EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006L0070

2006/70/KE: Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE ta’ l- 1 ta' Awwissu 2006 li tistabbilixxi miżuri implimentattivi għad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni ta’ persuni esposti politikament u l-kriterji tekniċi għal proċeduri ssimplifikati tad-diliġenza dovuta mal-klijent u għal eżenzjoni għal raġunijiet ta’ attività finanzjarja mwettqa fuq bażi okkażjonali jew limitata ħafna

ĠU L 214, 4.8.2006, p. 29–34 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 322M, 2.12.2008, p. 247–252 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 25/06/2017; Revokat u sostitwit bi 32015L0849

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/70/oj

2.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

247


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2006/70/KE

ta’ l-1 ta' Awwissu 2006

li tistabbilixxi miżuri implimentattivi għad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni ta’ “persuni esposti politikament” u l-kriterji tekniċi għal proċeduri ssimplifikati tad-diliġenza dovuta mal-klijent u għal eżenzjoni għal raġunijiet ta’ attività finanzjarja mwettqa fuq bażi okkażjonali jew limitata ħafna

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (1), u b’mod partikolari l-punti (a), (b) u (d) tal-Artikolu 40(1) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2005/60/KE tesiġi li l-istituzzjonijiet u l-persuni koperti għandhom japplikaw, fuq bażi ta’ sensittività għar-riskji, miżuri msaħħa ta’ diliġenza dovuta mal-klijent fejn għandhom x’jaqsmu tranżazzjonijiet jew relazzjonijiet kummerċjali ma’ persuni li huma esposti politikament li r-residenza tagħhom hija fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz. Fil-kuntest ta’ din l-analiżi tar-riskju, ikun xieraq li r-riżorsi tal-istituzzjonijiet u l-persuni koperti jkunu ffukati b’mod partikolari fuq prodotti u tranżazzjonijiet li huma kkaratterizzati minn riskju għoli ta’ ħasil tal-flus. Persuni li huma esposti politikament huma persuni fdati b’funzjonijiet pubbliċi prominenti, il-membri immedjati tal-familji ta’ dawn il-persuni, kif ukoll persuni magħrufa bħala li huma assoċjati mill-qrib ma’ dawn il-persuni. Sabiex titwettaq applikazzjoni koerenti tal-kunċett ta’ persuna esposta politikament, meta jiġu ddeterminati l-gruppi ta’ persuni koperti jkun essenzjali li jitqiesu d-differenzi soċjali, politiċi u ekonomiċi bejn il-pajjiżi kkonċernati.

(2)

Istituzzjonijiet u persuni koperti mid-Direttiva 2005/60/KE jista’ ma jirnexxilhomx jidentifikaw klijent bħala li jaqa’ f’waħda mill-kategoriji ta’ persuni esposti politikament, minkejja l-fatt li jkunu ħadu miżuri raġonevoli u xierqa f’dan ir-rigward. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huma u jimplimentaw is-setgħat tagħhom f'rabta mal-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom iqisu b'mod xieraq il-ħtieġa li ma jattribwixxux responsabbiltà awtomatika lil dawk il-persuni għal tali nuqqas. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw ukoll li jiffaċilitaw konformità mad-Direttiva billi jipprovdu l-gwida meħtieġa lil istituzzjonijiet u persuni f’dan ir-rigward.

(3)

Funzjonijiet pubbliċi li jsiru fuq livelli taħt dawk nazzjonali normalment ma għandhomx jitqiesu bħala funzjonijiet prominenti. Madankollu, meta l-espożizzjoni politika tagħhom tkun tista’ titqabbel ma’ dik ta’ pożizzjonijiet simili fuq livell nazzjonali, l-istituzzjonijiet u l-persuni koperti bid-Direttiva għandhom, fuq bażi ta’ sensittività għar-riskji, jikkunsidraw jekk il-persuni li jkunu qed iwettqu dawn il-funzjonijiet pubbliċi jistgħux jitqiesu bħala persuni esposti politikament.

