EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0357

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2022/357 tat-2 ta’ Marzu 2022 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jaddotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabbiltà skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà 1 u 8 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2022/1173

ĠU L 68, 3.3.2022, p. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/10/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R1803

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/357/oj

3.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 68/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/357

tat-2 ta’ Marzu 2022

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jaddotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabbiltà skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà 1 u 8

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabbiltà (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fil-15 ta’ Ottubru 2008.

(2)

Fit-12 ta’ Frar 2021, il-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità ppubblika emendi għall-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 1 Preżentazzjoni ta’ Rapporti Finanzjarji u l-IAS 8 Politiki ta’ Kontabilità, Bidliet fl-Istimi tal-Kontabilità u Żbalji. Dawk l-emendi jiċċaraw id-differenzi bejn il-politiki kontabilistiċi u l-istimi kontabilistiċi biex tiġi żgurata aktar applikazzjoni konsistenti tal-istandards kontabilistiċi u l-komparabbiltà tar-rapporti finanzjarji.

(3)

Wara konsultazzjonijiet mal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-emendi fl-IAS 1 u l-IAS 8 jissodisfaw il-kriterji għall-adozzjoni stipulati fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

(4)

Jenħtieġ għalhekk li r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju tal-Kontabbiltà,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1126/2008 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 1 Preżentazzjoni tar-Rapporti Finanzjarji huwa emendat kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament;

(b)

IAS 8 Politiki ta’ Kontabilità, Bidliet fl-Istimi ta’ Kontabilità u Żbalji huwa emendat kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Kull kumpanija tapplika l-emendi msemmija fl-Artikolu 1, mhux aktar tard mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja tagħha li tibda fl-Il-Ħadd, 1 ta’ Jannar 2023 jew wara.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Marzu 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta’ Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1).


ANNESS

Emendi għall-IAS 1

Preżentazzjoni tar-Rapporti Finanzjarji

Il-paragrafi 7, 10, 114, 117 u 122 huma emendati. Jiżdiedu l-paragrafi 117 A–117E u 139 V. Jitħassru l-paragrafi 118, 119 u 121.

DEFINIZZJONIJIET

7.

It-termini li ġejjin jintużaw f’dan l-Istandard bit-tifsiriet speċifikati:

Il-politiki ta’ kontabilità huma definiti fil-paragrafu 5 tal-IAS 8 Politiki ta’ Kontabilità, Bidliet fl-Istimi ta’ Kontabilità u Żbalji, u t-terminu jintuża f’dan l-Istandard bl-istess tifsira.

...

RAPPORTI FINANZJARJI

...

Sett sħiħ ta’ rapporti finanzjarji

10.

Sett sħiħ ta’ rapporti finanzjarji jkun fih:

...

(e)

noti, li jinkludu informazzjoni materjali dwar il-politika tal-kontabilità u informazzjoni oħra ta’ spjegazzjoni;

STRUTTURA U KONTENUT

...

Noti

Struttura

...

114.

Eżempji ta’ ordni sistematiku jew ġbir ta’ noti jinkludu:

...

(c)

is-segwitu tal-ordni tal-partiti fir-rapport(i) tal-profitt jew telf u tal-introjtu komprensiv ieħor u r-rapport tal-pożizzjoni finanzjarja, bħal:

...

(ii)

informazzjoni materjali dwar il-politika tal-kontabilità (ara l-paragrafu 117);

...

L-iżvelar ta’ informazzjoni dwar il-politika tal-kontabilità

117.

Entità għandha tiżvela informazzjoni materjali dwar il-politika tal-kontabilità (ara l-paragrafu 7). L-informazzjoni dwar il-politika tal-kontabilità tkun materjali jekk, meta titqies flimkien ma’ informazzjoni oħra inkluża fir-rapporti finanzjarji ta’ entità, ikun jista’ jiġi raġonevolment mistenni li tinfluwenza d-deċiżjonijiet li l-utenti primarji tar-rapporti finanzjarji għal skop ġenerali jieħdu abbażi ta’ dawk ir-rapporti finanzjarji.

