EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008L0007

Direttiva tal-Kunsill 2008/7/KE tat- 12 ta’ Frar 2008 dwar it-taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital

ĠU L 46, 21.2.2008, p. 11–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/07/2013

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/7/oj

21.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 46/11


DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2008/7/KE

tat-12 ta’ Frar 2008

dwar it-taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital

IL-KUNSILL ta’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 93 u 94 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE tas-17 ta’ Lulju 1969 li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (3) ġiet sostanzjalment emendata diversi drabi (4). Billi jridu jsiru aktar emendi, hija għandha tinkiteb mill-ġdid fl-interess taċ-ċarezza.

(2)

It-taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, jiġifieri d-dazju dovut fuq kontributi ta’ kapital lil kumpaniji u ditti, minn hawn ‘il quddiem “dazju fuq il-kapital”, it-taxxa tal-boll fuq titoli, u dazju fuq operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni, irrispettivament minn jekk dawk l-operazzjonijet jinvolvux żieda fil-kapital, joħolqux diskriminazzjoni, taxxa doppja jew inugwaljanzi li jinterferixxu fil-moviment liberu tal-kapital. L-istess japplika fir-rigward ta’ taxxi indiretti oħrajn bl-istess karatteristiċi bħal dazju fuq il-kapital u taxxa tal-boll fuq it-titoli.

(3)

Konsegwentement, huwa fl-interessi tas-suq intern li tiġi armonizzata l-leġislazzjoni dwar it-taxxi indiretti dwar il-ġbir tal-kapital sabiex kemm jista’ jkun jiġu eliminati fatturi li jistgħu jgħawwġu l-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni jew ixekklu l-moviment liberu tal-kapital.

(4)

L-effetti ekonomiċi tad-dazju fuq il-kapital huma ta’ ħsara għar-ragruppament u l-iżvilupp ta’ intrapriżi. Tali effetti huma partikolarment ta’ ħsara fis-sitwazzjoni ekonomika preżenti fejn hemm bżonn importanti li tingħata prijorità lill-istimulazzjoni ta’ l-investiment.

(5)

L-aħjar soluzzjoni sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi tkun it-tneħħija tad-dazju fuq il-kapital.

(6)

Madankollu, it-telf ta’ dħul li jirriżulta mill-applikazzjoni immedjata ta’ tali miżura mhux aċċettabbli għal ċerti Stati Membri li fil-preżent japplikaw id-dazju fuq il-kapital. Għalhekk dawk l-Istati Membri għandhom l-opportunità li jkomplu jissuġġettaw għad-dazju fuq il-kapital it-transazzjonijiet ikkonċernati kollha jew parti minnhom, fejn hu mifhum li għandha tiġi debitata rata ta’ taxxa waħda f’wieħed u l-istess Stat Membru. Ladarba Stat Membru jagħżel li ma jimponix dazju fuq il-kapital fuq it-transazzjonijiet kollha jew parti minnhom taħt din id-Direttiva, m’għandux ikun possibbli għalih li jerġa’ jintroduċi tali dazji.

(7)

Huwa inerenti fil-kunċett ta’ suq intern li d-dazju fuq il-ġbir tal-kapital fis-suq intern minn kumpanija jew ditta m’għandux jiġi addebitat aktar minn darba. Għaldaqstant, jekk l-Istat Membru li jkollu d-dritt jintaxxa ma jimponix id-dazju fuq il-kapital fuq ċerti transazzjonijiet jew fuq it-transazzjonijiet kollha koperti minn din id-Direttiva, l-ebda Stat Membru ieħor m’għandu jeżerċita dritt li jintaxxa fir-rigward ta’ dawk it-transazzjonijiet.

(8)

Huwa xieraq li jinżammu kondizzjonijiet stretti għal sitwazzjonijiet fejn Stati Membri jibqgħu jimponu dazju fuq il-kapital, b’mod partikolari fir-rigward ta’ eżenzjonijiet u tnaqqis.

(9)

Minbarra d-dazju fuq il-kapital, l-ebda taxxa indiretta fuq il-ġbir tal-kapital m’għandha tiġi imposta. B’mod partikolari, l-ebda taxxa tal-boll m’għandha tiġi imposta fuq titoli, irrispettivament mill-oriġini ta’ tali titoli, u irrispettivament minn jekk jirrappreżentawx il-kapital proprju tal-kumpanija jew il-kapital ta’ self tagħha.

(10)

Il-lista’ tal-kumpaniji ta’ kapital stabbilita fid-Direttiva 69/335/KEE mhijiex kompleta u għalhekk għandha tiġi adattata.

(11)

Ladarba l-għanijiet ta’ din id-Direttiva ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentement mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(12)

L-obbligazzjoni tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva fil-liġi nazzjonali għandha tkun limitata għal dawk id-dispożizzjonijiet li jirrappreżentaw bidla sostantiva meta mqabbla mad-Direttivi preċedenti. L-obbligu li jiġu trasposti d-dipożizzjonijiet mhux mibdulin jirriżulta mid-Direttivi preċedenti.