(4)

Meta d-Direttiva 2005/60/KE titlob lil istituzzjonijiet u persuni koperti biex jidentifikaw sħab mill-qrib ta’ persuni fiżiċi li jkunu ġew fdati b’funzjonijiet pubbliċi prominenti, dan l-obbligu japplika sal-punt li r-relazzjoni mal-assoċjat hi magħrufa pubblikament jew li l-istituzzjoni jew il-persuna għandhom bażi biex jemmnu li din ir-relazzjoni teżisti. Għaldaqstant, l-għarfien ta’ din il-kundizzjoni ma jippresupponix tiftix attiv mill-istituzzjonijiet jew il-persuni koperti mid-Direttiva.

(5)

Persuni li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ persuni esposti politikament ma għandhomx jitqiesu tali wara li jieqfu jwettqu funzjonijiet pubbliċi prominenti, suġġett għall-applikazzjoni ta’ perjodu ta’ prudenza.

(6)

Waqt li l-adattament tad-diliġenza ġenerali dovuta mal-klijent għal sitwazzjonijiet ta’ riskju baxx fuq bażi ta’ sensittività għar-riskju hu l-istrument normali skont id-Direttiva 2005/60/KE u minħabba l-fatt li proċeduri ssimplifikati ta’ diliġenza dovuta mal-klijent jeħtieġu verifikazzjonijiet u bbilanċjar xierqa f’partijiet oħra tas-sistema bil-għan li jiġu evitati l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu, l-applikazzjoni ta’ proċeduri ssimplifikati ta’ diliġenza dovuta mal-klijent għandha tkun ristretta għal għadd limitat ta’ każi. F’dawn il-każi, ir-rekwiżiti għall-istituzzjonijiet u l-persuni koperti minn din id-Direttiva ma jgħibux imma għandu jkun mistenni, inter alia, li dawn ir-rekwiżiti jservu ta’ kontroll kontinwu fuq ir-relazzjonijiet kummerċjali biex jiġu identifikati operazzjonijiet kumplessi jew tranżazzjonijiet straordinarjament kbar li ma jkollhom la skop ekonomiku apparenti u lanqas għan legali viżibbli.

(7)

L-awtoritajiet pubbliċi domestiċi huma ġeneralment ikkunsidrati bħala klijenti ta’ riskju baxx fl-Istat Membru proprju tagħhom u, skont id-Direttiva 2005/60/KE, jistgħu jkunu suġġetti għal proċeduri ssimplifikati ta’ diliġenza dovuta mal-klijent. Madankollu, l-ebda istituzzjoni, entità, uffiċċju jew aġenzija, inkluż il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ma jikkwalifikawx direttament fid-Direttiva għal diliġenza dovuta mal-klijent issimplifikata skont il-kategorija ta’ “awtoritajiet pubbliċi domestiċi” jew, fil-każ tal-BĊE, skont il-kategorija ta’ “istituzzjoni ta’ kreditu u istituzzjoni finanzjarja”. Madankollu, ma jidhirx li dawn l-entitajiet jippreżentaw riskju għoli ta’ ħasil ta’ flus jew ta’ ffinanzjar tat-terroriżmu u għaldaqstant jistgħu jitqiesu bħala klijenti ta' riskju baxx u b'hekk jibbenefikaw mill-proċeduri ssimplifikati ta’ diliġenza dovuta mal-klijent, sakemm ikunu sodisfatti ċerti kriterji xierqa.

(8)

Barra minn hekk, għandha tkun possibbli l-applikazzjoni ta’ proċeduri ssimplifikati ta’ diliġenza dovuta mal-klijent fil-każ ta’ entitajiet ġuridiċi li jwettqu attivitajiet finanzjarji li ma jaqgħux taħt id-definizzjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji skont id-Direttiva 2005/60/KE imma li huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni nazzjonali skont din id-Direttiva u li huma konformi mar-rekwiżiti ta’ trasparenza suffiċjenti fejn għandha x’taqsam l-identità tagħhom u mekkaniżmi xierqa ta’ verifikazzjoni, b’mod partikolari ta’ sorveljanza msaħħa. Jista’ jkun li dan hu l-każ li japplika għal impriżi li jipprovdu servizzi ġenerali ta’ assigurazzjoni.