117 A

L-informazzjoni dwar il-politika tal-kontabilità li tirrigwarda tranżazzjonijiet immaterjali, eventi jew kundizzjonijiet oħra hija immaterjali u ma hemmx għalfejn tiġi żvelata. L-informazzjoni dwar il-politika tal-kontabilità tista’ madankollu tkun materjali minħabba n-natura tat-tranżazzjonijiet relatati, eventi jew kundizzjonijiet oħra, anki jekk l-ammonti jkunu immaterjali. Madankollu, mhux l-informazzjoni kollha dwar il-politika tal-kontabilità li tirrigwarda t-tranżazzjonijiet materjali, eventi jew kundizzjonijiet oħra hija minnha nnifisha materjali.

117B

L-informazzjoni dwar il-politika tal-kontabilità hija mistennija li tkun materjali jekk l-utenti tar-rapporti finanzjarji ta’ entità jkunu jeħtieġuha biex jifhmu informazzjoni materjali oħra fir-rapporti finanzjarji. Pereżempju, wisq probabbli li entità tqis l-informazzjoni dwar il-politika tal-kontabilità materjali għar-rapporti finanzjarji tagħha jekk dik l-informazzjoni tkun tirrigwarda tranżazzjonijiet materjali, eventi u kundizzjonijiet oħra u:

(a)

l-entità biddlet il-politika tal-kontabilità tagħha matul il-perjodu tar-rapportar u din il-bidla wasslet għal bidla materjali fl-informazzjoni fir-rapporti finanzjarji;

(b)

l-entità għażlet il-politika tal-kontabilità minn fost għażla waħda jew aktar permessi mill-IFRSs — tali sitwazzjoni tista’ tinħoloq jekk l-entità tkun għażlet li tkejjel il-proprjetà għall-investiment skont il-kost storiku minflok bil-valur ġust;

(c)

il-politika tal-kontabilità ġiet żviluppata f’konformità mal-IAS 8 fin-nuqqas ta’ IFRS li japplika speċifikament;

(d)

il-politika tal-kontabilità tirrigwarda qasam li dwaru entità tkun obbligata li tagħti ġudizzji jew tagħmel suppożizzjonijiet sinifikanti fl-applikazzjoni ta’ politika tal-kontabilità, u l-entità tiżvela dawk il-ġudizzji jew suppożizzjonijiet f’konformità mal-paragrafi 122 u 125; jew

(e)

il-kontabilità meħtieġa għalihom tkun kumplessa u l-utenti tar-rapporti finanzjarji tal-entità altrimenti ma jifhmux dawk it-tranżazzjonijiet materjali, eventi jew kundizzjonijiet oħra — tali sitwazzjoni tista’ tinħoloq jekk entità tapplika aktar minn IFRS wieħed għal klassi ta’ tranżazzjonijiet materjali.

117C

L-informazzjoni dwar il-politika tal-kontabilità li tiffoka fuq kif entità tkun applikat ir-rekwiżiti tal-IFRSs għaċ-ċirkostanzi tagħha stess tipprovdi informazzjoni speċifika għall-entità li tkun aktar utli għall-utenti tar-rapporti finanzjarji minn informazzjoni standardizzata, jew informazzjoni li kulma tagħmel huwa li tirriproduċi jew tiġbor fil-qosor ir-rekwiżiti tal-IFRSs.

117D

Jekk entità tiżvela informazzjoni immaterjali dwar il-politika tal-kontabilità, tali informazzjoni ma għandhiex tostor l-informazzjoni materjali dwar il-politika tal-kontabilità.

117E

Il-konklużjoni ta’ entità li l-informazzjoni dwar il-politika tal-kontabilità hija immaterjali ma taffettwax ir-rekwiżiti ta’ żvelar relatati stipulati f’IFRSs oħrajn.

118.

[Imħassar]

119.

[Imħassar]

120.

[Imħassar]

121.

[Imħassar]

122.

Entità għandha tiżvela, flimkien mal-informazzjoni materjali dwar il-politika tal-kontabilità jew noti oħra, il-ġudizzji, minbarra dawk li jinvolvu stimi (ara l-paragrafu 125), li l-maniġment ikun għamel fil-proċess tal-applikazzjoni tal-politika ta’ kontabilità tal-entità u li jkollhom l-aktar effett sinifikanti fuq l-ammonti rikonoxxuti fir-rapporti finanzjarji.

...

TRANŻIZZJONI U DATA EFFETTIVA

...

