ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 169

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 58
1 ta' Lulju 2015


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 — il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi

1

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

1.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 169/1


REGOLAMENT (UE) 2015/1017 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta' Ġunju 2015

dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 — il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 172 u 173, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 175 u l-Artikolu 182(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Il-kriżi ekonomika u finanzjarja wasslet biex jitbaxxa l-livell tal-investimenti fl-Unjoni. L-investiment naqas b'madwar 15 % minn meta laħaq il-massimu tiegħu fl-2007. L-Unjoni tbati b'mod partikolari minn nuqqas ta' investiment b’konsegwenza tal-limiti fiskali fuq l-Istati Membri u minn tkabbir kajman, li qiegħdin iwasslu għal inċertezza tas-suq fir-rigward tal-futur ekonomiku. Dak in-nuqqas ta’ investiment, li kien partikolarment diffiċli f'dawk l-Istati Membri l-aktar affettwati mill-kriżi, żamm lura l-irkupru ekonomiku u qed jaffettwa b'mod negattiv il-ħolqien tal-impjiegi, il-prospetti ta’ tkabbir fit-tul u l-kompetittività, li potenzjalment jimpedixxi l-kisba tal-miri u l-objettivi tal-istrateġija tal-Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Jeħtieġ li jsir sforz biex ikun hemm iżjed x'jiġbed l-investiment fl-Ewropa kif ukoll fl-infrastruttura ta’ ekonomija tal-għarfien moderna.

(2)

Hija meħtieġa azzjoni komprensiva biex jitreġġa' lura ċ-ċirku vizzjuż li nħoloq minħabba n-nuqqas ta' investiment u d-disparitajiet li qed jiżdiedu bejn ir-reġjuni, u biex tissaħħaħ il-fiduċja fl-ekonomija tal-Unjoni, filwaqt li l-irkupru ekonomiku jista' jingħata spinta permezz ta' inċentivi li joħolqu ambjent li jiffavorixxi l-investiment fl-Istati Membri. Flimkien ma’ impetu mġedded għall-finanzjament tal-investiment, riformi strutturali li huma effettivi u ekonomikament u soċjalment sostenibbli, kif ukoll responsabbiltà fiskali jikkostitwixxu mezzi biex jiġi stabbilit ċirku virtuż, li fih proġetti ta' investiment jgħinu fis-sostenn tal-impjiegi u tad-domanda u jwasslu għal tnaqqis sostnut tal-marġini tal-potenzjal tal-produzzjoni kif ukoll għal żieda fil-potenzjal tat-tkabbir. Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi ("FEIS"), imsaħħaħ mill-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri, irid ikun komplementari għal strateġija globali biex titjieb il-kompetittività Ewropea u jiġi attirat l-investiment.

(3)

Sabiex ikun massimizzat l-impatt tal-FEIS fuq l-impjiegi, l-Istati Membri għandhom ikomplu jwettqu riformi strutturali li jkunu effettivi u ekonomikament u soċjalment sostenibbli, kif ukoll inizjattivi oħra bħal programmi ta' taħriġ u politiki attivi tas-suq tax-xogħol, sostenn ta' kundizzjonijiet għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u li jkunu sostenibbli, u investiment f'politiki soċjali mmirati f’ konformità mal-Pakkett ta' Investiment Soċjali 2013. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom iwettqu attivitajiet addizzjonali bħal programmi ta' taħriġ personalizzati li jlaqqgħu l-ħiliet tal-ħaddiema mal-ħtiġijiet tas-setturi li jibbenefikaw mill-FEIS, servizzi ta' negozju mfassla apposta għall-intrapriżi biex jippreparawhom għall-espansjoni u l-ħolqien ta' aktar impjiegi, kif ukoll jappoġġaw lil negozji li jkunu għadhom kemm jiftħu u individwi li jaħdmu għal rashom.

(4)

Il-G20, permezz tal-Inizjattiva Dinjija għall-Infrastruttura, irrikonoxxa l-importanza tal-investiment biex tingħata spinta lid-domanda u jiżdiedu l-produttività u t-tkabbir u impenja ruħu li joħloq klima li tiffaċilita livelli ogħla ta' investiment.

(5)

Matul il-kriżi ekonomika u finanzjarja, l-Unjoni għamlet sforzi biex tippromwovi t-tkabbir, b'mod partikolari permezz ta' inizjattivi stipulati fl-istrateġija Ewropa 2020 li stabbilew approċċ għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u permezz tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-Bank Ewropew tal-Investiment ("BEI") saħħaħ ukoll ir-rwol tiegħu biex iħajjar u jippromwovi l-investiment fl-Unjoni, parzjalment permezz ta' żieda fil-kapital f'Jannar 2013. Hija meħtieġa azzjoni ulterjuri sabiex ikun żgurat li l-ħtiġijiet tal-investiment u dawk makroekonomici tal-Unjoni jiġu indirizzati b'mod adegwat, li l-likwidità disponibbli fis-suq tintuża b’mod effiċjenti u li jitħeġġeġ l-indirizzar tagħha lejn il-finanzjament ta’ proġetti ta’ investiment vijabbli.

(6)

Fil-15 ta' Lulju 2014, il-President elett tal-Kummissjoni ta' dak iż-żmien ippreżenta lill-Parlament Ewropew Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni li jmiss. Dawk il-Linji Gwida sejħu għall-mobilizzazzjoni ta' "sa EUR 300 biljun f'investiment pubbliku u privat addizzjonali fl-ekonomija reali matul it-tliet snin li ġejjin" biex jiġi stimulat l-investiment bil-għan li jinħolqu l-impjiegi.

(7)

Fis-26 ta' Novembru 2014, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni bit-titolu "Pjan ta' Investiment għall-Ewropa" ("Pjan ta' Investiment") li ppreveda l-ħolqien tal-FEIS, portal trasparenti ta' proġetti ta' investiment fil-livell tal-Unjoni ("Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment") u ċentru ta' konsulenza għall-investimenti ("Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti") u poġġa enfasi fuq aġenda biex jitneħħew l-ostakoli għall-investiment u jiġi kkompletat is-suq intern.

(8)

Fit-18 ta' Diċembru 2014 il-Kunsill Ewropew ikkonkluda li "t-trawwim tal-investiment u l-indirizzar tal-falliment tas-suq fl-Ewropa huma sfidi politiċi ewlenin" u li "l-fokus il-ġdid fuq l-investiment, flimkien mal-impenn tal-Istati Membri biex jintensifikaw ir-riformi strutturali u biex ifittxu konsolidazzjoni fiskali li tiffavorixxi t-tkabbir, ser jipprovdu l-bażi għat-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa". Il-Kunsill Ewropew appella għall-"istabbiliment ta' Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) fil-Grupp tal-BEI bil-għan li jiġu mobilizzati EUR 315-il biljun f'investimenti ġodda bejn l-2015 u l-2017", u stieden lill-Grupp tal-BEI biex "jibda l-attivitajiet billi juża l-fondi proprji minn Jannar 2015". Il-Kunsill Ewropew enfasizza wkoll li "l-FEIS ser jikkomplementa u jkun addizzjonali għall-programmi tal-UE li għaddejjin bħalissa u l-attivitajiet tradizzjonali tal-BEI".

(9)

Fit-13 ta' Jannar 2015, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni bit-titolu "L-aħjar użu tal-flessibbiltà fir-regoli eżistenti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir" li tindika fid-dettall kif ser tapplika dawk ir-regoli.

(10)

Fl-24 ta' Ġunju 2015, il-Kummissjoni ddikjarat li, "mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-Kunsill fl-implimentazzjoni tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST), kontribuzzjonijiet ta' darba mill-Istati Membri, jew minn Stat Membru jew minn banek promozzjonali nazzjonali kklassifikati fis-settur pubbliku ġenerali jew li jaġixxu f'isem Stat Membru, fil-FEIS jew fi pjattaformi ta' investiment, tematiċi jew multinazzjonali stabbiliti għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Investiment, bħala prinċipju għandhom jikkwalifikaw bħala miżuri ta' darba, fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (4) u l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (5)".

(11)

Il-FEIS għandu jkun parti minn strateġija komprensiva mfassla sabiex tindirizza l-inċertezza marbuta mal-investimenti pubbliċi u privati u tnaqqas id-diskrepanza fl-investiment fl-Unjoni. L-istrateġija għandha tliet pilastri: li jiġi mobilizzat il-finanzjament għall-investimenti, li l-investimenti jilħqu l-ekonomija reali u li jitjieb l-ambjent tal-investimenti fl-Unjoni. L-istrateġija għandha tagħti spinta lill-kompetittività u l-irkupru ekonomiku u għandha tkun komplementari għall-objettiv ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali madwar l-Unjoni. IL-FEIS għandu jitqies bħala komplementari għall-azzjonijiet l-oħra kollha meħtieġa biex jitnaqqsu d-diskrepanzi fl-investiment fl-Unjoni u – billi jaġixxi bħala fond ta’ garanzija – bħala stimolu għal investimenti ġodda.

(12)

L-ambjent tal-investiment fl-Unjoni għandu jitjieb billi jitneħħew l-ostakoli għall-investiment, jiġi żgurat li ma jkunx hemm diskriminazzjoni bbażata fuq jekk il-ġestjoni ta' proġetti huwiex privat jew pubbliku, jissaħħaħ is-suq intern u titjieb il-prevedibbiltà regolatorja. Fil-komunikazzjoni tagħha bit-titolu "Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2015: Bidu Ġdid", il-Kummissjoni ħabbret li "t-tnaqqis tal-piż regolatorju filwaqt li jinżammu livelli għoljin ta' protezzjoni soċjali, tas-saħħa u ambjentali u l-għażla għall-konsumatur" kien prijorità politika, u li ser tagħmel "riformi drastiċi fir-regoli biex jiġi żgurat li dawn jikkontribwixxu għall-aġenda tal-impjiegi u t-tkabbir". Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jibdew dak il-kompitu mingħajr dewmien. Il-ħidma tal-FEIS, u l-investimenti fl-Unjoni kollha b'mod ġenerali, għandhom jibbenefikaw minn dik il-ħidma ta' akkumpanjament.

(13)

L-għan tal-FEIS għandu jkun li jgħin biex jissolvew id-diffikultajiet fil-finanzjament u l-implimentazzjoni ta' investimenti strateġiċi, trasformattivi u produttivi b'valur miżjud ekonomiku, ambjentali u soċjetali għoli li jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi ta' politika tal-Unjoni bħal dawk stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1287/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u r-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). Għandu jkollu l-għan li jagħti spinta immedjata lill-ekonomija tal-Unjoni u li jtejjeb l-aċċess għall-finanzjament u l-kompetittività tal-intrapriżi u ta' entitajiet oħra, b'enfasi partikolari fuq l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u l-kumpaniji żgħar b'kapitalizzazzjoni medja, bl-għan li jitnaqqsu l-livelli tal-qgħad u li tingħata spinta lit-tkabbir fl-Unjoni.