(9)

Għandha tkun possibbli l-applikazzjoni ta’ proċeduri ssimplifikati ta’ diliġenza dovuta mal-klijent għal prodotti u operazzjonijiet marbuta magħhom f’ċirkustanzi limitati, pereżempju, meta l-benefiċċji tal-prodott finanzjarju kkonċernat ma jwasslux għal gwadann ta’ partijiet terzi u dawn il-benefiċċji jistgħu jitgawdew biss f’terminu ta’ żmien twil, bħal fil-każ ta’ xi poloz ta’ assigurazzjoni ta’ investimenti jew prodotti ta’ tfaddil, jew meta l-mira tal-prodott finanzjarju tkun il-finanzjament ta’ assi materjali fil-forma ta’ ftehimiet ta’ kera li fihom it-titlu legali u benefiċjarju tal-ass sottostanti jibqa’ għand il-kumpanija li tikri jew fil-forma ta’ kreditu ta’ konsum ta’ valur baxx, sakemm l-operazzjonijiet isiru permezz ta’ kontijiet bankarji u ma jaqbżux limitu xieraq. Prodotti kkontrollati mill-Istat li huma ġeneralment maħsuba għal kategoriji speċifiċi ta’ klijenti, bħalma huma prodotti ta’ tfaddil għall-benefiċċju tat-tfal, għandhom jibbenefikaw minn proċeduri ssimplifikati ta’ diliġenza dovuta mal-klijent ukoll jekk mhux il-kriterji kollha jkunu sodisfatti. Kontroll mill-Istat għandu jinftiehem bħala attività li tmur lil hinn minn sorveljanza normali tas-swieq finanzjarji u ma għandux jiftiehem bħala mod li bih ikunu koperti prodotti maħruġa direttament mill-Istat, bħalma hu d-dejn sovran.

(10)

Qabel ma jippermettu l-użu ta’ proċeduri ssimplifikati ta’ diliġenza dovuta mal-klijent, l-Istati Membri għandhom jevalwaw jekk il-klijenti jew il-prodotti u l-operazzjonijiet ikkonċernati jirrappreżentawx riskju baxx ta’ ħasil ta’ flus jew iffinanzjar tat-terroriżmu, b’mod partikolari billi jagħtu attenzjoni speċjali lil kwalunkwe attività mwettqa minn dawn il-klijenti jew lil kwalunkwe tip ta’ prodotti jew operazzjonijiet li jistgħu jitqiesu bħala partikolarment suxxettibbli, min-natura tagħhom, għall-użu jew l-abbuż tagħhom għal finijiet ta’ ħasil ta’ flus jew iffinanzjar tat-terroriżmu. B’mod partikolari, kwalunkwe attentat min-naħa tal-klijenti b’rabta ma’ prodotti ta’ riskju baxx biex jaġixxu b’mod anonimu jew biex jaħbu l-identità tagħhom għandu jitqies bħala fattur ta’ riskju u bħala element potenzjali ta’ suspett.

(11)

F’ċerti ċirkustanzi, persuni fiżiċi jew entitajiet ġuridiċi jistgħu jwettqu attivitajiet finanzjarji fuq bażi okkażjonali jew limitata ħafna, kumplimentari għal attivitajiet oħra mhux finanzjarji, bħalma huma lukandi li jipprovdu servizzi ta’ kambju ta' muniti lill-klijenti tagħhom. Id-Direttiva 2005/60/KE tippermetti lill-Istati Membri jiddeċiedu huma jekk attivitajiet finanzjarji ta’ dan it-tip jaqgħux barra l-ambitu ta’ din id-Direttiva jew le. Il-valutazzjoni tan-natura okkażjonali jew limitata ħafna tal-attività għandha ssir b’referenza għal-limiti kwantitattivi marbuta mal-operazzjonijiet u l-fatturat tan-negozju kkonċernat. Dawn il-limiti għandhom jiġu deċiżi fuq livell nazzjonali skont it-tip ta’ attività finanzjarja, sabiex ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati d-differenzi bejn il-pajjiżi.