(13)

Din id-Direttiva m’għandhiex tkun ta’ preġudizzju għall-obbligi ta’ l-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi stabbiliti fl-Anness II, Parti B.

(14)

Fid-dawl ta’ l-effetti detrimentali tad-dazju fuq il-kapital, il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull tliet snin dwar l-operat ta’ din id-Direttiva bil-ħsieb ta’ l-abolizzjoni ta’ dan id-dazju,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

SUĠĠETT U KAMP TA’ APPLIKAZZJONI

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tirregola l-impożizzjoni ta’ taxxi indiretti fir-rigward ta’ dawn li ġejjin:

(a)

kontributi ta’ kapital lil kumpaniji ta’ kapital;

(b)

operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni li jinvolvu kumpaniji ta’ kapital;

(ċ)

il-ħruġ ta’ ċerti titoli u obbligazzjonijiet.

Artikolu 2

kumpanija ta’ kapital

1.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, “kumpanija ta’ kapital” tfisser:

(a)

kwalunkwe kumpanija li jkollha waħda mill-forom elenkati fl-Anness I;

(b)

kwalunkwe kumpanija, ditta, assoċjazzjoni jew persuna ġuridika li l-ishma tal-kapital jew l-assi tagħha jistgħu jiġu nnegozjati f’borża;

(ċ)

kwalunkwe kumpanija, ditta, assoċjazzjoni jew persuna ġuridika li topera għall-profitt, li l-membri tagħha jkollhom id-dritt li jgħaddu l-ishma tagħhom lil partijiet terzi mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel u li jkunu responsabbli biss għad-djun tal-kumpanija, ditta, assoċjazzjoni jew persuna ġuridika sal-limitu ta’ l-ishma tagħhom.

2.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, kwalunkwe kumpanija, ditta, assoċjazzjoni jew persuna ġuridika oħra li topera għall-profitt għandha titqies bħala kumpanija ta’ kapital.

Artikolu 3

Kontributi ta’ kapital

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva u suġġetti għall-Artikolu 4, it-transazzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu kkunsidrati bħala “kontributi ta’ kapital”:

(a)

il-formazzjoni ta’ kumpanija ta’ kapital;

(b)

il-konverżjoni f’kumpanija ta’ kapital ta’ kumpanija, ditta, assoċjazzjoni jew persuna ġuridika li ma tkunx kumpanija ta’ kapital;

(ċ)

żieda fil-kapital ta’ kumpanija ta’ kapital bil-kontribut ta’ assi ta’ kwalunkwe tip;

(d)

żieda fl-assi ta’ kumpanija ta’ kapital bil-kontribut ta’ assi ta’ kwalunkwe tip, in konsiderazzjoni, mhux ta’ l-ishma fil-kapital jew l-assi tal-kumpanija, iżda ta’ drittijiet ta’ l-istess tip bħal dawk tal-membri, bħal drittijiet tal-vot, xi sehem fil-profitti jew sehem f’dak li jibqa’ wara l-likwidazzjoni;

(e)

it-trasferiment minn pajjiż terz lejn Stat Membru taċ-ċentru tal-ġestjoni effettiva tal-kumpanija ta’ kapital li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab f’pajjiż terz;

(f)

it-trasferiment minn pajjiż terz lejn Stat Membru ta’ l-uffiċċju rreġistrat ta’ kumpanija ta’ kapital li ċ-ċentru tagħha ta’ ġestjoni effettiva jinsab f’pajjiż terz;

(g)

żieda fil-kapital ta’ kumpanija ta’ kapital permezz tal-kapitalizzazzjoni tal-profitti jew ta’ riżervi permanenti jew temporanji;

(h)

żieda fl-assi ta’ kumpanija ta’ kapital permezz tal-provvista ta’ servizzi minn membru li ma tinvolvix żieda fil-kapital tal-kumpanija, iżda li tirriżulta f’varjazzjoni fid-drittijiet fil-kumpanija jew li tista’ żżid il-valur ta’ l-ishma tal-kumpanija;

(i)

self assunt minn kumpanija kapitali, jekk il-kreditur ikun ntitolat għal sehem mill-profitti tal-kumpanija;

(j)

self assunt minn kumpanija ta’ kapital ma’ membru jew konjugi jew wild ta’ membru, jew self assunt ma’ parti terza, jekk ikun garantit minn membru, bil-kondizzjoni li dan is-self ikollu l-istess funzjoni bħal żieda fil-kapital tal-kumpanija.