Il-FEIS għandu għalhekk jappoġġa investimenti strateġiċi bħal, iżda mhux limitati għal, proġetti ta' interess komuni li għandhom l-għan li jikkompletaw is-suq intern fis-setturi tal-infrastruttura tat-trasport, tat-telekomunikazzjoni u tal-enerġija, inklużi l-interkonnessjonijiet tat-trasport u tal-enerġija u l-infrastruttura diġitali; li jespandu l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija u r-riżorsi; li jiżviluppaw u jimmodernizzaw is-settur tal-enerġija b'konformità mal-prijoritajiet tal-enerġija tal-Unjoni, inkluża s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija; u li jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli ta’ dawk is-setturi, u jisfruttaw sinerġiji potenzjali bejniethom. Dawk l-investimenti għandhom jinkludu wkoll proġetti ta' interess komuni fil-qasam tal-iżvilupp urban u rurali u fil-qasam soċjali u fl-oqsma tar-riżorsi ambjentali u naturali; proġetti li jsaħħu l-bażi xjentifika u teknoloġika tal-Unjoni u jrawmu benefiċċji għas-soċjetà kif ukoll sfruttament aħjar tal-potenzjal ekonomiku u industrijali tal-politiki ta' innovazzjoni, riċerka u żvilupp teknoloġiku, inkluża l-infrastruttura għar-riċerka, u l-faċilitajiet pilota u dawk ta' dimostrazzjoni; u proġetti relatati mal-kapital uman, il-kultura u s-saħħa. L-inċentivi bbażati fuq is-suq u l-addizzjonalità mogħtija mill-FEIS għandhom jiżguraw li l-FEIS jimmira lejn proġetti soċjalment u ekonomikament vijabbli mingħajr ebda preallokazzjoni settorjali jew reġjonali, b'mod partikolari biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet kbar ta' investiment jew il-fallimenti tas-suq.

Fl-istess ħin, il-FEIS għandu jkun jista’ jappoġġa proġetti ambjentalment sodi u jkun ta' benefiċċju għall-industriji u t-teknoloġiji b'potenzjal għoli ta' tkabbir u jikkontribwixxi għat-trasformazzjoni għal ekonomija ekoloġika, sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi. Il-FEIS għandha permezz talegħlib ta d-diffikultajiet attwali ta' investiment fl-Unjoni u t-tnaqqis tad-disparitajiet reġjonali, tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-Unjoni, il-potenzjal ta' riċerka u innovazzjoni, il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tagħha u ssostni t-tranżizzjoni tal-enerġija u l-effiċjenza tar-riżorsi, anke fir-rigward ta' tranżizzjoni tal-infrastruttura, lejn ekonomija ċirkolari sostenibbli u bbażata fuq is-sorsi rinnovabbli, permezz tal-ħolqien ta' impjiegi stabbli u remunerati b'mod ġust. Il-FEIS għandu jimmira lejn proġetti ta' kwalunkwe daqs li jippromwovu l-ħolqien tal-impjiegi ta' kwalità, it-tkabbir sostenibbli fuq terminu qasir, medju u twil u l-kompetittività, b'mod partikolari fejn dawn il-proġetti għandhom l-ogħla valur inkrementali, b'hekk jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi politiċi tal-Unjoni f’ konformità mal-Artikolu 9 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Sabiex jintlaħqu l-objettivi ġenerali stabbiliti f'dan ir-Regolament, il-FEIS għandu jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikoli 170, 173 u 179 tat-TFUE u l-Artikolu 194(1) tat-TFUE.

(14)

Il-FEIS għandu jappoġġa proġetti fl-oqsma tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni. L-investimenti appoġġati permezz tal-FEIS għandhom jikkontribwixxu biex jinkisbu l-programmi u l-politiki eżistenti tal-Unjoni kif ukoll il-miri u l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Huma għandhom jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2010.

(15)

Il-FEIS għandu jappoġġa proġetti għall-iżvilupp tas-settur tal-enerġija. Fil-Komunikazzjoni tagħha bit-titolu "Strateġija Qafas għal Unjoni dwar l-Enerġija b'Saħħitha għall-Bidla fil-Klima li tħares 'il quddiem", il-Kummissjoni enfasizzat l-importanza tal-effiċjenza fl-enerġija bħala sors ta' enerġija minnu nnifsu u ddikjarat b'mod ċar li l-FEIS "jipprovdi opportunità biex jinkisbu l-investimenti kbar fir-rinnovazzjoni tal-bini". Huwa rikonoxxut li l-investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija ser joħolqu sa 2 miljun impjieg sal-2020 u possibbilment 2 miljun impjieg ieħor sal-2030. Sabiex ikun żgurat li l-FEIS jissodisfa l-iskop tiegħu li jservi ta' lieva għal investimenti privati, il-ħolqien ta’ impjiegi, it-trawwim ta' żviluppi ekonomiċi reżiljenti u t-tnaqqis tal-iżbilanċi makroekonomiċi, hija meħtieġa attenzjoni speċjali dwar l-effiċjenza fl-enerġija. Il-FEIS għandu jappoġġa proġetti b'konformità mal-miri tal-Unjoni dwar l-enerġija, il-klima u l-effiċjenza stabbiliti fl-istrateġija Ewropa 2020 u fil-Qafas 2030 għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija u li għandhom l-għan li jilħqu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

(16)

Il-FEIS għandu jappoġġa proġetti għall-iżvilupp ta' infrastrutturi tat-trasport, u tagħmir u teknoloġiji innovattivi għat-trasport. L-appoġġ tal-FEIS għall-infrastruttura tat-trasport għandu jikkontribwixxi għall-objettivi tar-Regolamenti (UE) Nru 1315/2013 u (UE) Nru 1316/2013 billi joħloq infrastruttura ġdida jew jipprovdi għal infrastruttura nieqsa u billi wkoll jimmodernizza u jirriabilita faċilitajiet eżistenti filwaqt li jippermetti l-finanzjament ta' operazzjonijiet ta' riċerka u innovazzjoni f'dak is-settur. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għal proġetti ta' sinerġija li jsaħħu r-rabtiet bejn is-setturi tat-trasport, tat-telekomunikazzjonijiet u tal-enerġija kif ukoll ma' proġetti intelliġenti u sostenibbli tat-trasport urban.

(17)

Il-FEIS għandu jipprovdi appoġġ finanzjarju lil entitajiet b'massimu ta' 3 000 impjegat, b'enfasi partikolari fuq l-SMEs u l-kumpaniji żgħar b'kapitalizzazzjoni medja. L-aċċess akbar għall-finanzjament għandu jkun ta' benefiċċju partikolari għall-SMEs, anke għall-ħolqien ta' negozji li jkunu għadhom kemm jiftħu u spin-offs akkademiċi, intrapriżi tal-ekonomija soċjali u organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ.

(18)

Il-FEIS għandu jappoġġa proġetti għall-iżvilupp u l-varar ta' teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), inklużi proġetti ta' interess komuni bl-għan tal-ikkompletar tas-suq intern fil-qasam tat-telekomunikazzjoni u l-infrastruttura diġitali.

(19)

Il-FEIS għandu jappoġġa proġetti fl-oqsma tal-ambjent u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, inklużi l-oqsma tar-riżorsi naturali.

(20)

Il-FEIS għandu jappoġġa proġetti fl-oqsma tal-kapital uman, il-kultura u s-saħħa, inklużi proġetti fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ, l-iżvilupp ta' ħiliet tal-ICT u l-edukazzjoni diġitali, kif ukoll proġetti fis-settur kulturali u kreattiv, fit-turiżmu u fl-oqsma soċjali. L-investiment f'dawk l-oqsma għandu jadotta approċċ olistiku li f'kull każ juri rispett xieraq għall-valur intrinsiku tal-edukazzjoni u l-kultura.

(21)

Ħafna SMEs u kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja madwar l-Unjoni jeħtieġu għajnuna biex jattiraw finanzjament tas-suq, b'mod partikolari fir-rigward ta' investimenti b'livell ogħla ta' riskju. Il-FEIS għandu jgħin lil dawk l-entitajiet biex jegħlbu n-nuqqas ta' kapital u l-fallimenti tas-suq u l-frammentazzjoni finanzjarja li twassal għal kundizzjonijiet mhux ugwali madwar l-Unjoni billi jippermetti lill-BEI u lill-Fond Ewropew tal-Investiment ("FEI") u banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali, pjattaformi jew fondi ta' investiment biex jipprovdu injezzjonijiet ta' ekwità diretti jew indiretti, kif ukoll jipprovdu garanziji għal self ta' titolizzazzjoni ta' kwalità għolja, u prodotti oħra li jingħataw biex jintlaħqu l-objettivi tal-FEIS.

(22)

Il-FEIS għandu jiġi stabbilit fi ħdan il-BEI. Il-ħidma tal-FEIS fl-għoti ta' finanzjament lil SMEs, kumpaniji żgħar b'kapitalizzazzjoni medja u entitajiet oħra għandha tiġi implimentata primarjament permezz tal-FEI.

(23)

Il-FEIS għandu jappoġġa firxa wiesgħa ta' prodotti finanzjarji, inkluż l-ekwità, id-dejn u il-garanziji, li l-aħjar jakkomodaw il-ħtiġijiet tal-proġett individwali. Tali firxa wiesgħa ta' prodotti għandha tippermetti lill-FEIS jadatta għall-bżonnijiet tas-suq filwaqt li jinkoraġġixxi l-investiment privat fil-proġetti. Il-FEIS ma għandux ikun sostitut għall-finanzjament tas-suq privat jew għal prodotti pprovduti mill-banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali iżda għandu minflok jaġixxi bħala katalist tal-finanzi tas-suq billi jindirizza l-fallimenti tas-suq sabiex jiżgura l-aktar użu effikaċi u strateġiku tal-fondi pubbliċi u għandu jaġixxi bħala mezz biex il-koeżjoni tkompli tissaħħaħ madwar l-Unjoni.

(24)

Bl-għan li jiġu protetti aħjar l-inizjattivi kofinanzjati mill-Unjoni u li jinħasdu benefiċċji kummerċjali u ekonomiċi minnhom, sett ta' regoli stabbiliti f'Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni 2014-2020, previsti bir-Regolament (UE) Nru 1291/2013, li jikkonċernaw l-isfruttament u d-disseminazzjoni ta' riżultati ta' proġetti, inkluża l-protezzjoni tagħhom permezz tal-proprjetà intellettwali, għandu, meta possibbli, jitħares mill-parteċipanti tal-proġetti tal-FEIS.

(25)

L-impatt tal-FEIS fuq il-ħolqien tal-impjiegi u, meta possibbli, il-kwalità tagħhom, għandu jiġi mmonitorjat sistematikament permezz ta' valutazzjoni annwali, fuq bażi aggregata, tal-eżiti u l-impatt tal-finanzjament tal-BEI u l-operazzjonijiet ta' investiment appoġġati minn dan ir-Regolament.

(26)

Il-FEIS għandu jiżgura addizzjonalità billi jgħin biex jiġu indirizzati fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet subottimali ta' investiment u billi jappoġġa operazzjonijiet li ma setgħux jitwettqu fil-perjodu li matulu tista' tintuża l-garanzija stabbilita bis-saħħa ta' dan ir-Regolament (garanzija tal-UE), jew mhux fl-istess miżura, mill-BEI, il-FEI jew taħt strumenti finanzjarji eżistenti tal-Unjoni mingħajr l-appoġġ tal-FEIS. Għal dak l-għan, il-FEIS għandu tipikament ikollu fil-mira proġetti bi profil ta' riskju ogħla minn proġetti appoġġati minn operazzjonijiet normali tal-BEI.

(27)

Il-FEIS għandu jimmira lejn investimenti li huma mistennija jkunu ekonomikament u teknikament vijabbli, kif ikkonfermat minn analiżi kosti-benefiċċji skont l-istandards tal-Unjoni. Fl-istess ħin, l-investimenti għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti partikolari għal finanzjament mill-FEIS.

(28)

Il-FEIS għandu jimmira lejn investimenti b'livell ta' riskju xieraq tipikament ogħla minn dak ta' operazzjonijiet normali tal-BEI, filwaqt li jkun konsistenti mal-politiki tal-Unjoni, inklużi l-objettiv ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, il-ħolqien tal-impjiegi ta' kwalità, il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, kif ukoll jissodisfa r-rekwiżiti partikolari għall-finanzjament tal-FEIS.