(12)

Barra minn hekk, persuna involuta f’attività finanzjarja fuq bażi okkażjonali jew limitata ħafna ma għandhiex tipprovdi lill-pubbliku firxa komprensiva ta’ servizzi finanzjarji imma toffri biss dawk is-servizzi meħtieġa biex ittejjeb l-iżvolġiment tan-negozju prinċipali tagħha. Meta n-negozju prinċipali tal-persuna jkun marbut ma’ attività koperta mid-Direttiva 2005/60/KE, l-eżenzjoni għall-attivitajiet okkażjonali jew limitati ħafna ma għandhiex tingħata, ħlief meta dawn ikunu marbuta ma’ persuni li jinnegozjaw il-beni.

(13)

Uħud mill-attivitajiet finanzjarji, bħalma huma s-servizzi ta’ trasferiment jew trasferiment ta’ flus, huma aktar suxxettibbli għall-użu jew l-abbuż tagħhom għal finijiet ta’ ħasil ta’ flus jew iffinanzjar tat-terroriżmu. Hu għalhekk neċessarju li jiġi żgurat li dawn, jew attivitajiet finanzjarji simili, ma jkunux eżentati mill-ambitu tad-Direttiva 2005/60/KE.

(14)

Għandu jiġi previst li d-deċiżjonijiet skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2005/60/KE jiġu rtirati mill-aktar fis possibbli, jekk dan ikun meħtieġ.

(15)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet dwar eżenzjoni ma jkunux abbużati għal għanijiet ta’ ħasil ta’ flus jew iffinanzjar tat-terroriżmu. B’mod partikolari, għandhom jevitaw li jadottaw deċiżjonijiet skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 200560/KE f’każijiet fejn l-attivitajiet ta’ sorveljar jew infurzar min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali jippreżentaw diffikultajiet speċjali b’riżultat ta’ kompetenzi parzjalment komuni bejn aktar minn Stat Membru wieħed, bħalma hu l-provediment ta’ servizzi finanzjarji abbord bastimenti li jipprovdu servizzi ta' trasport bejn portijiet li jkunu jinsabu fi Stati Membri differenti.

(16)

L-applikazzjoni ta’ din id-direttiva hi bla ħsara għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 tas-27 ta’ Diċembru 2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi mmirati kontra ċerti persuni u entitajiet bil-ħsieb li jiġġieldu t-terroriżmu (2) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 tas-27 ta’ Mejju 2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-network ta’ Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ ċerti merkanzija u servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta’ titjiriet u jestendi l-friża fuq fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban tal-Afganistan (3).

(17)

Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus u l-Iffinanzjar tat-Terroriżmu,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri ta’ eżekuzzjoni tad-Direttiva 2005/60/KE fir-rigward ta’ dan li ġej:

(1)

l-aspetti tekniċi tad-definizzjoni ta’ persuni esposti politikament kif stabbilit fl-Artikolu 3(8) ta’ din id-Direttiva;

(2)

il-kriterji tekniċi għall-valutazzjoni dwar jekk sitwazzjonijiet determinati jippreżentawx riskju baxx ta’ ħasil ta’ flus jew iffinanzjar tat-terroriżmu kif imsemmi fl-Artikolu 11(2) u (5) ta’ din id-Direttiva;

(3)

il-kriterji tekniċi għall-valutazzjoni dwar jekk, skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2005/60/KE, huwiex iġġustifikat li ma tiġix applikata din id-Direttiva għal ċerti persuni ġuridiċi jew fiżiċi li jkunu qed iwettqu attività finanzjarja fuq bażi okkażjonali jew limitata ħafna.