Artikolu 4

Operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni

1.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, l-operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni li ġejjin m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala kontributi ta’ kapital:

(a)

it-trasferiment minn kumpanija ta’ kapital waħda jew aktar ta’ l-assi u debiti kollha tagħhom, jew ta’ fergħa ta’ attività waħda jew aktar lil kumpanija ta’ kapital waħda jew aktar li jkunu fil-proċess li jiġu ffurmati jew li diġà jeżistu, sakemm il-konsiderazzjoni għat-trasferiment tikkonsisti għall-inqas in parti minn titoli li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpanija akkwirenti;

(b)

l-akkwist, minn kumpanija ta’ kapital li tkun fil-proċess li tiġi ffurmata jew li diġà teżisti, ta’ ishma li jirrappreżentaw maġġoranza tad-drittijiet tal-vot ta’ kumpanija ta’ kapital oħra, sakemm il-konsiderazzjoni għall-ishma akkwiżiti tikkonsisti għall-inqas in parti minn titoli li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpanija preċedenti. Fejn il-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot tintlaħaq permezz ta’ żewġ transazzjonijiet jew aktar, huma biss it-transazzjoni li biha ntlaħqet il-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot u kwalunkwe transazzjoni sussegwenti oħra li għandhom jitqisu bħala operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni.

2.   “Operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni” għandhom jinkludu wkoll it-trasferiment lil kumpanija ta’ kapital ta’ l-assi u d-debiti kollha ta’ kumpanija ta’ kapital oħra li tkun kompletament il-proprjetà tal-kumpanija preċedenti.

KAPITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 5

Transazzjonijiet mhux suġġetti għal taxxa indiretta

1.   L-Istati Membri m’għandhomx jissuġġettaw lill-kumpaniji ta’ kapital għal kwalunkwe forma ta’ taxxa indiretta fir-rigward ta’ dan li ġej:

(a)

kontributi ta’ kapital;

(b)

self, jew il-provvista ta’ servizzi, li jsiru bħala parti mill-kontributi ta’ kapital;

(ċ)

ir-reġistrazzjoni jew kwalunkwe formalità oħra meħtieġa qabel il-bidu ta’ negozju li għalihom il-kumpanija ta’ kapital tista’ tkun suġġetta minħabba l-forma ġuridika tagħha;

(d)

l-alterazzjoni ta’ l-istrument jew tar-regolamenti kostitwenti ta’ kumpanija ta’ kapital, u b’mod partikolari li ġejjin:

(i)

il-konverżjoni ta’ kumpanija ta’ kapital f’tip differenti ta’ kumpanija ta’ kapital;

(ii)

it-trasferiment minn Stat Membru għal Stat Membru ieħor taċ-ċentru effettiv ta’ ġestjoni jew ta’ l-uffiċċju rreġistrat ta’ kumpanija ta’ kapital;

(iii)

bidla fl-għanijiet ta’ kumpanija ta’ kapital;

(iv)

l-estensjoni tal-perijodu ta’ eżistenza ta’ kumpanija ta’ kapitali;

(e)

l-operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni msemmija fl-Artikolu 4.

2.   L-Istati Membri m’għandhomx jissuġġettaw lil dawn li ġejjin għal kwalunkwe forma ta’ taxxa indiretta:

(a)

il-ħolqien, il-ħruġ, l-ammissjoni għall-kwotazzjoni fil-borża, it-tqegħid fis-suq jew in-negozju ta’ stocks, ishma jew titoli oħrajn ta’ l-istess tip, jew taċ-ċertifikati li jirrappreżentaw dawn it-titoli, irrispettivament minn min ikunu maħruġa;

(b)

ammonti ta’ self, inklużi bonds tal-gvern, miġbura bil-ħruġ ta’ obbligazzjonijiet jew titoli negozjabbli oħrajn, irrispettivament minn min ikunu maħruġa, jew kwalunkwe formalità relatata magħhom, jew il-ħolqien, il-ħruġ, l-ammissjoni għal kwotazzjoni fil-borża, it-tqegħid fis-suq jew in-negozju ta’ dawn l-obbligazzjonijiet jew titoli negozjabbli oħrajn.

Artikolu 6

Dazji u Taxxa Fuq il-Valur Miżjud

1.   Minkejja l-Artikolu 5, l-Istati Membri jistgħu jimponu d-dazji u t-taxxi li ġejjin:

(a)

dazji fuq it-trasferiment ta’ titoli, kemm jekk imposti b’rata fissa kif ukoll jekk le;

(b)

dazji fuq trasferiment, inklużi taxxi fuq ir-reġistrazzjoni ta’ l-art, fuq it-trasferiment, lil kumpanija ta’ kapital, ta’ negozji jew ta’ proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju tagħhom;

(ċ)

dazji ta’ trasferiment fuq assi ta’ kwalunkwe tip trasferiti lil kumpanija ta’ kapital, sa fejn din il-proprjetà tiġi trasferita għal konsiderazzjoni diversa minn ishma fil-kumpanija;

(d)

dazji fuq il-ħolqien, reġistrazzjoni jew ħlas ta’ ipoteki jew piżijiet oħrajn fuq l-art jew proprjetà oħra;

(e)

dazji fil-forma ta’ miżati jew drittijiet;

(f)

it-taxxa fuq il-valur miżjud.

