28.10.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 283/36


DIRETTIVA 2008/94/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Ottubru 2008

dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom

(Verżjoni kodifikata)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u l-Artikolu 137(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE ta’ l-20 ta’ Ottubru 1980, dwar il-protezzjoni tal-impjegati f’każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom (3) ġiet emendata kemm-il darba (4) b’mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmija Direttiva għandha tiġi kodifikata.

(2)

Il-Karta tal-Komunità dwar id-Drittijiet Fundamentali Soċjali tal-Ħaddiema adottata fid-9 ta’ Diċembru 1989 tiddikjara, fil-punt 7, li l-iżvilupp komplet tas-suq intern għandu jwassal għal titjib fil-kondizzjonijiet ta’ l-għajxien u tax-xogħol tal-ħaddiema fil-Komunità u li dan it-titjib għandu jkopri, fejn meħtieġ, l-iżvilupp ta’ ċerti aspetti tar-regolamenti tax-xogħol bħal proċeduri għal sensji kollettivi u dawk li jirrigwardaw il-fallimenti.

(3)

Jeħtieġ li jsir provvediment għall-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom u biex jiġi żgurat livell minimu ta’ protezzjoni, speċjalment biex jiġu garantiti pretensjonijiet mhux imħallsa b’kont meħud tal-ħtieġa ta’ żvilupp, ekonomiku u soċjali, bilanċjat fil-Komunità. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu korp li jiggarantixxi l-ħlas tal-pretensjonijiet pendenti ta’ l-impjegati kkonċernati.

(4)

Sabiex tiġi żgurata protezzjoni imparzjali lill-impjegati interessati, l-istat ta’ l-insolvenza għandu jiġi definit fid-dawl tax-xejriet leġislattivi fl-Istati Membri u tali kunċett għandu jinkludi wkoll il-proċeduri ta’ insolvenza minbarra l-istralċ. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom, sabiex jistabbilixxu r-responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni ta’ garanzija, ikunu jistgħu jistabbilixxu li fejn sitwazzjoni ta’ insolvenza tirriżulta fi proċeduri diversi ta’ l-insolvenza, is-sitwazzjoni tiġi trattata bħala proċedura waħdanija ta’ insolvenza.

(5)

Għandu jiġi żgurat li l-impjegati msemmija fid-Direttiva 97/81/KE tal-15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (5), id-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar l-Ftehim Qafas dwar x-xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (6) u d-Direttiva tal-Kunsill 91/383/KEE tal-25 ta’ Ġunju 1991 li tissupplimenta l-miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-sigurtà u s-saħħa fix-xogħol tal-ħaddiema li għandhom relazzjoni ta’ mpjieg bi żmien fiss jew ta’ mpjieg temporanju (7) ma jkunux esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(6)

Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali għall-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ impriżi li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f’għadd ta’ Stati Membri, u sabiex jissaħħu d-drittijiet tal-impjegati skond il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, għandhom isiru dispożizzjonijiet li espressament jiddikjaraw liema istituzzjoni tkun responsabbli għall-ħlas tal-pretensjonijiet f’dawn il-każijiet u li jistabbilixxu bħala l-għan tal-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti ta’ l-Istati Membri r-riżoluzzjoni bikrija tal-pretensjonijiet pendenti ta’ l-impjegati. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-arranġamenti rilevanti jiġu adegwatament implimentati billi jsir provvediment għall-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti fl-Istati Membri.

(7)

L-Istati Membri jistgħu jiffissaw limitazzjonijiet tar-responsabbiltà ta’ l-istituzzjonijiet ta’ garanzija. Dawk il-limitazzjonijiet għandhom ikunu kompatibbli ma’ l-għan soċjali tad-Direttiva u jistgħu jieħdu kont tal-livelli differenti tal-pretensjonijiet.