(29)

Il-FEIS għandu jingħata struttura ta' governanza xierqa li l-funzjoni tagħha għandha tkun proporzjonata mal-fini uniku tiegħu li jiġi żgurat l-użu xieraq tal-garanzija tal-UE. Dik l-istruttura ta' governanza għandha tkun magħmula minn bord ta' tmexxija, direttur amministrattiv u kumitat tal-investiment. Hija ma għandhiex taffettwa t-teħid tad-deċiżjonijiet tal-BEI jew tinterferixxi f'dan il-proċess, jew tkun sostitut għall-korpi ta' tmexxija tal-BEI. Il-Bord ta' Tmexxija għandu b'mod partikolari jistabbilixxi l-orjentamenti strateġiċi tal-FEIS u r-regoli meħtieġa għall-funzjonament tiegħu. Id-Direttur Amministrattiv għandu jkun responsabbli għat-tmexxija ta’ kuljum tal-FEIS u għandu jwettaq il-ħidma preparatorja tal-laqgħat tal-Kumitat tal-Investiment.

(30)

Il-Kumitat tal-Investiment għandu jieħu deċiżjonijiet dwar l-użu tal-garanzija tal-UE għal proġetti potenzjali u għall-operazzjonijiet mal-banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali jew il-pjattaformi ta' investiment b'mod trasparenti u indipendenti. Il-Kumitat tal-Investiment għandu jkun magħmul minn tmien esperti indipendenti li jirrappreżentaw firxa wiesgħa ta' għarfien espert kif deskritt f'dan ir-Regolament u mid-Direttur Amministrattiv. Il-Kumitat tal-Investiment għandu jagħti rendikont lill-Bord ta' Tmexxija, li għandu jissorvelja t-twettiq tal-objettivi tal-FEIS u jimmonitorja fuq bażi kontinwa r-rispett mill-membri tal-Kumitat tal-Investiment tal-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament.

(31)

Sabiex il-FEIS ikun jista' jsostni l-investimenti, l-Unjoni għandha tipprovdi garanzija tal-UE li ma għandha fl-ebda mument taqbeż EUR 16 000 000 000. Meta tiġi pprovduta fuq bażi ta' portafoll, il-kopertura tal-garanzija għandha tkun limitata skont it-tip ta' strument, bħal dejn, ekwità jew garanziji, bħala perċentwal tal-volum tal-portafoll ta' impenji pendenti. Huwa mistenni li meta l-garanzija tal-UE tkun ikkombinata ma' EUR 5 000 000 000 li għandhom jiġu pprovduti mill-BEI, is-sostenn tal-FEIS għandu jiġġenera EUR 60 800 000 000 ta' investiment addizzjonali mill-BEI u l-FEI. L-ammont ta' EUR 60 800 000 000 sostnut mill-FEIS huwa mistenni jiġġenera wkoll total ta' EUR 315 000 000 000 f'investiment fl-Unjoni fi żmien tliet snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Investiment hija mixtieqa biex jiżdied l-impatt tiegħu. Bħala sostenn għal operazzjonijiet ġodda għandhom ikunu disponibbli garanziji li huma marbuta ma' proġetti li jintemmu mingħajr talba għal ħlas ta' garanzija.

(32)

Fi żmien tliet snin mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li jkun fih evalwazzjoni indipendenti tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Dak ir-rapport għandu jispeċifika jekk il-FEIS huwiex qed jilħaq l-objettivi tiegħu u jekk hemmx bżonn skema dedikata li tappoġġa l-investiment fl-Unjoni. B'mod partikolari, ir-rapport għandu jivvaluta l-ilħuq tal-objettivi ġenerali stabbiliti f'dan ir-Regolament, il-mobilizzazzjoni tal-kapital privat, kif ukoll jinkludi valutazzjoni tal-addizzjonalità pprovduta mill-FEIS, tal-profil ta' riskju tal-operazzjonijiet appoġġati mill-FEIS u tal-impatt makroekonomiku tal-FEIS, inkluż l-impatt tiegħu fuq it-tkabbir u l-impjiegi. Jekk ir-rapport jikkonkludi li jinħtieġ li tinżamm skema ta' sostenn għall-investimenti, il-Kummissjoni, meta xieraq, għandha tippreżenta proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex dan ir-Regolament jiġi emendat, b'mod partikolari bl-għan li jiġi stabbilit perjodu ta' investiment ġdid, li tiġi żgurata l-kontinwazzjoni tal-investiment u l-finanzjament xieraq tagħha. Jekk ir-rapport jikkonkludi li l-FEIS mhuwiex qed jilħaq l-objettivi tiegħu u li mhijiex meħtieġa ż-żamma ta' skema ta' sostenn għall-investimenti, il-Kummissjoni, meta xieraq, għandha tippreżenta proposta biex tiżgura terminazjzoni bla xkiel tal-FEIS filwaqt li żżomm il-garanzija tal-UE għall-operazzjonijiet diġà approvati skont dan ir-Regolament.

(33)

Il-BEI ser jiffinanzja l-operazzjonijiet tal-FEIS permezz tal-ħruġ ta' bonds fis-suq tiegħu. Il-Bank Ċentrali Ewropew ikkomunika d-deċiżjoni tiegħu li jinkludi l-bonds tal-BEI fil-lista ta' bonds eliġibbli għax-xiri skont il-Programm ta' Xiri tas-Settur Pubbliku (PXSP) tiegħu.

(34)

Sabiex tintlaħaq il-mira inizjali ta' EUR 315 000 000 000 fl-iqsar żmien possibbli, il-banek jew l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali u l-pjattaformi u fondi ta' investiment, bis-sostenn tal-garanzija tal-UE, għandu jkollhom rwol prominenti fl-identifikazzjoni ta' proġetti vijabbli, jiżviluppawhom u, fejn xieraq, jgħaqqduhom flimkien, u jattiraw investituri potenzjali. F'dak il-kuntest, għandu jkun possibbli li jiġu stabbiliti pjattaformi multinazzjonali biex jippromwovu proġetti transkonfinali jew grupp ta’ proġetti fost l-Istati Membri.

(35)

Il-pjattaformi ta' investiment, meta xieraq, jistgħu jgħaqqdu l-koinvestituri, l-awtoritajiet pubbliċi, l-esperti, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-istituzzjonijiet tar-riċerka, is-sħab soċjali relevanti u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u atturi relevanti oħra fil-livell tal-Unjoni, f'dak nazzjonali u f'dak reġjonali.

(36)

Sabiex ikun jista' jżid aktar ir-riżorsi tiegħu, il-parteċipazzjoni fil-FEIS għandha tkun miftuħa għal partijiet terzi, inklużi l-Istati Membri. Partijiet terzi oħra bħal gvernijiet reġjonali, banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali, banek reġjonali jew aġenziji pubbliċi ta' proprjetà ta', jew ikkontrollalti minn, Stati Membri, entitajiet tas-settur privat u entitajiet barra l-Unjoni, għandhom ikunu jistgħu wkoll jikkontribwixxu direttament għall-FEIS soġġett għall-qbil tal-Bord ta' Tmexxija. Il-parteċipazzjoni ta' parti terza fil-FEIS ma għandhiex tagħti lil dik il-parti terza d-dritt li ssir membru tal-Bord ta' Tmexxija jew kwalunkwe dritt ieħor li jikkonċerna l-istruttura ta' governanza tal-FEIS.

(37)

Dan ir-Regolament ma għandux jipprekludi lil entitajiet li jimmaniġġjaw proġetti fl-Unjoni milli jistabbilixxu jew isaħħu l-kooperazzjoni ma' sħab ta' pajjiżi terzi.

(38)

Il-FEIS għandu jkollu l-possibbiltà li jappoġġa strutturi ta' fondi privati, bħall-Fondi Ewropej tal-Investiment fuq Terminu Twil (FEITT). FEITT li jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) jiffokaw fuq klassijiet ta' assi fuq terminu twil li jippermettilhom jiżvolġu rwol fl-għoti ta' mezz komplementari biex investimenti pubbliċi jew privati/pubbliċi jaslu fl-ekonomija usa'. Bis-saħħa tal-politiki ta' investiment tagħhom, l-FEITT jistgħu jissodisfaw ir-rwol deżinjat tagħhom bħala għodda prijoritarja biex jitwettaq il-Pjan ta' Investiment. Il-Kummissjoni għandha tipprijoritizza u tirrazzjonalizza l-proċessi tagħha għall-applikazzjonijiet kollha mill-FEITT għal finanzjament mill-BEI.

(39)

Il-partijiet terzi għandhom ikunu jistgħu jikkofinanzjaw proġetti flimkien mal-FEIS, jew fuq bażi ta' proġetti individwali jew permezz ta' pjattaformi ta' investiment.

(40)

Sabiex jiġu mobilizzati l-investimenti kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak reġjonali, il-BEI għandu jkun jista' jagħti garanzija taħt il-kontrogaranzija tal-garanzija tal-UE lil banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali, lil pjattaformi jew fondi ta' investiment, filwaqt li, meta applikabbli, jipprova jikseb għajnuna kapitali. Dawn l-operazzjonijiet għandhom jitqiesu bħala operazzjonijiet tal-FEIS.

(41)

Fid-dawl tal-mira ġenerali tal-iżgurar ta' ambjent regolatorju favorevoli għall-investimenti, u fid-dawl tal-fatt li l-assi tal-infrastruttura għandhom rekord b'saħħtu f'termini ta' inadempjenza u ta' rkupru u li l-finanzjament ta' proġetti infrastrutturali jista' jitqies bħala mezz ta' diversifikazzjoni tal-portafolli tal-assi tal-investituri istituzzjonali, it-trattament ta' investimenti infrastrutturali, kif previst attwalment f'leġislazzjoni prudenzjali rilevanti tal-Unjoni, għandu jiġi rieżaminat.

(42)

Il-FEIS għandu jikkomplementa u jkun addizzjonali għal programmi reġjonali, nazzjonali u tal-Unjoni kif ukoll għal operazzjonijiet u attivitajiet eżistenti tal-BEI. F'dak il-kuntest, għandu jiġi inkuraġġit l-użu sħiħ tar-riżorsi kollha eżistenti u allokati tal-Unjoni, skont ir-regoli eżistenti. Sakemm il-kriterji kollha ta' eliġibbiltà jkunu ssodisfati, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jużaw kwalunkwe tip ta' finanzjament tal-Unjoni sabiex jikkontribwixxu għall-finanzjament ta' proġetti eliġibbli li huma appoġġati mill-garanzija tal-UE, u biex isostnu l-banek jew l-istituzzjonijiet promozzjonali, pjattaformi jew fondi ta' investiment. Il-flessibbiltà ta' dak l-approċċ għandha timmassimizza l-potenzjal li tattira investituri lejn l-oqsma ta' investiment fil-mira tal-FEIS.

(43)

L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jużaw il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej biex jikkontribwixxu għall-finanzjament ta' proġetti eliġibbli li huma appoġġati mill-garanzija tal-UE, f'konformità mal-objettivi, il-prinċipji u r-regoli tal-qafas ġuridiku applikabbli għal dawk il-fondi, u b'mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) u mal-Ftehimiet ta' Sħubija. Il-Kummissjoni għandha tkun tista' tipprovdi gwida sabiex tiżgura li l-użu kombinat ta' investimenti tal-Unjoni ma' finanzjament tal-BEI taħt il-garanzija tal-UE jippermetti livell xieraq ta' komplementarjetà u sinerġija.

(44)

Minħabba l-ħtieġa ta' azzjoni urġenti fi ħdan l-Unjoni, il-BEI u l-FEI setgħu ffinanzjaw proġetti addizzjonali li ma kinux jaqgħu taħt il-profil normali tagħhom matul l-2015 u sad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-FEIS u l-ewwel ħatriet tal-membri kollha tal-Kumitat tal-Investiment u tad-Direttur Amministrattiv. Sabiex jinkiseb l-akbar benefiċċju mill-miżuri previsti f'dan ir-Regolament, għandu jkun possibbli li tali proġetti addizzjonali jkunu inklużi taħt il-kopertura tal-garanzija tal-UE fil-każ li jkunu jissodisfaw il-kriterji sostantivi stabbiliti f'dan ir-Regolament.