2.   L-ammont impost bħala d-dazji u t-taxxi elenkati fil-punti (b) sa (e) tal-paragrafu 1 m’għandhomx ivarjaw skond jekk iċ-ċentru ta’ ġestjoni effettiva jew l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpanija ta’ kapital jinsabux fit-territorju ta’ l-Istat Membru li jimponi d-dazji jew it-taxxi. Dawk l-ammonti ma jistgħux jeċċedu dawk id-dazji jew taxxi applikabbli għal transazzjonijiet simili li jseħħu fl-Istat Membru li jimponihom.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊJALI

Artikolu 7

L-impożizzjoni ta’ dazju fuq il-kapital f’ċerti Stati Membri

1.   Minkejja l-Artikolu 5(1)(a), Stat Membru li fl-1 ta’ Jannar 2006 impona dazju fuq il-kontributi ta’ kapital fuq kumpaniji ta’ kapital, minn hawn ‘il quddiem “dazju fuq il-kapital”, jista’ jkompli jagħmel dan sakemm jikkonforma ma’ l-Artikoli 8 sa 14.

2.   Jekk, fi kwalunkwe żmien wara l-1 ta’ Jannar 2006, Stat Membru ma jkomplix l-impożizzjoni ta’ dazju fuq il-kapital, ma jistax jerġà jintroduċih.

3.   Jekk, fi kwalunkwe żmien wara l-1 ta’ Jannar 2006, Stat Membru ma jkomplix l-impożizzjoni ta’ dazju fuq il-kapital fuq il-kontributi ta’ kapital imsemmija fl-Artikolu 3(g) sa (j), huwa ma jistax jerġa’ jintroduċi dazju fuq il-kapital fuq tali kontributi ta’ kapital, minkejja l-Artikolu 10(2).

4.   Jekk, fi kwalunkwe żmien wara l-1 ta’ Jannar 2006, Stat Membru ma jkomplix l-impożizzjoni ta’ dazju fuq il-kapital fuq il-provvista ta’ kapital fiss jew ċirkolanti lil fergħa, huwa ma jistax jerġa’ jintroduċi dazju fuq il-kontributi konċernati ta’ kapital, minkejja l-Artikolu 10(4).

5.   Jekk, fi kwalunkwe żmien wara l-1 ta’ Jannar 2006, Stat Membru jippermetti eżenzjonijiet taħt l-Artikolu 13, ma jistax sussegwentement jimponi dazju fuq il-kapital fuq il-kontributi konċernati ta’ kapital.

Artikolu 8

Rata ta’ dazju fuq il-kapital

1.   Id-dazju fuq il-kapital għandu jiġi impost b’rata unika.

2.   Ir-rata ta’ dazju fuq il-kapital applikata minn Stat Membru ma tistax teċċedi r-rata applikata minn dak l-Istat Membru fl-1 ta’ Jannar 2006.

Fejn, wara dik id-data, l-Istat Membru jnaqqas ir-rata applikata, huwa ma jistax jerġa’ jintroduċi rata ogħla.

3.   Fl-ebda każ ir-rata ta’ dazju fuq il-kapital ma tista teċċedi 1 %,

Artikolu 9

Esklużjoni ta’ ċerti entitajiet mill-kamp ta’ applikazzjoni

L-Istati Membri jistgħu għall-finijiet li jimponu dazju fuq il-kapital jagħżlu li ma jqisux bħala kumpaniji ta’ kapital lill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(2).

Artikolu 10

Transazzjonijiet suġġetti għal dazju fuq il-kapital u distribuzzjoni ta’ drittijiet ta’ tassazzjoni

1.   Fejn, skond l-Artikolu 7(1), Stat Membru jibqa’ jimponi dazju fuq il-kapital, huwa għandu jissuġġetta għal dazju fuq il-kapital il-kontributi ta’ kapital imsemmija fl-Artikolu 3(a) sa (d), jekk iċ-ċentru ta’ ġestjoni effettiva tal-kumpanija ta’ kapital jinsab f’dak l-Istat Membru fiż-żmien meta jseħħ il-kontribut ta’ kapital.

Huwa għandu wkoll jissuġġetta għal dazji fuq il-kapital il-kontributi ta’ kapital imsemmija fl-Artikolu 3(e) u (f).

2.   Meta Stat Membru jibqa’ jimponi dazju fuq il-kapital, huwa jista’ jagħmel dan fuq il-kontributi ta’ kapital imsemmija fl-Artikolu 3(g) sa (j), jekk iċ-ċentru ta’ ġestjoni effettiva tal-kumpanija ta’ kapital jinsab f’dak l-Istat Membru fiż-żmien meta jseħħ il-kontribut ta’ kapital.