Artikolu 2

Persuni esposti politikament

1.   Għall-fini tal-Artikolu 3(8) tad-Direttiva 2005/60/KE, “persuni fiżiċi li jkunu jew kienu fdati b’funzjonijiet pubbliċi prominenti” għandhom jinkludu:

(a)

il-kapijiet ta’ Stat, il-kapijiet ta’ Gvern, il-ministri u d-deputati ministri jew is-sottosegretarji;

(b)

il-membri parlamentari;

(ċ)

il-membri tal-qrati supremi, tal-qrati kostituzzjonali u ta’ entitajiet ġudizjarji oħra ta’ livell għoli li d-deċiżjonijiet tagħhom mhumiex ġeneralment suġġetti għal appell ulterjuri, ħlief f'ċirkustanzi eċċezzjonali;

(d)

il-membri tal-qrati tal-awdituri u tal-bordijiet tal-banek ċentrali;

(e)

l-ambaxxaturi, iċ-chargés d'affaires u l-uffiċjali għolja tal-forzi armati;

(f)

il-membri tal-entitajiet ta’ amministrazzjoni, ġestjoni jew sorveljanza ta’ impriżi li huma proprjetà tal-Istat;

L-ebda kategorija stabbilita fil-punti (a) sa (f) tal-ewwel subparagrafu ma għandha tinftiehem bħala li tkopri uffiċjali ta’ livell medju jew uffiċjali ta’ livell taħt dan.

Il-kategoriji stabbiliti fil-punti (a) sa (e) tal-ewwel subparagrafu għandhom, fejn applikabbli, jinkludu pożizzjonijiet f’livell Ewropew u internazzjonali.

2.   Għall-fini tal-Artikolu 3(8) tad-Direttiva 2005/60/KE, il-“membri immedjati tal-familja” tal-persuni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jinkludu:

(a)

il-konjuġi;

(b)

kwalunkwe sieħeb/sieħba li l-liġi nazzjonali tqis ekwivalenti għal konjuġi;

(ċ)

it-tfal u l-konjuġi jew sħab tagħhom;

(d)

il-ġenituri;

3.   Għall-fini tal-Artikolu 3(8) tad-Direttiva 2005/60/KE, il-“persuni magħrufa bħala sħab mill-qrib” tal-persuni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jinkludu:

(a)

kwalunkwe persuna fiżika li tkun magħrufa li għandha sjieda benefiċjarja ta' entitajiet ġuridiċi u arranġamenti ġuridiċi, jew kwalunkwe relazzjoni kummerċjali mill-qrib oħra, ma’ persuna msemmija fil-paragrafu 1;

(b)

kwalunkwe entità ġuridika jew arranġament ġuridiku li s-sid benefiċjarju tagħha huwa persuna msemmija fil-punt (a) u li hi magħrufa bħala li kienet stabbilita għall-benefiċċju tal-persuna msemmija fil-paragrafu 1.

4.   Bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ miżuri msaħħa ta’ diliġenza dovuta mal-klijent, fuq bażi ta’ sensittività għar-riskju, fejn persuna ma tkunx aktar responsabbli għat-twettiq ta’ funzjonijiet pubbliċi prominenti skont it-tifsira tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għal perjodu ta’ mill-inqas sena, istituzzjonijiet u persuni msemmija fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2005/60/KE ma għandhomx jiġu obbligati li jikkunsidraw tali persuna bħala politikament esposta.

Artikolu 3

Diliġenza dovuta ssimplifikata mal-klijent

1.   Għall-fini tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2005/60/KE, suġġett għall-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw klijenti li huma awtoritajiet jew entitajiet pubbliċi li jissodisfaw il-kriterji kollha li ġejjin bħala klijenti li jirrappreżentaw riskju baxx ta’ ħasil ta’ flus u ffinanzjar tat-terroriżmu:

(a)

il-klijent ikun fdat b’funzjonijiet pubbliċi skont it-Trattat tal-Unjoni Ewropea, it-Trattati tal-Komunitajiet Ewropej jew skont il-leġiżlazzjoni sekondarja tal-Komunità Ewropea;

(b)

l-identità tal-klijent tkun disponibbli pubblikament, trasparenti u ċerta;

(ċ)

l-attivitajiet tal-klijent, kif ukoll il-prattiċi tal-kontabilità tiegħu, ikunu trasparenti;

(d)

il-klijent jew ikun irid jagħti kont tal-attivitajiet tiegħu lil istituzzjoni Ewropea jew lill-awtoritajiet ta’ Stat Membru, jew inkella jkunu jeżistu proċeduri ta’ vverifikar u bbilanċjar li jiżguraw kontroll fuq l-attività tal-klijent;