(45)

L-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment tal-BEI appoġġati mill-FEIS għandhom ikunu ġestiti f'konformità mar-regoli u l-proċeduri tal-BEI stess, inklużi l-miżuri ta' kontroll xierqa u miżuri meħuda biex tiġi evitata l-evażjoni tat-taxxa, kif ukoll mar-regoli u l-proċeduri rilevanti li jikkonċernaw l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u l-Qorti tal-Awdituri, inkluż il-ftehim Tripartitiku bejn il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-Bank Ewropew tal-Investiment tas-27 ta' Ottubru 2003.

(46)

Filwaqt li jfakkru li l-ħidma ta' awditjar tal-Qorti tal-Awdituri tikkostitwixxi bażi importanti għall-proċedura ta' kwittanza tal-Artikolu 319 tat-TFUE, fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandu jkun żgurat rispett sħiħ għad-drittijiet ta' awditjar tal-Qorti tal-Awdituri kif stabbilit fl-Artikolu 287 TFUE.

(47)

Il-BEI għandu regolarment jevalwa u jirrapporta dwar operazzjonijiet sostnuti mill-FEIS bil-għan li jivvaluta r-rilevanza, il-prestazzjoni u l-impatt tagħhom, inklużi l-addizzjonalità u l-valur miżjud tagħhom, kif ukoll li jidentifika l-aspetti li jistgħu jtejbu l-attivitajiet futuri. Tali evalwazzjonijiet u rapportar għandhom jiġu ppubblikati u jikkontribwixxu għall-obbligu li jingħata rendikont u analiżi tas-sostenibbiltà.

(48)

Meta jimplimenta l-linji gwida ta' investiment u regoli relevanti oħra skont dan ir-Regolament, il-Kumitat tal-Investiment għandu jqis bis-sħiħ il-ħtieġa li jiġi evitat kwalunkwe tip ta' diskriminazzjoni, speċjalment fir-rigward tal-aċċessibbiltà għal persuni b'diżabbiltà. B'mod partikolari, għandu jqis l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri.

(49)

B'mod parallel mal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment li ser jitmexxew permezz tal-FEIS, għandu jinħoloq ċentru Ewropew ta' konsulenza għall-investimenti ("EIAH"). L-EIAH għandu jipprovdi sostenn imsaħħaħ għall-iżvilupp u t-tħejjija ta' proġetti madwar l-Unjoni, billi jibni fuq l-għarfien espert tal-Kummissjoni, il-BEI, il-banek jew l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali u l-awtoritajiet maniġerjali tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej. Għandu jiġi stabbilit punt uniku ta' kuntatt għal kwistjonijiet li jirrigwardaw l-assistenza teknika għall-investimenti fi ħdan l-Unjoni u għandha tiżdied l-assistenza teknika pprovduta lill-promoturi ta' proġetti fil-livell lokali. Is-servizzi l-ġodda pprovduti mill-EIAH għandhom ikunu addizzjonali għal dawk diġà disponibbli taħt programmi oħra tal-Unjoni, u b'hekk, bl-ebda mod ma jaffettwaw il-livell u l-kapaċità tas-sostenn ipprovdut taħt dawk il-programmi. Dawk is-servizzi addizzjonali għandhom ikunu finanzjati adegwatament. L-EIAH għandu jipprovdi għarfien espert bla ħlas għal promoturi pubbliċi ta' proġetti sabiex jiżgura aċċess ġust għall-finanzjament tal-FEIS fl-Unjoni kollha. Meta possibbli, l-EIAH għandu jaħdem mill-qrib ma' strutturi simili f'livell nazzjonali, kif ukoll f'livell reġjonali jew subnazzjonali. It-tariffi li jridu jħallsu l-SMEs għall-assistenza teknika mogħtija mill-EIAH minbarra l-programmi eżistenti tal-Unjoni għandu jkollhom limitu massimu ta' terz tal-kost tagħhom. Il-BEI għandu jippreżenta wkoll lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sal-1 ta' Settembru 2016, u kull sena wara dan, rapport annwali dwar it-tariffi li jirċievi u s-servizzi pprovduti mill-EIAH, sabiex tkun tista' ssir valutazzjoni effikaċi tal-ħtiġijiet ta' finanzjament, fil-limiti tal-limiti massimu annwali ta' EUR 20 000 000.

(50)

L-EIAH għandu, b'mod partikolari, jibni fuq il-prassi tajba fi programmi eżistenti, bħal ELENA (Assistenza Ewropea għall-Enerġija Lokali), EEEF (Fond Ewropew ta' Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika), JEREMIE (Riżorsi Ewropej Konġunti għall-Impriżi Mikro sa Medji), JASPERS (Assistenza Konġunta ta'Appoġġ għal Proġetti fir-Reġjuni Ewropej), JESSICA (Appoġġ Konġunt Ewropew għall-Investiment Sostenibbli fiż-Żoni tal-Ibliet) u JASMINE (Azzjoni Konġunta għas-Sostenn tal-Istituzzjonijiet Mikrofinanzjarji fl-Ewropa).

(51)

Sabiex ikunu koperti r-riskji relatati mal-garanzija li l-UE toffri lill-BEI, għandu jiġi stabbilit fond ta' garanzija (fond ta' garanzija). Il-fond ta' garanzija għandu jinbena permezz ta' pagament gradwali mill-baġit ġenerali tal-Unjoni. Il-fond ta' garanzija għandu sussegwentement jirċievi wkoll dħul minn proġetti li jibbenefikaw mis-sostenn tal-FEIS u minn ammonti rkuprati minn debituri inadempjenti fejn il-fond ta' garanzija jkun diġà onora l-garanzija lill-BEI. Kwalunkwe bilanċ pożittiv fil-fond ta' garanzija li jirriżulta minn aġġustament tal-ammont immirat jew minn remunerazzjonijiet f'eċċess tal-ammont immirat wara li l-garanzija tal-UE tiġi restawrata għall-ammont inizjali tagħha ta' EUR 16 000 000 000 għandu jkun restitwit lill-baġit ġenerali tal-Unjoni bħala dħul assenjat intern, sabiex jerġa' jimla kwalunkwe linja baġitarji li setgħet intużat bħala sors ta' riallokazzjoni għall-fond ta' garanzija.

(52)

Il-fond ta' garanzija huwa maħsub biex jipprovdi riżerva ta' likwidità għall-baġit ġenerali tal-Unjoni kontra telf imġarrab mill-FEIS fl-ilħuq tal-objettivi tiegħu. L-esperjenza dwar in-natura tal-investimenti li għandhom jiġu sostnuti mill-FEIS tindika li l-livell tar-riżorsi fil-fond ta' garanzija għandu jirrappreżenta proporzjon ta' 50 % tal-obbligi ta' garanzija totali tal-UE.

(53)

Il-pagamenti kollha li jsiru lill-fond ta' garanzija u d-deċiżjonijiet baġitarji li b'xi mod ieħor huma assoċjati mal-operat tal-FEIS għandhom ikunu għalkollox konsistenti mat-termini tal-qafas finanzjarju pluriennali u għandhom ikunu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill permezz tal-proċedura baġitarja annwali.

(54)

Sabiex il-kontribuzzjoni tiġi ffinanzjata b'mod parzjali mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, il-pakketti disponibbli ta' Orizzont 2020 –, u tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, prevista bir-Regolament (UE) Nru 1316/2013, għandhom jitnaqqsu.

(55)

Fl-Unjoni, hemm għadd sinifikanti ta' proġetti li huma potenzjalment vijabbli, minn perspettiva ekonomika u teknika, li mhumiex qed jiġu ffinanzjati minħabba nuqqas ta' ċertezza u trasparenza rigward tali proġetti. Spiss ir-raġuni ta' dan tkun li l-investituri privati ma jkunux konxji tal-proġetti jew ma jkollhomx informazzjoni biżżejjed biex jivvalutaw ir-riskji marbutin mal-investiment, inklużi r-riskji regolatorji. Il-Kummissjoni bis-sostenn tal-BEI għandhom jippromwovu l-ħolqien ta' portal trasparenti ta' proġetti attwali u futuri fl-Unjoni li huma adatti għall-investiment ("Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment" – "PEPI"). Il-PEPI għandu jiżgura li l-informazzjoni rigward il-proġetti ta' investiment tkun disponibbli għall-pubbliku fuq bażi regolari u strutturata sabiex jiġi żgurat li l-investituri jkollhom aċċess għal informazzjoni trasparenti u affidabbli b'kunsiderazzjoni dovuta għall-protezzjoni ta' sigrieti kummerċjali.

(56)

L-Istati Membri, b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, għandhom ikunu jistgħu jikkontribwixxu għall-istabbiliment u l-ġestjoni tal-PEPI anke billi jipprovdu informazzjoni lill-Kummissjoni dwar proġetti ta' investiment fit-territorju tagħhom. Qabel il-varar tal-PEPI, il-Kummissjoni, bil-parteċipazzjoni tal-BEI, għandu jkollha konsultazzjonijiet adatti mal-Istati Membri, l-esperti u l-partijiet ikkonċernati, rigward il-prinċipji u l-linji gwida għall-proġetti li għandhom jiġu elenkati fil-PEPI, inklużi l-mekkaniżmi li jimpedixxu li proġetti li jistgħu jimminaw is-sigurtà nazzjonali jiġu ppubblikati, u rigward il-mudell għall-pubblikazzjoni ta' informazzjoni dwar proġetti individwali.

(57)

Il-PEPI għandu jinkludi proġetti madwar l-Unjoni għall-fini ta' viżibbiltà għall-investituri u għall-finijiet ta' informazzjoni. Għandu jkun possibbli li jiġu inklużi proġetti li jistgħu jiġu ffinanzjati kompletament mis-settur privat jew bl-assistenza ta' strumenti oħra disponibbli fil-livell tal-Unjoni jew f'dak nazzjonali. L-inklużjoni ta' proġett fil-PEPI la għandha timplika u lanqas teskludi xi sostenn finanzjarju pubbliku, fil-livell tal-Unjoni jew f'dak nazzjonali.

(58)

Sabiex jiġi żgurat l-obbligu li jingħata rendikont liċ-ċittadini Ewropej, il-BEI għandu b'mod regolari jirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress, l-impatt u l-operazzjonijiet tal-FEIS, b'mod partikolari fir-rigward tal-addizzjonalità ta' operazzjonijiet mwettqa taħt il-FEIS meta mqabbla ma' operazzjonijiet normali tal-BEI, inklużi attivitajiet speċjali. Fuq talba tal-Parlament Ewropew, il-President tal-Bord ta' Tmexxija u d-Direttur Amministrattiv għandhom jipparteċipaw f'seduti u jwieġbu mistoqsijiet fi żmien fiss. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment dwar is-sitwazzjoni tal-fond ta' garanzija.