3.   Meta ċ-ċentru ta’ ġestjoni effettiva tal-kumpanija ta’ kapital jinsab f’pajjiż terz u l-uffiċċju rreġistrat tiegħu jinsab fi Stat Membru li jibqa’ jimponi dazju fuq il-kapital, il-kontributi ta’ kapital għandhom ikunu suġġetti għal dazju fuq il-kapital f’dak l-Istat Membru.

4.   Meta l-uffiċċju rreġistrat u ċ-ċentru ta’ ġestjoni effettiva tal-kumpanija ta’ kapital jinsabu f’pajjiż terz, il-provvista ta’ kapital fiss jew ċirkolanti lil fergħa li tinsab fi Stat Membru li jibqa’ jimponi dazju fuq il-kapital tista’ tkun suġġetta għal dazju fuq il-kapital f’dak l-Istat Membru.

Artikolu 11

Bażi ta’ stima għad-dazju fuq il-kapital

1.   Fil-każ ta’ kontributi ta’ kapital kif imsemmi fl-Artikolu 3(a), (ċ) u (d), il-bażi ta’ stima għad-dazju fuq il-kapital għandu jkun il-valur attwali ta’ assi ta’ kwalunkwe tip li ġew kontribwiti jew li jkollhom jiġu kkontribwiti mill-membri, wara t-tnaqqis ta’ debiti assunti u ta’ spejjeż magħmulin mill-kumpanija bħala riżultat ta’ kull kontribut.

L-impożizzjoni ta’ dazju fuq il-kapital tista’ tiġi posposta sa meta jsiru l-kontributi.

2.   Fil-każ ta’ kontributi ta’ kapital kif imsemmi fl-Artikolu 3(b), (e) u (f), il-bażi ta’ stima għad-dazju fuq il-kapital għandu jkun il-valur attwali ta’ assi ta’ kwalunkwe tip li jkunu tal-kumpanija fiż-żmien tal-konverżjoni jew trasferiment, wara t-tnaqqis ta’ debiti u spejjeż li għalihom tkun responsabbli l-kumpanija f’dak iż-żmien.

3.   Fil-każ ta’ kontributi ta’ kapital kif imsemmi fl-Artikolu 3(g), il-bażi ta’ stima għad-dazju għandu jkun l-ammont nominali taż-żieda.

4.   Fil-każ ta’ kontributi ta’ kapital kif imsemmi fl-Artikolu 3(h), il-bażi ta’ stima għad-dazju fuq il-kapital għandu jkun il-valur attwali tas-servizzi pprovduti, wara t-tnaqqis tad-debiti assunti u l-ispejjeż magħmula mill-kumpanija bħala riżultat tal-provvediment ta’ tali servizzi.

5.   Fil-każ ta’ kontributi ta’ kapital kif imsemmi fl-Artikolu 3(i) u (j), il-bażi ta’ stima għad-dazju għandu jkun l-ammont nominali tas-self assunt.

6.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-valur attwali ta’ l-ishma fil-kumpanija allokati lil, jew li jkunu ta’, kull membru jista’ jintuża bħala l-bażi ta’ stima għad-dazju fuq il-kapital, ħlief fejn il-kontributi jsiru fi flus kontanti biss.

L-ammont li fuqu d-dazju jiġi impost m’għandu fl-ebda ċirkostanza jkun inqas mill-ammont nominali ta’ l-ishma fil-kumpanija allokati lil, jew li jkunu ta’, kull membru.

Artikolu 12

Esklużjoni mill-bażi ta’ stima għad-dazju fuq il-kapital

1.   Fil-każ ta’ żieda fil-kapital, il-bażi ta’ stima għad-dazju fuq il-kapital m’għandiex tinkludi li ġej:

(a)

l-ammont ta’ assi li jkunu tal-kumpanija ta’ kapital li jiġu allokati għaż-żieda fil-kapital u li diġà kienu suġġetti għad-dazju fuq il-kapital;

(b)

l-ammonti ta’ self assunt mill-kumpanija ta’ kapital li jiġu konvertiti f’ishma fil-kumpanija u li diġà ġew suġġetti għad-dazju fuq il-kapital.

2.   Stat Membru jista’ jeskludi mill-bażi ta’ stima għad-dazju fuq il-kapital l-ammont tal-kapital kontribwit minn membru b’responsabbiltà illimitata għall-obbligi ta’ kumpanija ta’ kapital kif ukoll is-sehem ta’ dan il-membru fl-assi tal-kumpanija.

Fejn Stat Membru jeżerċita dik is-setgħa, kull operazzjoni li bħala riżultat tagħha r-responsabbiltà ta’ membru tiġi limitata għas-sehem tiegħu fil-kapital tal-kumpanija, b’mod partikolari meta l-limitazzjoni tar-responsabbiltà tirriżulta mill-konverżjoni ta’ kumpanija ta’ kapital f’tip differenti ta’ kumpanija ta’ kapital, għandha tkun suġġetta għad-dazju fuq il-kapital.