(8)

Sabiex tiġi faċilitata l-identifikazzjoni tal-proċeduri ta’ insolvenza, partikolarment f’sitwazzjonijiet b’dimensjoni transkonfinali, għandu jsir provvediment sabiex l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar it-tipi ta’ proċeduri ta’ insolvenza li jwasslu għal intervent minn istituzzjoni ta’ garanzija.

(9)

Ladarba l-għanijiet ta’ l-azzjoni li għandha tittieħed ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk jinkisbu aħjar fil-livell tal-Komunità, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(10)

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva b’mod partikolari fir-rigward tat-tipi ġodda ta’ impjieg li qegħdin jinħolqu fl-Istati Membri.

(11)

Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ l-Istati Membri relatati mal-limiti ta’ żmien għat-trażpożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttivi elenkati fl-Anness I, Parti Ċ,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-pretensjonijiet ta’ l-impjegati li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ impjieg jew minn relazzjonijiet ta’ impjieg u dawk eżistenti kontra dawk li jħaddmu meta jkunu fi stat ta’ insolvenza fis-sens ta’ l-Artikolu 2(1).

2.   L-Istati Membri jistgħu, bħala eċċezzjoni, jeskludu l-pretensjonijiet minn ċerti kategoriji ta’ impjegati mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, bis-saħħa ta’ l-eżistenza ta’ għamliet oħra ta’ garanzija jekk jiġi stabbilit li dawn joffru lill-persuni kkonċernati livell ta’ protezzjoni ekwivalenti għal dak li jirriżulta minn din id-Direttiva.

3.   Fejn tkun diġà applikabbli tali dispożizzjoni fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jkomplu jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva:

(a)

is-servi domestiċi impjegati minn persuna fiżika;

(b)

is-sajjieda bi sħab.

Artikolu 2

1.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, min iħaddem għandu jitqies bħala fi stat ta’ insolvenza meta tkun saret talba għall-ftuħ ta’ proċeduri kollettivi bbażati fuq l-insolvenza ta’ dak li jħaddem, kif ikun previst mil-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ Stat Membru, u li jinvolvu d-divestiment parzjali jew totali ta’ l-assi ta’ dak li jħaddem u l-ħatra ta’ stralċjarju jew ta’ persuna li twettaq kompitu simili, u ta’ l-awtorità li tkun kompetenti skond id-dispożizzjonijiet imsemmija tkun:

(a)

jew iddeċidiet li tiftaħ il-proċeduri, jew

(b)

stabbilixxiet li l-impriża jew in-negozju ta’ min iħaddem ingħalqu b’mod definittiv u li l-assi disponibbli ma jkunux suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċeduri.

2.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali fir-rigward tad-definizzjoni tat-termini “impjegat”, “min iħaddem”, “paga”, “dritt li jagħti titolu immedjat” u “dritt li jagħti titolu prospettiv”.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu ma jeskludux mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva:

(a)

lill-impjegati part-time fis-sens tad-Direttiva 97/81/KE;

(b)

lill-impjegati fuq kuntratt ta’ żmien fiss fis-sens tad-Direttiva 1999/70/KE;

ċ)

lill-impjegati f’relazzjoni ta’ impjieg temporanju fis-sens ta’ l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/383/KEE.

3.   L-Istati Membri ma jistgħux jimponu perijodu minimu ta’ żmien għall-kuntratt ta’ impjieg jew għar-relazzjoni ta’ impjieg sabiex il-ħaddiema jikkwalifikaw għall-pretensjonijiet taħt din id-Direttiva.

4.   Din id-Direttiva ma timpedixxix lill-Istati Membri milli jestendu l-protezzjoni tal-ħaddiema għal sitwazzjonijiet oħra ta’ insolvenza, per eżempju fejn il-ħlasijiet ikunu twaqqfu de facto fuq bażi permanenti, li jkunu stabbiliti bi proċeduri differenti minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1 kif previsti fil-liġijiet nazzjonali.