(59)

Sabiex jiġi ffaċilitat adattament malajr u flessibbli tal-elementi mhux essenzjali tal-linji gwida ta' investiment stabbiliti fl-Anness II ta' dan ir-Regolament għall-kundizzjonijiet tas-suq u għall-ambjent ta' investiment fl-Unjoni jew f'partijiet minnha, għandha tingħata lill-Kummissjoni s-setgħa li jiġu adottati atti b'konformità mal-Artikolu 290 TFUE fir-rigward tal-emenda tal-partijiet rilevanti ta' dawk il-linji gwida ta' investiment bla ma xi waħda mit-taqsimiet ta' dawk il-linji gwida titħassar għalkollox. Il-Kumissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti f'konformità mal-Artikolu 290 TFUE fir-rigward tal-istabbiliment ta' tabella ta' valutazzjoni ta' indikaturi li għandha tintuża mill-Kumitat tal-Investiment biex tiżgura valutazzjoni indipendenti u trasparenti tal-użu potenzjali u attwali tal-garanzija tal-UE. Minħabba n-natura unika tal-FEIS u r-rwol ċentrali tal-BEI fl-istruttura tiegħu, ikun xieraq li l-Kummissjoni tibda djalogu mill-qrib mal-BEI fil-kuntest tal-adozzjoni tat-tabella ta' valutazzjoni u ta' kwalunkwe aġġustament fil-linji gwida dwar l-investiment u fit-tabella ta' valutazzjoni. Meta tħejji u tfassal atti delegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(60)

Il-karatteristiċi uniċi tal-FEIS jirrikjedu sforzi eċċezzjonali bl-għan tad-dħul fis-seħħ tal-att delegat li jistabbilixxi għall-ewwel darba t-tabella ta' valutazzjoni. Fl-istess waqt, l-effikaċja tad-drittijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li joġġezzjonaw kif previsti f'dan ir-Regolament f'konformità mal-Artikolu 290(2) TFUE għandhom jiġu żgurati. Għalhekk, il-perjodu ta' oġġezzjoni għall-att delegat li jistabbilixxi għall-ewwel darba t-tabella ta' valutazzjoni għandu jkun eċċezzjonalment ta' tliet ġimgħat, li jista' jiġi estiż bi tliet ġimgħat fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tqis dan il-perjodu ta' oġġezzjoni, kif ukoll il-proċeduri fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill, fir-rigward tad-data ta' trażmissjoni ta' dak l-att delegat.

(61)

Filwaqt li jsegwu l-prinċipji tal-iffissar tal-prezz tal-BEI, il-livelli tal-prezz tal-operazzjonijiet tal-FEIS għandhom iqisu kif xieraq il-fallimenti u d-diskrepanzi tas-suq u l-ħtieġa li jiġi stimolat investiment addizzjonali. Id-dħul tal-FEIS attribwibbli għall-garanzija tal-UE għandu jikkontribwixxi għall-appoġġ baġitarju għall-garanzija tal-UE.

(62)

Il-Kummissjoni u l-BEI għandhom jikkonkludu ftehim li jispeċifika l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament għall-ġestjoni tal-FEIS min-naħa tagħhom. Dak il-ftehim ma għandux jimponi fuq il-kompetenzi tal-leġislatur tal-Unjoni, tal-awtorità tal-baġit, jew tal-BEI, kif stabbilit fit-Trattati u għandu, għalhekk, ikun limitat għal elementi li huma primarjament tekniċi u amministrattivi fin-natura tagħhom u li, filwaqt li mhumiex essenzjali, huma meħtieġa għall-implimentazzjoni effettiva tal-FEIS.

(63)

Minħabba li l-objettivi ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu sostnuti investimenti fl-Unjoni u li jiġi żgurat aktar aċċess għall-finanzjament għall-entitajiet, ma jistgħux, għal dak li jirrigwarda restrizzjonijiet finanzjarji għall-investiment, jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba d-disparitajiet fil-kapaċità fiskali tagħhom li jiffinanzjaw investimenti iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET INTRODUTTORJI

Artikolu 1

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi fond Ewropew għall-investimenti strateġiċi (FEIS), garanzija tal-UE u fond ta’ garanzija tal-UE. Barra minn hekk, dan ir-Regolament jistabbilixxi Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti ('EIAH') u Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment (PEPI).

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, dan ir-Regolament jipprevedi li l-Kummissjoni tikkonkludi ftehim mal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) dwar il-FEIS u ftehim mal-BEI dwar l-implimentazzjoni tal-EIAH.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

'Ftehim dwar il-FEIS' tfisser l-istrument legali li permezz tiegħu l-Kummissjoni u l-BEI jispeċifikaw il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament għall-ġestjoni tal-FEIS;

(2)

'Ftehim dwar l-EIAH' tfisser l-istrument legali li permezz tiegħu l-Kummissjoni u l-BEI jispeċifikaw il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament għall-implimentazzjoni tal-EIAH;

(3)

'banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali', tfisser l-entitajiet legali impenjati f’attivitajiet finanzjarji fuq bażi professjonali, li għalihom Stat Membru, jew entità ta' Stat Membru f’livell ċentrali, reġjonali jew lokali, jagħtu mandat biex jitwettqu attivitajiet ta’ żvilupp jew ta’ promozzjoni;

(4)

'pjattaformi ta’ investiment' tfisser veikoli b’għanijiet speċjali, kontijiet ġestiti, arranġamenti ta’ kofinanzjament jew ta’ kondiviżjoni tar-riskji bbażati fuq kuntratti jew arranġamenti stabbiliti bi kwalunkwe mezz ieħor li permezz tagħhom entitajiet jibagħtu kontribuzzjoni finanzjarja biex jiffinanzjaw għadd ta’ proġetti ta’ investiment, u li jistgħu jinkludu:

(a)

pjattaformi nazzjonali jew subnazzjonali li jiġbru flimkien diversi proġetti ta' investiment fit-territorju ta' Stat Membru partikolari;

(b)

pjattaformi multinazzjonali jew reġjonali li jiġbru flimkien diversi Stati Membri jew pajjiżi terzi interessati fi proġetti f'żona ġeografika partikolari;

(c)

pjattaformi tematiċi li jiġbru flimkien proġetti ta' investiment f'settur partikolari;

(5)

'intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju' jew 'SMEs' tfisser intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju kif definiti fl-Artikolu 2 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (12);

(6)

'kumpaniji żgħar b'kapitalizzazzjoni medja' tfisser entitajiet li għandhom sa 499 impjegat u li mhumiex SMEs;

(7)

'kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja' tfisser entitajiet li għandhom sa 3 000 impjegat u li mhumiex SMEs jew kumpaniji żgħar b'kapitalizzazzjoni medja;

(8)

'addizzjonalità' tfisser addizzjonalità kif definita fl-Artikolu 5(1).

KAPITOLU II

FOND EWROPEW GĦALL-INVESTIMENTI STRATEĠIĊI

Artikolu 3

Għan

L-għan tal-FEIS għandu jkun li jsostni, fl-Unjoni, billi jagħti lill-BEI il-kapaċità li jassumi riskji, dawn li ġejjin:

(a)

investimenti;

(b)

aċċess akbar għall-finanzjament għal entitajiet li għandhom sa 3 000 impjegat, b'enfasi partikolari fuq SMEs u fuq kumpaniji żgħar b'kapitalizzazzjoni medja.

Artikolu 4

Termini tal-Ftehim dwar il-FEIS

1.   Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehim mal-BEI dwar il-ġestjoni tal-FEIS u għall-għoti ta' garanzija tal-UE, b'konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.

2.   Il-Ftehim dwar il-FEIS għandu jinkludi, b'mod partikolari, dispożizzjonijiet dwar:

(a)

it-twaqqif tal-FEIS, inkluż:

(i)

it-twaqqif tal-FEIS bħala faċilità distinta, identifikabbli b’mod ċar u trasparenti u bħala kont separat ġestit mill-BEI, li l-operazzjonijiet tiegħu jistgħu jintgħarfu b’mod ċar minn operazzjonijiet oħra tal-BEI;

(ii)

l-ammont, li ma jkunx inferjuri għal EUR 5 000 000 000 f’garanziji jew flus, u t-termini tal-kontribuzzjoni finanzjarja li għandha tiġi pprovduta mill-BEI permezz tal-FEIS;

(iii)

it-termini tal-finanzjament jew tal-garanziji li għandhom jiġu pprovduti mill-BEI permezz tal-FEIS lill-FEI;

(iv)

it-tariffi tal-operazzjonijiet taħt il-garanzija tal-UE li għandhom ikunu allinjati mal-politika tariffarja ġenerali tal-BEI.

(b)

l-arranġamenti ta' governanza rigward il-FEIS, b'konformità mal-Artikolu 7, bla preġudizzju għall-Protokoll (Nru 5) dwar l-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment anness mat-TUE u mat-TFUE (l-'Istatut tal-BEI'), jinkludu;

(i)

il-kompożizzjoni u n-numru ta’ membri tal-Bord ta’ Tmexxija;

(ii)

dispożizzjoni li rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jippresiedi l-laqgħat tal-Bord ta' Tmexxija;

(iii)

dispożizzjoni li l-Bord ta' Tmexxija għandu jieħu d-deċiżjonijiet b'kunsens;

(iv)

il-proċedura għall-ħatra tad-Direttur Amministrattiv u tal-Viċi Direttur Amministrattiv, ir-remunerazzjoni u l-kondizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, f'konformità mar-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI, ir-regoli u l-proċeduri dwar is-sostituzzjoni tagħhom fil-funzjonijiet tagħhom u dwar l-obbligu li jingħata rendikont, mingħajr preġudizzju għal dan ir-Regolament;

(v)

il-proċedura għall-ħatra u t-tneħħija tal-membri tal-Kumitat tal-Investiment, ir-remunerazzjoni u l-kondizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u l-arranġamenti tal-votazzjoni fi ħdan il-Kumitat tal-Investiment, bi speċifikazzjoni tal-kworum u l-allokazzjoni ta’ vot lil kull membru;

(vi)

ir-rekwiżit li l-Bord ta’ Tmexxija u l-Kumitat tal-Investiment jadottaw ir-regoli ta’ proċedura rispettivi tagħhom;

(vii)

ir-rekwiżit li l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment koperti minn dan ir-Regolament għandhom finalment jiġu approvati mill-korpi governattivi tal-BEI f'konformità mal-Istatut tal-BEI;

(viii)

dispożizzjonijiet dwar l-evitar u l-indirizzar ta' konflitti ta' interess possibbli;

(c)

il-garanzija tal-UE, li għandha tkun garanzija mingħajr kondizzjonijiet, irrevokabbli, u bl-ewwel talba favur il-BEI, inkluż:

(i)

f’konformità mal-Artikolu 11, regoli dettaljati dwar l-għoti ta’ garanzija tal-UE, inkluż l-arranġamenti tagħha dwar il-kopertura u l-kopertura definita tagħha ta’ portafolji ta’ tipi speċifiċi ta’ strumenti;

(ii)

rekwiżiti li r-remunerazzjoni għat-teħid tar-riskji tiġi allokata fost il-kontributuri għall-FEIS fi proporzjon mas-sehem tagħhom fit-teħid tar-riskji u li r-remunerazzjoni lill-Unjoni u l-pagamenti fuq il-garanzija tal-UE għandhom jsiru f’waqthom u biss wara li r-remunerazzjoni u t-telf mill-operazzjonijiet ikunu nġiebu għall-valur nett tagħhom;

(iii)

f’konformità mal-Artikolu 9, rekwiżiti dwar l-użu tal-garanzija tal-UE, inkluż il-kondizzjonijiet għall-pagament, bħal perjodi ta’ żmien speċifiċi, l-imgħaxijiet li għandhom jitħallsu fuq l-ammonti dovuti u l-arranġamenti meħtieġa b'rabta mal-likwidità;

(iv)

f’konformità mal-Artikolu 11(5), dispożizzjonijiet u proċeduri li jirrigwardaw l-irkupru tal-pretensjonijiet, li għandu jiġi fdat f’idejn il-BEI;

(d)

f’konformità ma’ dan ir-Regolament u, b’mod partikolari l-Artikoli 7(12) u 9(5) tiegħu, l-Anness II għalih u kwalunkwe att delegat adottat skont dan ir-Regolament, l-arranġamenti għall-approvazzjoni mill-Kumitat tal-Investiment dwar l-użu tal-garanzija tal-UE għal proġetti individwali jew għas-sostenn ta’ pjattaformi ta’ investiment jew fondi, jew permezz ta' banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali;

(e)

il-proċeduri għas-sottomissjoni u l-approvazzjoni ta’ proposti ta’ investiment għall-użu tal-garanzija tal-UE, inklużi:

(i)

il-proċedura għat-trasmissjoni ta’ proposti ta' investiment lill-Kumitat tal-Investiment;

(ii)

dispożizzjonijiet dwar l-informazzjoni li trid tiġi provduta fl-ippreżentar ta' proposti ta' investiment lill-Kumitat tal-Investiment;

(iii)

ir-rekwiżit li l-proċedura għas-sottomissjoni u l-approvazzjoni ta’ proposti ta' investiment għall-użu tal-garanzija tal-UE tkun mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-BEI dwar it-teħid ta’ deċiżjonijiet stipulati fl-Istatut tal-BEI, u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu;

(iv)

regoli li jagħtu aktar dettalji dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji li jikkonformaw mal-Artikolu 24 ta' dan ir-Regolament, u b’mod partikolari l-mod li bih l-operazzjonijiet approvati mill-BEI matul il-perjodu msemmi f'dak l-Artikolu għandhom jiġu inklużi taħt il-kopertura tal-garanzija tal-UE;

(f)

ir-rappurtar, il-monitoraġġ u l-obbligu li jingħata rendikont fir-rigward tal-FEIS, inkluż:

(i)

f’konformità mal-Artikolu 16, l-obbligi ta' rappurtar fil-livell operattiv li jrid isir mill-BEI, fejn xieraq f’kooperazzjoni mal-FEI;

(ii)

l-obbligi ta' rappurtar finanzjarju fir-rigward tal-FEIS;

(iii)

f’konformità mal-Artikoli 20 u 21, regoli dwar l-awditjar u l-prevenzjoni tal-frodi;

(iv)

l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-użu tal-garanzija tal-UE, it-twettiq tal-objettivi u tal-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 6 u 9 u fl-Anness II, il-mobilizzazzjoni ta’ kapital privat, u l-impatt makroekonomiku tal-FEIS, inkluż l-effett tiegħu fuq is-sostenn għall-investiment;

(g)

l-evalwazzjonijiet tal-funzjonament tal-FEIS f'konformità mal-Artikolu 18;

(h)

l-istrateġija ta' komunikazzjoni u ta' promozzjoni tal-FEIS;

(i)

il-proċeduri u l-kondizzjonijiet għall-emendar tal-Ftehim dwar il-FEIS, fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew tal-BEI, inkluż l-obbligu li jsir rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar tali emendar;

(j)

kwalunkwe kondizzjoni oħra amministrattiva jew organizzattiva meħtieġa għall-ġestjoni tal-FEIS sa fejn din tippermetti l-użu korrett tal-garanzija tal-UE.

(k)

l-arranġamenti dwar il-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri lill-FEIS f'forma ta' garanziji jew flus, u minn partijiet terzi esklużivament fil-forma ta' flus, li ma għandhomx jagħtu lil dawk l-Istati Membri jew partijiet terzi d-dritt li jipparteċipaw fit-teħid ta' deċiżjonijiet u fil-votazzjoni tal-Bord ta' Tmexxija.

3.   Il-Ftehim dwar il-FEIS għandu jipprevedi wkoll li:

(a)

l-attivitajiet tal-FEIS immexxija mill-FEI għandhom ikunu regolati mill-korpi governattivi tal-FEI;

(b)

l-attivitajiet tal-FEIS imwettqa mill-FEI għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti ta' rappurtar f'konformità mal-Artikolu 16;

(c)

ir-remunerazzjoni li tista' tingħata lill-Unjoni minn operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment koperti minn dan ir-Regolament għandha tiġi pprovduta wara li jitnaqqsu l-pagamenti dovuti għall-attivar tal-garanzija tal-UE u, sussegwentement, tal-ispejjeż f'konformità mal-Artikolu 9(6) u mal-Ftehim dwar l-EIAH.

Artikolu 5

Addizzjonalità

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, 'addizzjonalità' tfisser is-sostenn mill-FEIS ta' operazzjonijiet li jindirizzaw fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet subottimali ta’ investiment, u li ma setgħux jitwettqu fil-perjodu li matulu tista' tintuża l-garanzija tal-UE, jew mhux fl-istess miżura, mill-BEI, il-FEI jew taħt strumenti finanzjarji eżistenti tal-Unjoni mingħajr is-sostenn tal-FEIS. Proġetti sostnuti mill-FEIS għandhom tipikament ikollhom profil tar-riskju ogħla minn proġetti sostnuti minn operazzjonijiet normali tal-BEI u l-portafoll tal-FEIS għandu ġeneralment ikollu profil ta’ riskju ogħla mill-portafoll tal-investimenti sostnuti mill-BEI permezz tal-politiki ta’ investiment normali tiegħu qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Il-proġetti sostnuti mill-FEIS, filwaqt li jippruvaw joħolqu l-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli, għandhom jitqiesu li jipprovdu addizzjonalità jekk ikollhom riskju korrispondenti għall-attivitajiet speċjali tal-BEI, kif definit fl-Artikolu 16 tal-Istatut tal-BEI u fil-linji gwida tal-BEI dwar il-politika tar-riskju tal-kreditu.

Proġetti tal-BEI li jkollhom riskju aktar baxx mir-riskju minimu f'attivitajiet speċjali tal-BEI jistgħu wkoll ikunu sostnuti mill-FEIS jekk l-użu tal-garanzija tal-UE tkun mitluba tiżgura addizzjonalità kif definit fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

2.   F’konformità mal-linji gwida għall-investiment imniżżla fl-Anness II, il-Bord ta' Tmexxija għandu jaġġusta l-varjetà tal-proġetti fir-rigward tas-setturi u l-pajjiżi, abbażi tal-monitoraġġ li jkun għaddej dwar l-iżviluppi tal-kundizzjonijiet tas-suq fl-Istati Membri u tal-ambjent tal-investiment biex ikunu jistgħu jiġu megħluba l-fallimenti tas-suq kif ukoll sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali inklużi problemi li jirriżultaw mill-frammentazzjoni finanzjarja. Meta jkun qed iwettaq dak l-aġġustament, il-Bord ta' Tmexxija għandu jevita approċċ li jkun fih aktar riskju milli meħtieġ.

Meta l-livell tar-riskju hekk jitlob, attivitajiet speċjali tal-BEI għandhom jintużaw b'mod aktar wiesa' taħt dan ir-Regolament milli kienu jintużaw qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu. Dan għandu japplika, b'mod partikolari, fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri fejn ma jkunux intużaw attivitajiet speċjali tal-BEI jew fejn ikunu ntużaw biss b'mod eċċezzjonali qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, sabiex jippermettu l-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet u proġetti addizzjonali, kif ukoll finanzjament addizzjonali mill-BEI u minn banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali jew pjattaformi ta’ investiment.

Artikolu 6

Kriterji ta' eliġibbiltà għall-użu tal-garanzija tal-UE

1.   Il-Ftehim dwar il-FEIS għandu jipprevedi li l-FEIS jagħti sostenn lil proġetti li:

(a)

ikunu ekonomikament viabbli skont analiżi kosti-benefiċċji li ssegwi l-istandards tal-Unjoni, filwaqt li jitqies is-sostenn possibbli minn, u l-kofinanzjament mis-sħab privati u pubbliċi għal proġett;

(b)

ikunu konsistenti mal-politiki tal-Unjoni, inkluż l-objettiv ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, u l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

(c)

jipprovdu addizzjonalità;

(d)

jimmassimizzaw, fejn possibbli, il-mobilizzazzjoni ta’ kapital mis-settur privat; kif ukoll

(e)

ikunu teknikament vijabbli.

2.   Ma għandu jkun hemm ebda restrizzjoni dwar id-daqs ta' proġetti eliġibbli għas-sostenn tal-FEIS għall-operazzjonijiet imwettqa mill-BEI jew il-FEI permezz ta' intermedjarji finanzjarji.

Artikolu 7

Governanza tal-FEIS

1.   Fit-twettiq tal-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament, il-Bord ta' Tmexxija, il-Kumitat tal-Investiment u d-Direttur Amministrattiv għandhom isegwu biss l-objettivi stabbiliti f’dan ir-Regolament.

2.   Il-Ftehim dwar il-FEIS għandu jipprovdi li l-FEIS ikun regolat minn bord ta' tmexxija, li għall-fini tal-użu tal-garanzija tal-UE, ikun jiddetermina, f'konformità mal-objettivi ġenerali stipulati f'dan l-Artikolu 9(2):

(a)

l-orjentazzjoni strateġika tal-FEIS, inkluż l-allokazzjoni tal-garanzija tal-UE fi ħdan l-opportunitajiet ta' infrastruttura u innovazzjoni u kwalunkwe deċiżjoni li għandha tittieħed skont l-Artikolu 11(3) u t-Taqsima 7(b) tal-Anness II;

(b)

il-politiki u l-proċeduri operattivi meħtieġa għall-funzjonament l-FEIS;

(c)

ir-regoli applikabbli għall-operazzjonijiet fil-pjattaformi ta' investiment u fil-banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali;

(d)

il-profil tar-riskju tal-FEIS

3.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jkun magħmul minn erba’ membri: tlieta maħtura mill-Kummissjoni u wieħed mill-BEI. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jeleġġi President minn fost il-membri tiegħu għal perjodu fiss ta’ tliet snin li jiġġedded darba. Il-Bord ta' Tmexxija jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b'kunsens.

Il-minuti tal-laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija għandhom jiġu ppubblikati malli jiġu approvati mill-Bord ta’ Tmexxija.

Il-Bord ta' Tmexxija għandu jorganizza regolarment konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti - b'mod partikolari koinvestituri, awtoritajiet pubbliċi, esperti, istituzzjonijiet edukattivi, ta' taħriġ u ta' riċerka, is-sħab soċjali rilevanti u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili - dwar l-orjentament u l-implimentazzjoni tal-politika ta' investiment imwettqa mill-BEI permezz ta' dan ir-Regolament.

L-istrumenti użati mill-FEI biex iwettaq l-operazzjonijiet koperti minn dan ir-Regolament għandhom ikunu approvati b'mod konġunt mill-Bord ta' Tmexxija u mid-Direttur Amministrattiv, wara li jikkonsultaw il-Kumitat tal-Investiment.

4.   L-Istati Membri u partijiet terzi oħra jistgħu - soġġett fil-każ ta’ partijiet terzi oħra għall-qbil tal-Bord ta' Tmexxija - jikkontribwixxu għall-FEIS f'forma ta' garanziji jew ta’ flus kontanti fir-rigward tal-Istati Membri, u esklużivament fil-forma ta' flus kontanti fir-rigward ta' partijiet terzi oħra. La l-Istati Membri u lanqas il-partijiet terzi oħra ma jistgħu isiru membri tal-Bord ta' Tmexxija, u lanqas ma għandhom jingħataw rwol fil-ħatra ta' persunal tal-FEIS inklużi membri tal-Kumitat tal-Investiment, u lanqas ma għandu jkollhom xi dritt dwar aspetti oħra ta' governanza tal-FEIS kif stabbilit f'dan ir-Regolament.

5.   Il-Ftehim dwar il-FEIS għandu jipprevedi li l-FEIS ikollu direttur amministrattiv, li għandu jkun responsabbli għall-ġestjoni ta' kuljum tal-FEIS u għat-tħejjija u t-tmexxija tal-laqgħat tal-Kumitat tal-Investiment imsemmi fil-paragrafu 6.

Id-Direttur Amministrattiv għandu jkun assistit minn viċi direttur amministrattiv. Id-Direttur Amministrattiv għandu jirrapporta, kull tliet xhur, dwar l-attivitajiet tal-FEIS lill-Bord ta' Tmexxija.