Id-dazju fuq il-kapital għandu jiġi impost fil-każijiet kollha bħal dawn fuq il-valur tas-sehem fl-assi tal-kumpanija li jkunu ta’ membri b’responsabbiltà illimitata għall-obbligi tal-kumpanija.

3.   Fil-każ ta’ kontribut ta’ kapital kif imsemmi fl-Artikolu 3(c), wara tnaqqis fil-kapital tal-kumpanija bħala riżultat tat-telf magħmul, dik il-parti tal-kontribut li tikkorrispondi għat-tnaqqis fil-kapital tista’ tiġi eżentata mill-bażi ta’ stima, sakemm il-kontribut ta’ kapital iseħħ fi żmien erba’ snin mit-tnaqqis fil-kapital.

Artikolu 13

Eżenzjoni ta’ kontributi ta’ kapital lil ċerti kumpaniji ta’ kapital

L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mid-dazju fuq il-kapital kontributi ta’ kapital lil dawn li ġejjin:

(a)

kumpaniji ta’ kapital li jipprovdu servizzi pubbliċi, bħal impriżi tat-trasport pubbliku, awtoritajiet tal-port jew impriżi li jipprovdu l-ilma, il-gass jew l-elettriku, f’każijiet meta l-Istat jew l-awtoritajiet reġjonali jew lokali ikunu l-proprejtarji għall-inqas ta’ nofs il-kapital tal-kumpanija;

(b)

kumpaniji ta’ kapital li, skond ir-regolamenti tagħhom u fil-fatt, iwettqu esklussivament u direttament objettivi kulturali, soċjali, ta’ assistenza jew edukazzjonali.

L-Istati Membri li jeżentaw tali kontributi ta’ kapital mid-dażju fuq il-kapital għandhom japplikaw l-eżenzjoni wkoll lill-provvista ta’ kapital fiss jew ċirkolanti lil fergħa fit-territorju tagħhom kif imsemmi fl-Artikolu 10(4).

Artikolu 14

Proċedura ta’ deroga

Ċerti tipi ta’ kontributi ta’ kapital jew ta’ kumpaniji ta’ kapital jistgħu jkunu s-suġġett ta’ eżenzjonijiet jew tnaqqis fir-rati għall-finijiet ta’ ekwità fit-tassazzjoni, jew għall-finijiet ta’ konsiderazzjonijiet soċjali, jew sabiex Stat Membru jkun jista’ jittratta sitwazzjonijiet speċjali.

L-Istat Membru li jipproponi li jieħu din il-miżura għandu jirriferi l-każ lill-Kummissjoni fi żmien xieraq, b’kont meħud ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 97 tat-Trattat.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 15

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ l-Artikoli 3, 4, 5, 7, 8, 12, 13 u 14, l-aktar tard sal-31 ta’ Diċembru 2008. Huma għandhom jikkomunikaw immedjatament lill-Kummissjoni t-testi ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Għandhom ukoll jinkludu dikjarazzjoni li r-referenzi fil-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti, għad-Direttivi mħassra minn din id-Direttiva għandhom jinftehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva. Il-metodi kif issir tali referenza u kif tiġi formulata dik id-dikjarazzjoni għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 16

Tħassir

Id-Direttiva 69/355/KEE, kif emendata mid-Direttivi elenkati fil-Parti A ta’ l-Anness II, hija b’dan imħassra b’effett mill-1 ta’ Jannar 2009, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ l-Istati Membri relatati mal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi elenkati fil-Parti B ta’ l-Anness II.

Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness III.

Artikolu 17

Reviżjoni

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kunsill kull tliet snin dwar l-operat ta’ din id-Direttiva notevolment bil-ħsieb ta’ l-abolizzjoni tad-dazju fuq il-kapital. Sabiex jassistu lill-Kummissjoni fir-reviżjoni, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni fir-rigward tad-dħul mid-dazju fuq il-kapital.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

L-Artikoli 1, 2, 6, 9, 10 u 11 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2009.

Artikolu 19

Indirizzati

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 12 ta’ Frar 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

A. BAJUK


(1)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Diċembru 2007 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU C 126, 7.6.2007, p. 6.

(3)  ĠU L 249, 3.10.1969, p. 25. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2006/98/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 129).

(4)  Ara l-Anness II, Parti A.


