EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22015D1809

Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 250/2014 tat-13 ta' Novembru 2014 li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet [2015/1809]

ĠU L 263, 8.10.2015, p. 42–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/1809/oj

8.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 263/42


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

Nru 250/2014

tat-13 ta' Novembru 2014

li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet [2015/1809]

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u partikolarment l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Huwa xieraq li titkompla l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE fl-azzjonijiet tal-Unjoni ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-implimentazzjoni, l-operat u l-iżvilupp tas-Suq Intern.

(2)

Huwa xieraq li din il-kooperazzjoni tkompli wara l-31 ta' Diċembru 2013, irrispettivament minn meta din id-Deċiżjoni tkun adottata jew jekk it-twettiq tar-rekwiżiti kostituzzjonali għal din id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, jekk ikun hemm, jiġix innotifikat wara l-10 ta' Lulju 2014.

(3)

Entitajiet stabbiliti fl-Istati tal-EFTA għandhom ikunu intitolati jipparteċipaw fl-attivitajiet li jibdew qabel id-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni. L-ispejjeż imġarrba għal dawn l-attivitajiet, li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara l-1 ta' Jannar 2014, jistgħu jitqiesu eliġibbli taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għal spejjeż imġarrba minn entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri tal-UE, sakemm din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ qabel ma tintemm l-azzjoni konċernata.

(4)

Għalhekk, il-Protokoll 31 għall-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat sabiex jippermetti li din il-kooperazzjoni estiża tkompli għaddejja wara l-31 ta' Diċembru 2013,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 7 tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat kif ġej:

1.

Il-paragrafu li ġej jiddaħħal wara l-paragrafu 8:

“9.   L-Istati tal-EFTA, mill-1 ta' Jannar 2014, jipparteċipaw fl-azzjonijiet tal-Unjoni relatati mal-linji baġitarji li ġejjin, imdaħħla fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014:

Linja tal-baġit 02 03 01:‘L-operat u l-iżvilupp tas-suq intern partikolarment fl-oqsma tan-notifika, iċ-ċertifikazzjoni u l-approssimazzjoni settorjali’,

Linja tal-baġit 12 02 01:‘L-implimentazzjoni u l-iżvilupp tas-suq intern.’

L-ispejjeż imġarrba għal attivitajiet li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara l-1 ta' Jannar 2014, jistgħu jitqiesu eliġibbli mill-bidu tal-azzjoni taħt il-ftehim tal-għotja jew id-deċiżjoni tal-għotja konċernati, dment li d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 250/2014 ta' 13 ta' Novembru 2014 tidħol fis-seħħ qabel tmiem l-azzjoni.”

2.

Il-kliem “paragrafi 5, 6, 7 u 8” fil-paragrafi 3 u 4 huma ssostitwiti bil-kliem “paragrafi 5 sa 9”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (*).

Għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2014.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE u fis-Suppliment taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Novembru 2014.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Kurt JÄGER


(*)  Mhumiex indikati rekwiżiti kostituzzjonali.


Top