Dawn il-proċeduri m’għandhomx b’danakollu joħolqu xi obbligu ta’ garanzija għall-istituzzjonijiet ta’ l-Istati Membri l-oħra fil-każijiet imsemmija fil-Kapitolu IV.

KAPITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR L-ISTITUZZJONIJIET TA’ GARANZIJA

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ garanzija jiggarantixxu, suġġett għall-Artikolu 4, il-ħlas tal-pretensjoniet pendenti, ta’ ħaddiema, li jirriżultaw minn kuntratti ta’ impjieg jew minn relazzjonijiet ta’ impjieg, inkluża, fejn previst mil-liġijiet nazzjonali, paga terminali fi tmiem ir-relazzjonijiet ta’ l-impjieg.

Il-pretensjonijiet li tidħol għalihom l-istituzzjoni ta’ garanzija għandhom ikunu l-pretensjonijiet pendenti tal-ħlas tal-paga relatati ma’ perijodu preċedenti ta’ żmien u/jew, skond il-każ applikabbli, wara data speċifikata stabbilita mill-Istati Membri.

Artikolu 4

1.   L-Istati Membri għandhom ikollhom l-għażla li jillimitaw ir-responsabbiltà ta’ l-istituzzjonijiet ta’ garanzija imsemmija fl-Artikolu 3.

2.   Jekk l-Istati Membri jeżerċitaw l-għażla msemmija fil-paragrafu 1, għandhom jispeċifikaw it-tul tal-perijodu ta’ żmien li għalih għandhom jiġu sodisfatti l-pretensjonijiet pendenti mill-istituzzjoni ta’ garanzija. Madankollu, dan ma jistax ikun iqsar minn perijodu ta’ żmien li jkopri r-rimunerazzjoni ta’ l-aħħar tliet xhur tar-relazzjoni ta’ impjieg qabel u/jew wara d-data msemmija fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 3.

L-Istati Membri jistgħu jinkludu dan il-perijodu minimu ta’ tliet xhur f’perijodu ta’ żmien ta’ referenza ta’ mhux anqas minn sitt xhur.

L-Istati Membri li jkollhom perijodu ta’ żmien ta’ referenza ta’ mhux anqas minn 18-il xahar jistgħu jillimitaw il-perijodu li għalih jiġu sodisfatti l-pretensjonijiet pendenti mill-istituzzjoni ta’ garanzija għal tmien ġimgħat. F’dan il-każ, dawk il-perijodi ta’ żmien li jkunu l-aktar favorevoli għall-impjegat għandhom jintużaw għall-kalkolu tal-perijodu minimu ta’ żmien.

3.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limiti massimi rigward il-ħlasijiet magħmula mill-istituzzjoni ta’ garanzija. Dawn il-limiti massimi m’għandhomx jaqgħu taħt livell li jkun soċjalment kompatibbli ma’ l-għan soċjali ta’ din id-Direttiva.

Jekk l-Istati Membri jeżerċitaw din il-għażla, għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-metodi użati sabiex jiġi stabbilit il-limitu massimu.

Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dettaljati għall-organizzazzjoni, finanzjament u funzjonament ta’ l-istituzzjonijiet ta’ garanzija, konformi b’mod speċjali mal-prinċipji li ġejjin:

(a)

l-assi ta’ l-istituzzjonijiet għandhom ikunu indipendenti mill-kapital operattiv impjegat mill-persuna li tħaddem u għandhom ikunu inaċċessibbli għall-proċeduri ta’ insolvenza;

(b)

min iħaddem għandu jikkontribwixxi għall-finanzjament, sakemm dan ma jkunx kompletament kopert mill-awtoritajiet pubbliċi;

ċ)

ir-responsabbilitajiet ta’ l-istituzzjonijiet m’għandhomx jiddipendu fuq jekk l-obbligazzjonijiet ta’ kontribuzzjoni għall-finanzjament ġewx sodisfatti jew le.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR SIGURTÀ SOĊJALI

Artikolu 6

L-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-Artikoli 3, 4 u 5 ma japplikawx għall-kontribuzzjonijiet dovuti taħt skemi statutorji nazzjonali ta’ sigurtà soċjali jew taħt xi skemi supplimentari okkupazzjonali jew inter-okkupazzjonali li ma jidħlux fl-iskemi statutorji nazzjonali tas-sigurtà soċjali.