ANNESS I

LISTA TAL-KUMPANIJI MSEMMIJIN FL-ARTIKOLU 2(1)(A)

(1)

Kumpaniji inkorporati taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 tat-8 ta’ Ottubru 2001 dwar l-Istatut ta’ Kumpanija Ewropea (SE) (1)

(2)

kumpaniji taħt il-liġi Belġjana magħrufin bħala:

(i)

société anonyme/naamloze vennootschap

(ii)

societe en commandite par actions/de commanditaire vennootschap op aandelen

(iii)

société privée à responsabilité limitée/besloten vennootschap met beperkte aansprakelijkheid

(3)

kumpaniji taħt il-liġi Bulgara magħrufin bħala:

(i)

“aкционерно дружество”

(ii)

“командитно дружество с акции”

(iii)

“дружество с ограничена отговорност”

(4)

kumpaniji taħt il-liġi Ċeka magħrufin bħala:

(i)

akciová společnost

(ii)

komanditní společnost

(iii)

společnost s ručením omezeným

(5)

kumpaniji taħt il-liġi Daniża magħrufin bħala:

(i)

aktieselskab

(ii)

kommandit-aktieselskab

(6)

kumpaniji taħt il-liġi Ġermaniża magħrufin bħala:

(i)

Aktiengesellschaft

(ii)

Kommanditgesellschaft auf Aktien

(iii)

Gesellschaft mit beschränkter Haftung

(7)

kumpaniji taħt il-liġi Estona magħrufin bħala:

(i)

täisühing

(ii)

usaldusühing

(iii)

osaühing

(iv)

aktsiaselts

(v)

tulundusühistu

(8)

kumpaniji taħt il-liġi Irlandiża magħrufin bħala: companies incorporated with limited liability

(9)

kumpaniji taħt il-liġi Griega magħrufin bħala:

(i)

Ανώνυμος Εταιρεία

(ii)

Ετερόρρυθμος κατά μετοχάς Εταιρεία

(iii)

Εταιρεία Περιορισμένης Ευθύνης

(10)

kumpaniji taħt il-liġi Spanjola magħrufin bħala:

(i)

sociedad anónima

(ii)

sociedad comanditaria por acciones

(iii)

sociedad de responsabilidad limitada

(11)

kumpaniji taħt il-liġi Franċiża magħrufin bħala:

(i)

société anonyme

(ii)

société en commandite par actions

(iii)

société à responsabilité limitée

(12)

kumpaniji taħt il-liġi Taljana magħrufin bħala:

(i)

società per azioni

(ii)

società in accomandita per azioni

(iii)

società a responsabbiltà limitata

(13)

kumpaniji taħt il-liġi Ċiprijotta magħrufin bħala: εταιρείες περιορισμένης ευθύνης

(14)

kumpaniji taħt il-liġi Latvjana magħrufin bħala: kapitālsabiedrība

(15)

kumpaniji taħt il-liġi Litwana magħrufin bħala:

(i)

akcinė bendrovė

(ii)

uždaroji akcinė bendrovė

(16)

kumpaniji taħt il-liġi Lussemburgiża magħrufin bħala:

(i)

société anonyme

(ii)

société en commandite par actions

(iii)

société à responsabilité limitée

(17)

kumpaniji taħt il-liġi Ungeriża magħrufin bħala:

(i)

részvénytársaság

(ii)

korlátolt felelősségű társaság

(18)

kumpaniji taħt il-liġi Maltija magħrufin bħala:

(i)

Kumpaniji ta’ Responsabbiltà Limitata

(ii)

Soċjetajiet in akkomandita li l-kapital tagħhom jkun maqsum f'azzjonijiet

(19)

kumpaniji taħt il-liġi Olandiża magħrufin bħala:

(i)

naamloze vennootschap

(ii)

besloten vennootschap met beperkte aansprakelijkheid

(iii)

open commanditaire vennootschap

(20)

kumpaniji taħt il-liġi Awstrijaka magħrufin bħala:

(i)

Aktiengesellschaft

(ii)

Gesellschaft mit beschränkter Haftung

(21)

kumpaniji taħt il-liġi Pollakka magħrufin bħala:

(i)

spółka akcyjna

(ii)

spółka z ograniczoną odpowiedzialnością

(22)

kumpaniji taħt il-liġi Portugiża magħrufin bħala:

(i)

sociedade anónima

(ii)

sociedade em comandita por acções

(iii)

sociedade por quotas

(23)

kumpaniji taħt il-liġi Rumena magħrufin bħala:

(i)

“societăți în nume colectiv”

(ii)

“societăți în comandită simplă”

(iii)

“societăți pe acțiuni”

(iv)

“societăți în comandită pe acțiuni”

(v)

“societăți cu răspundere limitată”

(24)

kumpaniji taħt il-liġi Slovena magħrufin bħala:

(i)

delniška družba

(ii)

komanditna delniška družba

(iii)

družba z omejeno odgovornostjo

(25)

kumpaniji taħt il-liġi Slovakka magħrufin bħala:

(i)

akciová spoločnosť

(ii)

spoločnosť s ručením obmedzeným

(iii)

komanditná spoločnosť

(26)

kumpaniji taħt il-liġi Finlandiża magħrufin bħala:

(i)

osakeyhtiö – aktiebolag

(ii)

osuuskunta – andelslag

(iii)

säästöpankki – sparbank

(iv)

vakuutusyhtiö - försäkringsbolag

(27)

kumpaniji taħt il-liġi Svediża magħrufin bħala:

(i)

aktiebolag

(ii)

försäkringsaktiebolag

(28)

kumpaniji taħt il-liġi tar-Renju Unit magħrufin bħala: companies incorporated with limited liability.