139 V

L-Iżvelar tal-Politika tal-Kontabilità, li ħareġ fi Frar 2021, emenda l-paragrafi 7, 10, 114, 117 u 122, żied il-paragrafi 117 A–117E u ħassar il-paragrafi 118, 119 u 121. Emenda wkoll id-Dikjarazzjoni dwar il-Prassi IFRS 2 Making Materiality Judgements (L-għoti ta’ ġudizzji dwar il-materjalità). Entità għandha tapplika l-emendi għall-IAS 1 għall-perjodi ta’ rappurtar annwali li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2023 jew wara. Applikazzjoni aktar bikrija hija permessa. Jekk entità tapplika dawn l-emendi għal perjodu preċedenti, għandha tiżvela dan il-fatt.

Emendi għal pubblikazzjonijiet u Standards oħra tal-IFRS

Emendi għall-IFRS 7 Strumenti Finanzjarji: Żvelar

Il-paragrafi 21 u B5 huma emendati. Jiżdied il-paragrafu 44II.

L-IMPORTANZA TA’ STRUMENTI FINANZJARJI GĦALL-POŻIZZJONI U R-RIŻULTATI FINANZJARJI

...

Żvelar ieħor

Politiki ta’ kontabilità

21.

F’konformità mal-paragrafu 117 tal-IAS 1 Preżentazzjoni tar-Rapporti Finanzjarji (kif rivedut fl-2007), entità tiżvela informazzjoni materjali dwar il-politika tal-kontabilità. L-informazzjoni dwar il-bażi (jew bażijiet) tal-kejl għall-istrumenti finanzjarji użati fit-tħejjija tar-rapporti finanzjarji hija mistennija li tkun informazzjoni materjali dwar il-politika tal-kontabilità.

...

DATA EFFETTIVA U TRANŻIZZJONI

...

44II

L-Iżvelar tal-Politika tal-Kontabilità, li jemenda l-IAS 1 u d-Dikjarazzjoni dwar il-Prassi IFRS 2 Making Materiality Judgements (L-għoti ta’ ġudizzji dwar il-materjalità), u nħareġ fi Frar 2021, emenda l-paragrafi 21 u B5. Entità għandha tapplika dik l-emenda għall-perjodi ta’ rappurtar annwali li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2023 jew wara. Applikazzjoni aktar bikrija hija permessa. Jekk entità tapplika l-emenda għal perjodu preċedenti, għandha tiżvela dan il-fatt.

Appendiċi B

Gwida għall-Applikazzjoni

...

KLASSIJIET TA’ STRUMENTI FINANZJARJI U LIVELL TA’ ŻVELAR (IL-PARAGRAFU 6)

...

Żvelar ieħor – politika tal-kontabilità (il-paragrafu 21)

B5

Il-paragrafu 21 jirrikjedi żvelar tal-informazzjoni materjali dwar il-politika tal-kontabilità, li hija mistennija li tinkludi informazzjoni dwar il-bażi (jew bażijiet) tal-kejl għall-istrumenti finanzjarji użati fit-tħejjija tar-rapporti finanzjarji. Għall-istrumenti finanzjarji, tali żvelar jaf jinkludi:

...

Il-paragrafu 122 tal-IAS 1 (kif rivedut fl-2007) jirrikjedi wkoll li l-entitajiet jiżvelaw, flimkien mal-informazzjoni materjali dwar il-politika tal-kontabilità jew noti oħrajn, il-ġudizzji, minbarra dawk li jinvolvu stimi, li l-maniġment ikun għamel fil-proċess tal-applikazzjoni tal-politika tal-kontabilità tal-entità u li jkollhom l-aktar effett sinifikanti fuq l-ammonti rikonoxxuti fir-rapporti finanzjarji.

Emendi għall-IAS 26 Kontabilità u Rappurtar minn Pjanijiet ta’ Benefiċċji għall-Irtirar

Il-paragrafu 34 huwa emendat u jiżdied il-paragrafu 38.

IL-PJANIJIET KOLLHA

Żvelar

34.

Ir-rapporti finanzjarji ta’ pjan ta’ benefiċċju għall-irtirar, kemm jekk ta’ benefiċċju definit jew ta’ kontribuzzjoni definita, għandhom jinkludu wkoll l-informazzjoni li ġejja:

(b)

informazzjoni materjali dwar il-politika tal-kontabilità; kif ukoll

DATA EFFETTIVA

...

38.

