Artikolu 8 |
Artikolu 8a |
Artikolu 9 |
Artikolu 8b |
Artikolu 10 |
Artikolu 9 |
Artikolu 11 |
Artikolu 10 |
Artikolu 12 |
Artikolu 10a |
Artikolu 13 |
Artikolu 11(1) |
— |
Artikolu 11(2) |
Artikolu 14 |
Artikolu 12 |
— |
— |
Artikolu 15 |
— |
Artikolu 16 |
— |
Artikolu 17 |
Artikolu 13 |
Artikolu 18 |
— |
Anness I |
— |
Anness II |