(1)  ĠU L 294, 10.11.2001, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).


ANNESS II

PARTI A

Id-Direttiva mħassra flimkien ma’ lista ta’ l-emendi suċċessivi tagħha

(imsemmija fl-Artikolu 16(1))

Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE

ĠU L 249, 3.10.1969, p. 25)

Punt VI.1 ta’ l-Anness I għall-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-1972

(ĠU L 73, 27.3.1972, p. 93)

Direttiva tal-Kunsill 73/79/KEE

(ĠU L 103, 18.4.1973, p. 13)

Direttiva tal-Kunsill 73/80/KEE

(ĠU L 103, 18.4.1973, p. 15)

Direttiva tal-Kunsill 74/553/KEE

(ĠU L 303, 13.11.1974, p. 9)

Punt VI.1 ta’ l-Anness I għall-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-1979

(ĠU L 291, 19.11.1979, p. 95)

Direttiva tal-Kunsill 85/303/KEE

(ĠU L 156, 15.6.1985, p. 23)

Punt V.1 ta’ l-Anness I għall-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-1985

(ĠU L 302, 15.11.1985, p. 167)

Punt XI.B.I.1 ta’ l-Anness I għall-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-1994

(ĠU C 241, 29.8.1994, p. 196)

Punt 9.1 ta’ l-Anness II għall-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-2003

(ĠU L 236, 23.9.2003, p. 555)

PARTI B

Lista tal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali

(imsemmija fl-Artikolu 16(1))

Direttiva

Limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni

Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE

fl-1 ta’ Jannar 1972.

Direttiva tal-Kunsill 73/79/KEE

Direttiva tal-Kunsill 73/80/KEE

Direttiva tal-Kunsill 74/553/KEE

Direttiva tal-Kunsill 85/303/KEE

fl-1 ta’ Jannar 1986.


ANNESS III

Tabella ta’ Korrelazzjoni

Direttiva 69/335/KEE

Din id-Direttiva

Artikolu 1

Artikolu 7

Artikolu 1

Artikolu 2(1)

Artikolu 10(1), l-ewwel subparagrafu, u Artikolu 10(2)

Artikolu 2(2)

Artikolu 10(3)

Artikolu 2(3)

Artikolu 10(4),

Artikolu 3(1), il-kliem introduttiv

Artikolu 2(1), il-kliem introduttiv

Artikolu 3(1)(a)

Artikolu 2(1)(a) u l-Anness I

Artikolu 3(1)(b)

Artikolu 2(1)(b)

Artikolu 3(1)(ċ)

Artikolu 2(1)(ċ)

Artikolu 3(2), l-ewwel sentenza

Artikolu 2(2)

Artikolu 3(2), it-tieni sentenza

Artikolu 9

Artikolu 4(1)(a)-(f)

Artikolu 3(a)-(f) u Artikolu 10(1)

Artikolu 4(1)(g) u (h)

Artikolu 5(1)(d)(ii)

Artikolu 4(2), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 3(g)-(j), l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 10(2)

Artikolu 4(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 4(3)

Artikolu 5(1)(d)

Artikolu 5(1)(a)

Artikolu 11(1)

Artikolu 5(1)(b)

Artikolu 11(2)

Artikolu 5(1)(ċ)

Artikolu 11(3)

Artikolu 5(1)(d)

Artikolu 11(4)

Artikolu 5(1)(e)

Artikolu 11(5)

Artikolu 5(2)

Artikolu 11(6)

Artikolu 5(3)

Artikolu 12(1)

Artikolu 6(1)

Artikolu 12(2), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 6(2)

Artikolu 12(2), it-tieni u t-tielet subparagrafi

Artikolu 7(1) l-ewwel u t-tieni subparagrafi

Artikolu 4, Artikolu 5(1)(e)

Artikolu 7(1)(b) revokat

Artikolu 4(a)

Artikolu 7(1)(bb) revokat

Artikolu 4(b)

Artikolu 7(1), it-tielet subparagrafu

Artikolu 7(2)

Artikoli 7 u 8

Artikolu 7(3)

Artikolu 12(3)

Artikolu 8

Artikolu 7(5) u l-Artikolu 13, l-ewwel subparagrafu

Artikolu 13, it-tieni subparagrafu

Artikolu 9

Artikolu 14

Artikolu 10

Artikolu 5(1)(a)-(ċ)

Artikolu 11

Artikolu 5(2)

Artikolu 12

Artikolu 6

Artikolu 13

Artikolu 15(1)

Artikolu 14

Artikolu 15(2)

Artikolu 16

Artikolu 17

Artikolu 15

Artikolu 18

Anness I

Anness II

Anness III


Top