Artikolu 7

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li n-nuqqas li jitħallsu l-kontribuzzjonijiet obbligatorji dovuti minn min iħaddem, qabel il-bidu ta’ l-insolvenza, lill-istituzzjonijiet assigurattivi taħt l-iskemi statutorji nazzjonali ta’ sigurtà soċjali ma jaffettwax ħażin it-titolu ta’ l-impjegati għall-benefiċċji fir-rigward ta’ dawn l-istituzzjonijiet assigurattivi sa fejn il-kontribuzzjonijiet ta’ l-impjegati jkunu tnaqqsu mill-ewwel mir-rimunerazzjoni mogħtija lilhom.

Artikolu 8

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu l-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni ta’ l-interessi ta’ l-impjegati u ta’ persuni li jkunu diġa’ telqu mill-impriża jew negozju ta’ min iħaddem fid-data tal-bidu tal-insolvenza tiegħu fir-rigward tad-drittijiet li jintitolawhom immedjatament jew prospettivament għal benefiċċji tax-xjuħija, inklużi benefiċċji lil min jibqa’ ħaj, taħt skemi pensjonistiċi supplimentari okkupazzjonali jew inter-okkupazzjonali li ma jkunux parti mill-iskemi statutorji nazzjonali ta’ sigurtà soċjali.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET LI JIRRIGWARDAW SITWAZZJONIJIET TRANSNAZZJONALI

Artikolu 9

1.   Jekk impriża li teżerċita attivitajiet fit-territorji f’mill-inqas żewġ Stati Membri tkun fi stat ta’ insolvenza fis-sens ta’ l-Artikolu 2(l), l-istituzzjoni responsabbli mill-ħlas tal-pretensonijiet pendenti ta’ l-impjegati għandha tkun dik fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu dawn jaħdmu jew abitwalment jaħdmu.

2.   Il-limitu tad-drittijiet ta’ l-impjegati għandu jiġi stabbilit mil-liġi li tirregola l-istituzzjoni kompetenti ta’ garanzija.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li, fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jittieħed kont tad-deċiżjonijiet meħuda fil-kuntest tal-proċeduri ta’ insolvenza msemmija fl-Artikolu 2(1), li jkunu ntalbu fi Stat Membru ieħor, meta jkun qiegħed jiġi deċiż l-istat ta’ insolvenza ta’ min iħaddem fis-sens ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 10

1.   Għall-finijiet ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 9, l-Istati Membri għandhom jagħmlu provvediment sabiex jikkondividu l-informazzjoni rilevanti bejn l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti u/jew l-istituzzjonijiet ta’ garanzija tagħhom imsemmija fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3, biex b’hekk jagħmluha possibbli b’mod partikolari li jgħarrfu lill-istituzzjoni ta’ garanzija li tkun responsabbli għall-ħlas tal-pretensjonijiet pendenti ta’ l-impjegati.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bid-dettalji ta’ kuntatt ta’ l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti u/jew ta’ l-istituzzjonijiet ta’ garanzija tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dik l-informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 11

Din id-Direttiva ma taffettwax l-għażla ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi aktar favorevoli għall-impjegati.

L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma għandha fl-ebda ċirkustanza tkun raġuni suffiċjenti għal rigressjoni relattivament għas-sitwazzjoni kurrenti fl-Istati Membri u relattivament għal-livell ġenerali ta’ protezzjoni ta’ impjegati fil-qasam kopert minnha.