2.   Għall-fini tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2005/60/KE, suġġett għall-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw klijenti li huma entitajiet ġuridiċi li ma jgawdux il-kwalità ta’ awtorità pubblika jew ta’ entità pubblika imma li jissodisfaw il-kriterji kollha li ġejjin bħala klijenti li jirrappreżentaw riskju baxx ta’ ħasil ta’ flus u ffinanzjar tat-terroriżmu:

(a)

il-klijent ikun entità li twettaq attivitajiet finanzjarji barra mill-ambitu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2005/60/KE imma li għalih tkun ġiet estiża l-leġiżlazzjoni nazzjonali skont l-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva;

(b)

l-identità tal-klijent tkun disponibbli pubblikament, trasparenti u ċerta;

(ċ)

il-liġi nazzjonali tkun tesiġi li l-klijent irid ikollu liċenzja obbligatorja biex iwettaq attivitajiet finanzjarji u l-liċenzja tista’ ma tingħatax jekk l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux sodisfatti li l-persuni li effettivament jidderieġu jew se jidderieġu n-negozju ta' din l-entità jew tas-sid benefiċjarju tagħha jkunu persuni ta’ kompetenza u onorabbli;

(d)

fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 37(3) tad-Dirttiva 2005/60/KE, il-klijent ikun suġġett għal superviżjoni mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali skont din id-Direttiva u, fejn applikabbli, ma’ obbligi addizzjonali skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali;

(e)

nuqqas ta’ konformità min-naħa tal-klijent mal-obbligi taħt (a), ikun suġġett għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi inkluża l-possibbiltà ta’ miżuri amministrattivi xierqa jew l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi.

Il-kriterju stabbilit fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu għandu japplika biss għall-klijent u mhux għas-sussidjarji tiegħu, sakemm dawn ma jissodisfawx il-kriterji huma wkoll għal rashom.

Għall-fini tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu, l-attività mwettqa mill-klijent għandha tkun soġġetta għal sorveljanza mill-awtoritajiet kompetenti. F’dan il-kuntest, it-tifsira ta’ sorveljanza għandha tinftiehem bħala tip ta’ attività ta’ sorveljanza bbażata fuq poteri ta’ kontroll l-aktar b’saħħithom, inkluża l-possibbiltà ta’ twettiq ta’ spezzjonijiet fuq il-post. Spezzjonijiet ta’ dan it-tip għandhom jinkludu l-eżaminar ta’ politiki, proċeduri, kotba u reġistrazzjonijiet, u għandhom jinkorporaw fihom l-ittestjar tal-kampjuni.

3.   Għall-fini tal-Artikolu 11(5) tad-Direttiva 2005/60/KE, suġġett għall-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-istituzzjonijiet u lill-persuni koperti minn din id-Direttiva jqisu l-prodotti jew l-operazzjonijiet marbuta ma’ tali prodotti li jissodisfaw il-kriterji kollha li ġejjin bħala li jirrappreżentaw riskju baxx ta’ ħasil ta’ flus jew iffinanzjar tat-terroriżmu:

(a)

il-prodott ikollu bażi kuntrattwali miktuba;

(b)

l-operazzjonijiet ikkonċernati jitwettqu permezz ta’ kont f’isem il-klijent ma’ istituzzjoni ta’ kreditu koperta mid-Direttiva 2005/60/KE jew istituzzjoni ta’ kreditu bbażata f’pajjiż terz li timponi rekwiżiti ekwivalenti għal dawk stabbiliti f’din id-Direttiva;

(ċ)

il-prodott jew l-operazzjoni kkonċernati ma jkunux anonimi u n-natura tagħhom hi tali li tippermetti l-applikazzjoni f'waqtha tal-Artikolu 7(ċ) tad-Direttiva 2005/60/KE;

(d)

jeżisti limitu ddeterminat minn qabel ta’ ammont massimu għall-prodott;

(e)

il-benefiċċji tal-prodott jew l-operazzjoni kkonċernati ma jkunux jistgħu jmorru għall-gwadann ta’ partijiet terzi, ħlief fil-każ ta’ mewt, diżabbiltà, sopravivenza lil hinn minn età avvanzata ddeterminata minn qabel, jew avvenimenti simili;