L-Iżvelar tal-Politika tal-Kontabilità, li jemenda l-IAS 1 Preżentazzjoni tar-Rapporti Finanzjarji u d-Dikjarazzjoni dwar il-Prassi IFRS 2 Making Materiality Judgements (L-għoti ta’ ġudizzji dwar il-materjalità), u li nħareġ fi Frar 2021, emenda l-paragrafu 34. Entità għandha tapplika dik l-emenda għall-perjodi ta’ rappurtar annwali li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2023 jew wara. Applikazzjoni aktar bikrija hija permessa. Jekk entità tapplika l-emenda għal perjodu preċedenti, għandha tiżvela dan il-fatt.

Emendi għall-IAS 34 Rappurtaġġ Finanzjarju Interim

Il-paragrafu 5 huwa emendat u jiżdied il-paragrafu 60.

KONTENUT TA’ RAPPORT FINANZJARJU INTERIM

5.

L-IAS 1 jiddefinixxi sett komplut ta’ rapporti finanzjarji li jinkludi l-komponenti li ġejjin:

...

(e)

noti, li jinkludu informazzjoni materjali dwar il-politika tal-kontabilità u informazzjoni oħra ta’ spjegazzjoni;

...

DATA EFFETTIVA

...

60.

L-Iżvelar tal-Politika tal-Kontabilità, li jemenda l-IAS 1 u d-Dikjarazzjoni dwar il-Prassi IFRS 2 Making Materiality Judgements (L-għoti ta’ ġudizzji dwar il-materjalità), u li nħareġ fi Frar 2021, emenda l-paragrafu 5. Entità għandha tapplika dik l-emenda għall-perjodi ta’ rappurtar annwali li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2023 jew wara. Applikazzjoni aktar bikrija hija permessa. Jekk entità tapplika l-emenda għal perjodu preċedenti, għandha tiżvela dan il-fatt.

Emendi għall-IAS 8

Politiki ta’ Kontabilità, Bidliet fl-Istimi ta’ Kontabilità u Żbalji

Il-paragrafi 5, 32, 34, 38 u 48 u l-intestatura ta’ fuq il-paragrafu 32 huma emendati. Jiżdiedu l-paragrafi 32 A–32B, 34 A u 54I u l-intestaturi ta’ fuq il-paragrafi 34 u 36. L-intestatura ta’ fuq il-paragrafu 39 hija emendata biex tkun subintestatura tal-intestatura miżjuda fuq il-paragrafu 34.

DEFINIZZJONIJIET

5.

It-termini li ġejjin jintużaw f’dan l-Istandard bit-tifsiriet speċifikati:

...

Stimi tal-kontabilità huma ammonti monetarji fir-rapporti finanzjarji li huma soġġetti għal inċertezza tal-kejl.

...

STIMI TAL-KONTABILITÀ

32.

Politika tal-kontabilità jaf tkun tirrikjedi li entrati elenkati fir-rapporti finanzjarji jitkejlu b’tali mod li jinvolvi inċertezza tal-kejl, jiġifieri, il-politika tal-kontabilità jaf tkun tirrikjedi li tali entrati jitkejlu f’ammonti monetarji li ma jistgħux jiġu osservati direttament u minflok trid issir stima tagħhom. F’tali każ, entità tiżviluppa stima tal-kontabilità biex tilħaq l-objettiv stabbilit mill-politika tal-kontabilità. L-iżvilupp ta’ stimi tal-kontabilità jinvolvi l-użu ta’ ġudizzji jew suppożizzjonijiet ibbażati fuq l-aħħar informazzjoni affidabbli disponibbli. Eżempji ta’ stimi tal-kontabilità jinkludu:

(a)

provvediment għat-telf għal telf ta’ kreditu mistenni, bl-applikazzjoni tal-IFRS 9 Strumenti Finanzjarji;

(b)

il-valur nett realizzabbli ta’ entrata ta’ inventarju, bl-applikazzjoni tal-IAS 2 L-inventarji;

(c)

il-valur ġust ta’ assi jew obbligazzjoni, bl-applikazzjoni tal-IFRS 13 Kejl tal-valur ġust;

(d)

l-ispiża ta’ deprezzament għal oġġett ta’ proprjetà, impjant u tagħmir, bl-applikazzjoni tal-IAS 16; kif ukoll

(e)

provvediment għal obbligi ta’ garanzija, bl-applikazzjoni tal-IAS 37 Provvedimenti, Obbligazzjonijiet Kontinġenti u Assi Kontinġenti.