6.   Wara proċess ta' selezzjoni miftuħ u trasparenti f’ konformità mal-proċeduri tal-BEI, il-Bord ta' Tmexxija għandu jagħżel kandidat għal pożizzjoni ta’ Direttur Amministrattiv u kandidat għal Viċi Direttur Amministrattiv.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jinżammu infurmati debitament f'kull stadju tal-proċedura ta' selezzjoni, soġġett għar-rekwiżiti stretti ta' kunfidenzjalità. Dak japplika indipendentement mill-konklużjoni tal-ftehim bejn il-Parlament Ewropew u l-BEI imsemmi fl-Artikolu 17(5).

Il-Parlament Ewropew għandu jorganizza malajr kemm jista' jkun, u mhux aktar tard minn erba' ġimgħat mill-komunikazzjoni tal-isem tal-kandidat magħżul, seduta ta' smigħ mal-kandidat għal kull pożizzjoni.

Wara l-approvazzjoni mill-Parlament Ewropew, id-Direttur Amministrattiv u l-Viċi Direttur Amministrattiv għandhom jinħatru mill-President tal-BEI għal terminu fiss ta' tliet snin, li jista' jiġġedded darba.

7.   Il-Ftehim dwar il-FEIS għandu jipprevedi li l-FEIS ikollu Kumitat tal-Investiment, li jkun responsabbli biex jeżamina proġetti potenzjali f'konformità mal-politiki ta' investiment tal-FEIS u japprova s-sostenn tal-garanzija tal-UE għal operazzjonijiet tal-BEI għal proġetti li huma f'konformità mal-Artikoli 6 u 9, irrispettivament mill-post ġeografiku, skont l-Artikolu 8, ta’ tali proġetti. Barra minn hekk, il-Kumitat tal-Investiment għandu jkun il-korp kompetenti biex japprova operazzjonijiet ma' pjattaformi ta' investiment u banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali.

8.   Il-Kumitat tal-Investiment għandu jkun magħmul minn tmien esperti indipendenti u d-Direttur Amministrattiv. L-esperti għall-Kumitat tal-Investiment għandhom, wara proċedura ta' selezzjoni miftuħa u trasparenti, jinħatru mill-Bord ta' Tmexxija għal perjodu fiss ta’ massimu ta’ tliet snin,. Il-mandat tagħhom jista' jiġġedded iżda b’kollox ma għandux jaqbeż is-sitt snin. L-esperti indipendenti għandu jkollhom livell għoli ta’ esperjenza rilevanti tas-suq fl-istrutturar tal-proġetti u fil-finanzjament tal-proġetti, kif ukoll għarfien espert mikro- u makroekonomiċi.

Meta jaħtar l-esperti tal-Kumitat tal-Investiment, il-Bord ta' Tmexxija għandu jiżgura li l-kompożizzjoni tal-Kumitat tal-Investiment tkun diversifikata, sabiex ikun żgurat li dan ikollu għarfien wiesa’ tas-setturi msemmija fl-Artikolu 9 u tas-swieq ġeografiċi fl-Unjoni.

Il-Kumitat tal-Investiment għandu jkun kompost b'tali mod li jkollu l-bilanċ bejn is-sessi. Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu jfittex li jagħżel esperti li jkollhom esperjenza fl-investiment f'wieħed jew aktar mill-oqsma li ġejjin:

(a)

ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni;

(b)

l-infrastrutturi tat-trasport u t-teknoloġiji innovattivi għat-trasport;

(c)

l-infrastrutturi tal-enerġija, l-effiċjenza fl-enerġija u l-enerġija rinnovabbli;

(d)

l-infrastrutturi tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni;

(e)

il-ħarsien u l-ġestjoni tal-ambjent;

(f)

l-edukazzjoni u t-taħriġ;

(g)

is-saħħa u l-mediċini;

(h)

l-SMEs;

(i)

l-industriji kulturali u kreattivi;

(j)

il-mobbiltà urbana;

(k)

l-infrastrutturi soċjali u l-ekonomija soċjali u solidali.

9.   Meta jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Kumitat tal-Investiment il-membri tiegħu għandhom iwettqu d-doveri tagħhom imparzjalment u fl-interessi tal-FEIS. Meta jimplimentaw il-linji gwida għall-investiment imniżżla fl-Anness II u jieħdu deċiżjonijiet dwar l-użu tal-garanzija tal-UE, ma għandhomx ifittxu jew jieħdu struzzjonijiet mingħand il-BEI, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-Istati Membri, jew kwalunkwe korp ieħor pubbliku jew privat. Mingħajr preġudizzju għall-forniment ta’ sostenn analitiku, loġistiku u amministrattiv mill-persunal tal-BEI lill-Kumitat tal-Investiment, għandhom jiġu stabbiliti u miżmuma arranġamenti organizzattivi adegwati biex tiġi żgurata l-indipendenza operattiva tal-Kumitat tal-Investiment. Kwalunkwe valutazzjoni ta' proġett imwettqa mill-persunal tal-BEI ma għandhiex torbot lill-Kumitat tal-Investiment għall-finijiet tal-għoti tal-garanzija tal-UE.

10.   Is-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess ta' kull membru tal-Kumitat tal-Investiment għandhom ikunu ppubblikati u aġġornati kostantement. Kull membru tal-Kumitat tal-Investiment għandu jikkomunika minnufih lill-Bord ta' Tmexxija l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiġi vverifikat fuq bażi kontinwa li mhemm ebda konflitt ta' interess.

11.   Wara talba mill-Bord ta' Tmexxija, il-kuntratt ta' kwalunkwe membru tal-Kumitat tal-Investiment li jikser l-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 9 u 10 għandu jkun terminat, f'konformità mar-regoli applikabbli tal-liġi dwar l-impjieg u x-xogħol.

12.   Il-Kumitat tal-Investiment għandu jiddeċiedi dwar l-użu tal-garanzija tal-UE f'konformità ma' dan ir-Regolament, inklużi l-linji gwida għall-investiment stipulati fl-Anness II.

Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat tal-Investiment għandhom jittieħdu b'maġġoranza sempliċi. Deċiżjonijiet li japprovaw l-użu tal-garanzija tal-UE għandhom ikunu pubbliċi u aċċessibbli.

Darbtejn fis-sena l-BEI għandu jissottometti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lista tad-deċiżjonijiet kollha tal-Kumitat tal-Investimenti li fihom ikun miċħud l-użu tal-garanzija tal-UE, soġġett għar-rekwiżiti stretti ta' kunfidenzjalità.

13.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 23 biex temenda l-elementi mhux essenzjali tat-Taqsimiet 6 sa 8 tal-linji gwida għall-investiment stipulati fl-Anness II ta' dan ir-Regolament, mingħajr ma tiġi mħassra kompletament ebda waħda minn dawk it-Taqsimiet. Dawk l-atti delegati għandhom jitħejjew permezz ta' djalogu mill-qrib mal-BEI.

14.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 23(1) sa (3) u (5) biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi tabella ta' valutazzjoni ta' indikaturi li għandhom jintużaw mill-Kumitat tal-Investiment biex tkun żgurata valutazzjoni indipendenti u trasparenti tal-potenzjal kif ukoll l-użu reali tal-garanzija tal-UE. Tali atti delegati għandhom jitħejjew permezz ta' djalogu mill-qrib mal-BEI.

KAPITOLU III

IL-GARANZIJA TAL-UE U L-FOND TA' GARANZIJA TAL-UE

Artikolu 8

Garanzija tal-UE

L-Unjoni għandha tipprovdi garanzija irrevokabbli u mingħajr kundizzjonijiet lill-BEI għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment koperti minn dan ir-Regolament u mill-Ftehim dwar il-FEIS ("Garanzija tal-UE") fejn dawk l-operazzjonijiet:

(a)

jitwettqu fl-Unjoni; jew

(b)

jinvolvu entitajiet li jinsabu jew li huma stabbiliti fi Stat Membru wieħed jew aktar u li jestendu għal wieħed jew aktar mill-pajjiżi terzi li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, inklużi s-Sħubija Strateġika, il-politika tat-tkabbir, iż-Żona Ekonomika Ewropea jew l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, jew pajjiż jew territorju extra-Ewropew kif stipulat fl-Anness II għat-TFUE, irrispettivament minn jekk ikunx hemm sieħeb f'dawk il-pajjiżi terzi jew pajjiżi jew territorji extra-Ewropej.

Il-garanzija tal-UE għandha tingħata bħala garanzija fuq talba fir-rigward ta' strumenti msemmija fl-Artikolu 10.

Artikolu 9

Rekwiżiti għall-użu tal-garanzija tal-UE

1.   L-għoti tal-garanzija tal-UE għandu jkun soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-FEIS.

2.   Il-garanzija tal-UE għandha tingħata għal operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment tal-BEI approvati mill-Kumitat tal-Investiment imsemmi fl-Artikolu 7(7) jew għal finanzjament jew garanziji lill-FEI sabiex jitwettqu operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment tal-BEI f'konformità mal-Artikolu 11(3). L-operazzjonijiet ikkonċernati għandhom ikunu konsistenti mal-politiki tal-Unjoni u għandhom isostnu kwalunkwe wieħed mill-objettivi ġenerali li ġejjin:

(a)

ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, partikolarment permezz ta':

(i)

proġetti li huma f’konformità ma' Orizzont 2020;

(ii)

infrastrutturi tar-riċerka;

(iii)

proġetti u programmi ta' dimostrazzjoni kif ukoll it-tixrid ta' infrastrutturi, teknoloġiji u proċessi relatati;

(iv)

sostenn lill-qasam akkademiku inkluża l-kollaborazzjoni mal-industrija;

(v)

trasferiment tal-għarfien u t-teknoloġija;

(b)

l-iżvilupp tas-settur tal-enerġija f’ konformità mal-prijoritajiet tal-Unjoni tal-Enerġija, inkluż is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, u l-oqfsa dwar il-Klima u l-Enerġija tal-2020, 2030 u 2050, partikolarment permezz ta':

(i)

l-espansjoni tal-użu jew tal-provvista tal-enerġija rinnovabbli;

(ii)

l-effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar tal-enerġija (b’enfasi fuq it-tnaqqis tad-domanda permezz ta’ ġestjoni tad-domanda u r-rinnovazzjoni tal-bini);

(iii)

żvilupp u modernizzazzjoni tal-infrastruttura tal-enerġija (partikolarment interkonnessjonijiet, sistemi intelliġenti fil-livell tad-distribuzzjoni, il-ħażna tal-enerġija u s-sinkronizzazzjoni tan-netwerks);

(c)

l-iżvilupp ta' infrastrutturi tat-trasport, u tagħmir u teknoloġiji innovattivi għat-trasport, partikolarment permezz ta':

(i)

proġetti u prijoritajiet orizzontali eliġibbli permezz tar-Regolamenti (UE) Nru 1315/2013 u (UE) Nru 1316/2013;

(ii)

proġetti ta' mobbiltà urbana intelliġenti u sostenibbli (li jimmiraw għall-aċċessibbiltà, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra, il-konsum tal-enerġija u l-inċidenti);

(iii)

proġetti li jikkollegaw in-nodi mal-infrastrutturi tat-TEN-T;

(d)

is-sostenn finanzjarju permezz tal-FEI u l-BEI lil entitajiet li għandhom mhux aktar minn 3 000 impjegat, b'enfasi partikolari fuq l-SMEs u kumpaniji żgħar b'kapitalizzazzjoni medja, partikolarment permezz ta';

(i)

provvediment ta' kapital operatorju u investiment;

(ii)

provvediment ta' finanzjament tar-riskju mill-istadji inizjali għal dawk ta' espansjoni għall-SMEs, negozji ġodda, kumpaniji żgħar b'kapitalizzazzjoni medja u kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja, biex tkun żgurata tmexxija teknoloġika f'setturi innovattivi u sostenibbli;

(e)

l-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, partikolarment permezz ta':

(i)

kontenut diġitali;

(ii)

servizzi diġitali;

(iii)

infrastrutturi tat-telekomunikazzjoni b'veloċità għolja;

(iv)

netwerks tal-broadband;

(f)

l-ambjent u l-effiċjenza tar-riżorsi, partikolarment permezz ta':

(i)

proġetti u infrastrutturi fil-qasam tal-protezzjoni u l-ġestjoni ambjentali;

(ii)

tisħiħ tas-servizzi tal-ekosistema;

(iii)

żvilupp urban u rurali sostenibbli;

(iv)

azzjoni dwar it-tibdil fil-klima;

(g)

il-kapital uman, il-kultura u s-saħħa, partikolarment permezz ta':

(i)

edukazzjoni u taħriġ;

(ii)

industriji kulturali u kreattivi

(iii)

soluzzjonijiet innovattivi tas-saħħa;

(iv)

mediċini effettivi ġodda;

(v)

infrastrutturi soċjali u ekonomija soċjali u solidali;

(vi)

turiżmu.