(f)

fil-każ ta’ prodotti jew operazzjonijiet ikkonċernati li jippermettu l-investiment ta’ fondi f’assi finanzjarji jew krediti, inklużi l-assigurazzjoni jew tip ieħor ta’ klejms kontinġenti, il-benefiċċji tal-prodott jew tal-operazzjoni kkonċernati jkunu jistgħu jinkisbu biss fuq medda twila ta’ żmien, il-prodott jew l-operazzjoni kkonċernati ma jkunux jistgħu jintużaw bħala garanzija, u ma jkunux jistgħu jsiru ħlasijiet antiċipati, ma jkunux jistgħu jintużaw klawżoli ta’ rinunzja jew ta’ terminazzjoni bikrija matul ir-relazzjoni kuntrattwali.

Għall-fini tal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu, il-limiti stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 11(5) tad-Direttiva 2005/60/KE għandhom japplikaw fil-każ ta’ poloz ta’ assigurazzjoni jew prodotti ta’ tfaddil ta’ natura simili. Bla ħsara għas-subparagrafu li ġej, fil-każijiet l-oħra l-limitu massimu għandu jkun ta’ 15 000 euro. L-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn dan il-limitu fil-każ ta’ prodotti li huma marbutin mal-iffinanzjar ta’ assi materjali u fejn it-titolu legali u benefiċjarju ma jiġix ittrasferit lill-klijent qabel ma tintemm ir-relazzjoni kuntrattwali, sakemm il-limitu stabbilit mill-Istat Membru għat-tranżazzjonijiet marbutin ma’ dan it-tip ta’ prodott, ma jaqbiżx il-15 000 euro fis-sena, indipendentement mill-fatt jekk jitwettqux f’operazzjoni unika jew f’diversi operazzjonijiet li jidhru marbutin ma’ xulxin.

L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-kriterji stabbiliti fil-punti (e) u (f) tal-ewwel subparagrafu fil-każ ta’ prodotti li l-karatteristiċi tagħhom huma ddeterminati mill-awtoritajiet pubbliċi domestiċi rilevanti tagħhom għal finijiet ta’ interess ġenerali, li jibbenefikaw minn vantaġġi speċifiċi mill-Istat taħt forma ta’ għotjiet diretti jew rifużjoni fiskali, u li l-użu tagħhom huwa suġġett għall-kontrolli minn dawk l-awtoritajiet, sakemm il-vantaġġi mill-prodott jistgħu jseħħu biss fuq medda twila ta’ żmien u sakemm il-limitu stabbilit għall-finijiet tal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu huwa baxx biżżejjed. Fejn ikun xieraq, dan il-limitu jista’ jiġi ffissat bħala ammont massimu fuq bażi annwali.

4.   Waqt il-valutazzjoni tagħhom dwar jekk il-klijenti jew il-prodotti u l-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 jirrappreżentawx riskju baxx ta’ ħasil ta’ flus u ffinanzjar tat-terroriżmu, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lil kwalunkwe attività ta’ dawn il-klijenti jew għal kwalunkwe tip ta’ prodott jew operazzjoni li jistgħu jitqiesu, min-natura tagħhom, bħala partikolarment suxxettibbli għal użu jew abbuż għal skopijiet ta' ħasil ta' flus jew iffinanzjar terroristiku.

L-Istati Membri ma għandhomx iqisu li klijenti jew prodotti u operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1, 2, u 3 jirrappreżentaw riskju baxx ta' ħasil ta' flus jew iffinanzjar tat-terroriżmu jekk tkun teżisti informazzjoni li tissuġġerixxi li r-riskju ta’ ħasil ta’ flus jew iffinanzjar tat-terroriżmu jista’ ma jkunx baxx.