Artikolu 12

Din id-Direttiva ma taffettwax l-għażla ta’ l-Istati Membri:

(a)

li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jevitaw l-abbużi;

(b)

li jirrifjutaw jew inaqqsu r-responsabbiltà msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3 jew l-obbligu ta’ garanzija msemmi fl-Artikolu 7 jekk ikun jidher inġustifikat it-twettiq ta’ l-obbligu minħabba l-eżistenza ta’ konnessjonijiet speċjali bejn l-impjegat u min iħaddem u minħabba interessi komuni li jirriżultaw minn kollużjoni bejniethom;

ċ)

li jirrifjutaw jew inaqqsu r-responsabbiltà imsemmija fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3 jew l-obbligu ta’ garanzija previst fl-Artikolu 7 fil-każijiet fejn l-impjegat, f’ismu jew f’isimha jew flimkien ma’ qraba viċini, kien proprjetarju ta’ parti essenzjali ta’ l-impriża jew tan-negozju ta’ min iħaddem u kellu influwenza konsiderevoli fuq l-attivitajiet tagħha.

Artikolu 13

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bit-tipi ta’ proċeduri nazzjonali ta’ insolvenza li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, u b’kull emenda relatata magħha.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika dawn il-komunikazzjonijiet f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 14

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amministrattivi prinċipali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 15

Mhux aktar tard mit-8 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni, fl-Istati Membri, ta’ l-Artikoli 1 sa 4, l-Artikoli 9 u 10, it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 11, l-Artikolu 12(ċ) u l-Artikoli 13 u 14.

Artikolu 16

Id-Direttiva 80/987/KEE, kif emendata mill-atti elenkati fl-Anness I, hija mħassra, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ l-Istati Membri relattivament għal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttivi elenkati fl-Anness I, Parti Ċ.

Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 17

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 18

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, 22 ta’ Ottubru 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

J.-P. JOUYET


(1)  ĠU C 161, 13.7.2007, p. 75.

(2)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Ġunju 2007 (ĠU C 146 E, 12.6.2008, p. 71) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ Settembru 2008.

(3)  ĠU L 283, 28.10.1980, p. 23.

(4)  Ara l-Anness I, Partijiet A u B.

(5)  ĠU L 14, 20.1.1998, p. 9.

(6)  ĠU L 175, 10.7.1999, p. 43.

(7)  ĠU L 206, 29.7.1991, p. 19.


ANNESS I

PARTI A

Direttiva mħassra flimkien ma’ l-emendamenti suċċessivi tagħha

(imsemmija fl-Artikolu 16)

Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE

(ĠU L 283, 28.10.1980, p. 23)

Direttiva tal-Kunsill 87/164/KEE

(ĠU L 66, 11.3.1987, p. 11).

Direttiva 2002/74/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 270, 8.10.2002, p. 10).

PARTI B

Att emendatorju mhux imħassar

(imsemmi fl-Artikolu 16)

Adeżjoni ta’ l-1994

PARTI Ċ

Lista tal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni

(imsemmi fl-Artikolu 16)

Direttiva

Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni

Data ta’ applikazzjoni

80/987/KEE

fit-23 ta’ Ottubru 1983

 

87/164/KEE

 

fl-1 ta’ Jannar 1986

2002/74/KE

fis-7 ta’ Ottubru 2005

 


ANNESS II

Tabella ta’ korrelazzjoni

Direttiva 80/987/KEE

Din id-Direttiva

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 8

Artikolu 8a

Artikolu 9

Artikolu 8b

Artikolu 10

Artikolu 9

Artikolu 11

Artikolu 10

Artikolu 12

Artikolu 10a

Artikolu 13

Artikolu 11(1)

Artikolu 11(2)

Artikolu 14

Artikolu 12

Artikolu 15

Artikolu 16

Artikolu 17

Artikolu 13

Artikolu 18

Anness I

Anness II