32 A

Entità tuża tekniki u inputs ta’ kejl biex tiżviluppa stima tal-kontabilità. It-tekniki ta’ kejl jinkludu tekniki tal-istimi (pereżempju, tekniki użati biex jitkejjel provvediment għat-telf għal telf ta’ kreditu mistenni bl-applikazzjoni tal-IFRS 9) u tekniki ta’ valwazzjoni (pereżempju, tekniki użati għall-kejl tal-valur ġust ta’ assi jew obbligazzjoni bl-applikazzjoni tal-IFRS 13).

32B

It-terminu “stima” fl-IFRSs xi drabi jirreferi għal stima li mhijiex stima tal-kontabilità kif definita f’dan l-Istandard. Pereżempju, xi drabi jirreferi għal input użat fl-iżvilupp ta’ stimi tal-kontabilità.

...

Bidliet fl-istimi tal-kontabilità

34.

Stima jaf tkun teħtieġ tibdel stima tal-kontabilità jekk iseħħu bidliet fiċ-ċirkustanzi li fuqhom l-istima tal-kontabilità kienet ibbażata jew bħala riżultat ta’ informazzjoni ġdida, żviluppi ġodda jew aktar esperjenza. Min-natura tagħha, bidla fi stima tal-kontabilità ma tirrelatax ma’ perjodi ta’ qabel u mhijiex korrezzjoni ta’ żball.

34 A

L-effetti fuq stima tal-kontabilità ta’ bidla fl-input jew bidla fit-teknika ta’ kejl huma bidliet fl-istimi tal-kontabilità sakemm ma jirriżultawx mill-korrezzjoni ta’ żbalji fil-perjodi ta’ qabel.

...

Applikazzjoni tal-bidliet fl-istimi tal-kontabilità

...

38.

Rikonoxximent prospettiv tal-effett tal-bidla fi stima tal-kontabilità tfisser li l-bidla hija applikata għat-tranżazzjonijiet, eventi u kondizzjonijiet oħra mid-data ta’ dik il-bidla. Bidla fl-istima tal-kontabilità jaf taffettwa biss il-profitt jew it-telf tal-perjodu kurrenti, jew il-profitt jew it-telf kemm tal-perjodu kurrenti kif ukoll tal-perjodi tal-futur. Pereżempju, bidla fi provvediment għat-telf għal telf ta’ kreditu mistenni taffettwa biss il-profitt jew it-telf tal-perjodu kurrenti u għalhekk tiġi rikonoxxuta fil-perjodu kurrenti. Madankollu, bidla fiż-żmien tal-utilità ta’, jew il-format mistenni tal-konsum ta’ benefiċċji ekonomiċi tal-futur li jinsabu f’assi deprezzabbli taffettwa l-ispiża ta’ deprezzament għall-perjodu kurrenti u għal kull perjodu tal-futur matul iż-żmien tal-utilità li jkun fadal tal-assi. Fiż-żewġ każijiet, l-effett tal-bidla relatat mal-perjodu preżenti huwa rikonoxxut bħala introjtu jew spiża fil-perjodu preżenti. L-effett, jekk hemm, fuq perjodi tal-futur huwa rikonoxxut bħala introjtu jew spiża f’dawk il-perjodi tal-futur.

Żvelar

...

ŻBALJI

...

48.

Korrezzjonijiet ta’ żbalji huma distinti minn bidliet fl-istimi tal-kontabilità. Stimi tal-kontabilità min-natura tagħhom stess huma approssimazzjonijiet u jistgħu jkunu jeħtieġu tibdil kif issir magħrufa informazzjoni addizzjonali. Pereżempju, il-qligħ jew it-telf rikonoxxut mir-riżultat ta’ kontinġenza mhuwiex korrezzjoni ta’ żball.

...

DATA EFFETTIVA U TRANŻIZZJONI

...

54I

Definizzjoni ta’ Stimi tal-Kontabilità, li ħareġ fi Frar 2021, emenda l-paragrafi 5, 32, 34, 38 u 48 u żied il-paragrafi 32 A, 32B u 34 A. Entità għandha tapplika dawn l-emendi għall-perjodi ta’ rappurtar annwali li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2023 jew wara. Applikazzjoni aktar bikrija hija permessa. Entità għandha tapplika l-emendi għall-bidliet fl-istimi tal-kontabilità u l-bidliet fil-politiki tal-kontabilità li jseħħu fil-bidu tal-ewwel perjodu ta’ rapportar annwali li fih tapplika l-emendi, jew warajh.

Top