Artikolu 4

Attività finanzjarja fuq bażi okkażjonali jew limitata ħafna

1.   Għall-fini tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2005/60/KE, suġġett għall-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw persuni ġuridiċi u fiżiċi li huma involuti f'attività finanzjarja u li jissodisfaw il-kriterji li ġejjin bħala barra mill-ambitu tal-Artikolu 3(1) jew (2) ta' din id-Direttiva:

(a)

l-attività finanzjarja tkun limitata f’termini assoluti;

(b)

l-attività finanzjarja tkun limitata fuq bażi ta’ tranżazzjoni;

(ċ)

l-attività finanzjarja ma tkunx l-attività prinċipali;

(d)

l-attività finanzjarja tkun aċċessorja u marbuta direttament mal-attività prinċipali;

(e)

ħlief għall-attività msemmija fil-punt (3)(e) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2005/60/KE, l-attività prinċipali ma tkunx attività msemmija fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-Direttiva;

(f)

l-attività finanzjarja tkun ipprovduta biss lill-klijenti tal-attività prinċipali u ma tkunx offruta lill-pubbliku b’mod ġenerali.

Għall-fini tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, il-fatturat totali tal-attività finanzjarja ma jistax jaqbeż limitu suffiċjentement baxx. Dan il-limitu għandu jiġi stabbilit fuq livell nazzjonali skont it-tip ta’ attività finanzjarja.

Għall-fini tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom japplikaw limitu massimu għal kull klijent u kull tranżazzjoni, indipendentement mill-fatt dwar jekk it-tranżazzjoni titwettaqx f’operazzjoni unika jew f’diversi operazzjonijiet li jidhru li huma marbutin ma’ xulxin. Dan il-limitu għandu jiġi stabbilit fuq livell nazzjonali skont it-tip ta’ attività finanzjarja, għandu jkun baxx biżżejjed sabiex jiġi żgurat li t-tipi ta’ tranżazzjonijiet ikkonċernati ma jkunux metodu prattiku jew effiċjenti għall-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu, u li ma jaqbiżx l-1 000 euro.

Għall-fini tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jesiġu li l-fatturat tal-attività finanzjarja ma jaqbiżx il-5 % tal-fatturat totali tal-persuna ġuridika jew fiżika kkonċernata.

2.   Waqt il-valutazzjoni tagħhom dwar ir-riskju ta’ ħasil ta’ flus jew iffinanzjar tat-terroriżmu għall-fini tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2005/60/KE, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lil kwalunkwe attività finanzjarja li, min-natura tagħha, tista’ titqies bħala partikolarment suxxettibbli għal użu jew abbuż għal skopijiet ta' ħasil ta' flus jew iffinanzjar terroristiku.

L-Istati Membri ma għandhomx iqisu li l-attivitajiet finanzjarji msemmija fil-paragrafu 1, jirrappreżentaw riskju baxx ta' ħasil ta' flus jew iffinanzjar tat-terroriżmu jekk tkun teżisti informazzjoni li tissuġġerixxi li r-riskju ta’ ħasil ta’ flus jew iffinanzjar tat-terroriżmu jista’ ma jkunx baxx.

3.   Kull deċiżjoni skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2005/60/KE għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata. L-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-possibbiltà tal-irtirar ta’ deċiżjoni partikolari jekk ikun hemm bidla fiċ-ċirkustanzi.

4.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu attivitajiet ta’ monitoraġġ ibbażati fuq ir-riskju jew jadottaw kwalunkwe miżura xierqa biex jiżguraw li l-eżenzjoni mogħtija bid-deċiżjonijiet skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2005/60/KE ma tkunx abbużata għall-finijiet ta’ ħasil ta’ flus jew l-iffinanzjar tat-terroriżmu.

Artikolu 5

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Diċembru 2007. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet flimkien ma’ tabella ta’ konkordanza bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar kif għandha ssir din ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 6

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum mill-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 7

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 1 ta' Awwissu 2006.

Għall-Kummissjoni

Charlie McCREEVY

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15.

(2)  ĠU L 344, 28.12.2001, p. 70. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1957/2005 (ĠU L 314, 30.11.2005, p. 16) u implimentat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/930/KE (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 64).

(3)  ĠU L 139, 29.5.2002, p. 9. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 357/2006 (ĠU L 59, 1.3.2006, p. 35).


Top