3.   Il-perjodu ta' investiment inizjali li matulu tista' tingħata l-garanzija tal-UE biex ikunu sostnuti operazzjonijiet finanzjarji u ta' investiment koperti minn dan ir-Regolament għandu jibqa' fis-seħħ sa:

(a)

l-5 ta’ Lulju 2019, għall-operazzjonijiet tal-BEI li għalihom ikun ġie ffirmat kuntratt bejn il-BEI u l-benefiċjarju jew intermedjarju finanzjarju sat-30 ta' Ġunju 2020.

(b)

l-5 ta’ Lulju 2019, għall-operazzjonijiet tal-FEI li għalihom ikun ġie ffirmat kuntratt bejn il-FEI u l-intermedjarju finanzjarju sat-30 ta' Ġunju 2020.

4.   Perjodu ġdid ta' investiment jista' jiġi stabbilit f'konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 18.

5.   Il-BEI għandu juża l-garanzija tal-UE għas-sostenn ta' pjattaformi ta' investiment dedikati jew fondi u banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali oħra, li jinvestu f'operazzjonijiet li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament (‘veikoli eliġibbli’) wara approvazzjoni mill-Kumitat tal-Investiment.

Il-Bord ta' Tmexxija għandu jispeċifika l-politiki, f'konformità mal-Artikolu 7(2), rigward veikoli eliġibbli msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu. Il-Kumitat tal-Investiment għandu jevalwa l-konformità ta’ tali veikoli u tal-istrumenti speċifiċi tagħhom li jfittxu sostenn mill-FEIS mal-politiki speċifikati mill-Bord ta' Tmexxija.

Il-Kumitat tal-Investiment jista' jiddeċiedi li jżomm id-dritt li japprova proġetti ġodda mressqa fi ħdan veikoli eliġibbli approvati.

6.   B'konformità mal-Artikolu 17 tal-Istatut tal-BEI, il-BEI għandu jirrikjedi li l-ispejjeż kollha li jirrigwardaw il-FEIS jitħallsu mill-benefiċjarji tal-operazzjonijiet finanzjarji u ta' investiment. Mingħajr preġudizzju għat-tieni u t-tielet subparagrafi ta' dan il-paragrafu, ebda nefqa amministrattiva jew kwalunkwe tariffa oħra tal-BEI għal operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment tiegħu koperti minn dan ir-Regolament ma għandhom jiġu koperti mill-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Il-BEI jista' juża l-garanzija tal-UE f'limitu massimu kumulat li jikkorrispondi għal 1 % tat-total pendenti tal-obbligi tal-garanzija tal-UE biex ikopri l-ispejjeż li kellhom jitħallsu mill-benefiċjarji tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment, iżda li ma ġewx irkuprati sal-mument ta' inadempjenza.

Barra minn hekk, il-BEI jista' juża l-garanzija tal-UE biex iħallas is-sehem rilevanti ta' kwalunkwe spiża ta' rkupru, sakemm din ma titnaqqasx minn rikavati ta' rkupru, kif ukoll kwalunkwe spiża marbuta mal-ġestjoni tal-likwidità.

Fl-eventwalità li l-BEI jipprovdi finanzjament jew garanziji lill-FEI f'isem il-FEIS li jkunu sostnuti mill-garanzija tal-UE f'konformità mal-Artikolu 11(3), it-tariffi tal-FEI jistgħu jiġu koperti mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, sal-punt li dawn ma jkunux tnaqqsu mir-remunerazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(2)(c)(ii) jew minn dħul, irkupru jew pagamenti oħra li jirċievi l-FEI.

7.   L-Istati Membri jistgħu jużaw kwalunkwe tip ta' finanzjament mill-Unjoni, inklużi l-istrumenti stabbiliti permezz tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u n-netwerks trans-Ewropej u l-linji ta' politika dwar l-industrija, sabiex jikkontribwixxu għall-finanzjament ta’ proġetti eliġibbli li fihom il-BEI innifsu, jew permezz tal-FEI, qed jinvesti bis-sostenn tal-garanzija tal-UE, sakemm dawk il-proġetti jikkonformaw mal-kriterji tal-eliġibbiltà, l-objettivi u l-prinċipji applikabbli taħt il-qafas ġuridiku tal-istrumenti rilevanti u tal-FEIS.

Il-Kummissjoni għandha, kif xieraq, tipprovdi gwida dwar l-użu kumbinat tal-istrumenti tal-Unjoni mal-finanzjament tal-BEI taħt il-garanzija tal-UE, sabiex tiżgura koordinazzjoni, komplementarjetà u sinerġiji.

Artikolu 10

Strumenti eliġibbli

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 9(2) u f'konformità mal-Artikolu 11, il-BEI għandu juża l-garanzija tal-UE għall-kopertura tar-riskju għall-istrumenti msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

2.   L-istrumenti li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli għall-kopertura mill-garanzija tal-UE:

(a)

self, garanziji, kontrogaranziji, strumenti tas-suq tal-kapital, jew kwalunkwe forma oħra ta' finanzjament jew strument għat-titjib tal-kreditu, investiment ta' ekwità jew kważi ekwità tal-BEI, inkluż favur banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali, pjattaformi jew fondi ta' investiment;

(b)

il-finanzjament jew garanziji tal-BEI lill-FEI li jippermettilu jidħol għal self, garanziji, kontrogaranziji, jew kwalunkwe forma oħra ta' strument ta' titjib tal-kreditu, strumenti tas-suq tal-kapital jew investimenti ta' ekwità jew kważi ekwità, inkluż favur banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali, pjattaformi jew fondi ta' investiment;

(c)

il-garanziji tal-BEI għal banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali, pjattaformi jew fondi ta' investiment taħt kontrogaranzija tal-garanzija tal-UE.

L-Istrumenti msemmija fil-punt (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu għandhom jingħataw, jinkisbu jew jinħarġu għall-benefiċċju tal-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8 li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament, fejn il-finanzjament tal-BEI jew tal-FEI jkun ingħata f'konformità ma' ftehim jew tranżazzjoni ta' finanzjament iffirmati jew sottoskritti mill-BEI jew mill-FEI li ma jkunux skadew jew ġew ikkanċellati;

3.   Il-garanziji tal-BEI, mogħtija lil bank promozzjonali jew istituzzjoni nazzjonali li tibbenefika mill-kontrogaranzija tal-garanzija tal-UE, għandhom, fejn xieraq, ifittxu li jħaffu ir-rekwiżit għall-kapital.

4.   Fl-operazzjonijiet tiegħu taħt dan ir-Regolament, il-FEI jista’ jagħti garanzija lil bank jew istituzzjoni promozzjonali nazzjonali jew pjattaforma ta’ investiment jew jinvesti fi pjattaforma ta’ investiment.

Artikolu 11

Kopertura u kondizzjonijiet tal-garanzija tal-UE

1.   Il-garanzija tal-UE ma għandhiex, fi kwalunkwe żmien, teċċedi l-ammont ta' EUR 16 000 000 000, li minnhom parti tista' tiġi allokata għall-finanzjament jew garanziji tal-BEI lill-FEI b'konformità mal-paragrafu 3 Pagamenti netti aggregati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni taħt il-garanzija tal-UE ma għandhomx jeċċedu l-EUR 16 000 000 000.

2.   Ir-remunerazzjoni għat-teħid tar-riskju ta’ portafoll għandha tiġi allokata fost il-kontributuri proporzjonalment għas-sehem rispettiv tagħhom fit-teħid ta' riskju. Il-garanzija tal-UE għandha tkun eliġibbli biex tipprovdi jew garanziji kontra l-ewwel telf abbażi ta' portafoll jew garanzija sħiħa. Il-garanzija tal-UE tista' tingħata abbażi ta' pari passu ma' kontributuri oħra.

3.   Fejn il-BEI jipprovdi finanzjament jew garanziji lill-FEI sabiex dan iwettaq operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment tal-BEI, il-garanzija tal-UE għandha tipprevedi garanzija sħiħa fuq tali finanzjament jew garanziji sakemm il-BEI jipprovdi ammont ugwali ta' finanzjament jew garanziji mingħajr kopertura mill-garanzija tal-UE, sa limitu inizjali ta' EUR 2 500 000 000. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, dak il-limitu jista' fejn xieraq ikun aġġustat mill-Bord ta' Tmexxija sa massimu ta' EUR 3 000 000 000, mingħajr obbligu fuq il-BEI li jipprovdi l-ammonti aktar 'il fuq mil-limitu inizjali.

4.   Fejn il-BEI tattiva il-garanzija tal-UE f'konformità mal-Ftehim dwar il-FEIS, l-Unjoni għandha tħallas minnufih fuq talba, f'konformità mat-termini ta' dak il-Ftehim.

5.   Fejn l-Unjoni tagħmel pagament lill-BEI fuq talba permezz tal-garanzija tal-UE, l-Unjoni għandha tiġi surrogata fid-drittijiet rilevanti tal-BEI relatati ma' kwalunkwe operazzjoni tiegħu ta' finanzjament jew investiment koperti minn dan ir-Regolament u l-BEI, f'isem l-Unjoni, għandu jsegwi l-irkupru tat-talbiet għall-ammonti mħallsa u jirrimborża lill-Unjoni mis-somom li jirkupra f'konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri msemmija fl-Artikolu 4(2)(c)(iv).

6.   Il-garanzija tal-UE għandha tingħata bħala garanzija fuq talba fir-rigward tal-istrumenti msemmija fl-Artikolu 10 u għandha tkopri:

(a)

fil-każ tal-istrumenti ta' dejn imsemmija fl-Artikolu 10(2)(a), il-kapital u l-imgħax kollu u l-ammonti dovuti lill-BEI iżda li dan ma jkunx irċieva f'konformità mat-termini tal-operazzjonijiet ta' finanzjament sal-mument tal-inadempjenza;

(b)

fil-każ tal-investimenti ta' ekwità msemmija fl-Artikolu 10(2)(a), l-ammonti investiti u l-ispiża ta' finanzjament assoċjata magħhom;

(c)

fil-każ tal-operazzjonijiet msemmija fl-Artikolu 10(2)(b), l-ammonti użati u l-ispejjeż ta' finanzjament assoċjati magħhom.

Il-garanzija tal-UE għandha tkopri wkoll l-ammonti msemmija fit-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 9(6).

Artikolu 12

Fond ta' garanzija tal-UE

1.   Għandu jiġi stabbilit fond ta' garanzija tal-UE ("fond ta' garanzija") li jikkostitwixxi marġini ta' likwidità li minnu l-BEI għandu jitħallas fil-każ ta' talba mill-garanzija tal-UE.

2.   Il-fond ta' garanzija għandu jiġi alimentat minn:

(a)

kontribuzzjonijiet mill-baġit ġenerali tal-Unjoni;

(b)

redditi fuq ir-riżorsi tal-fond ta' garanzija investiti;

(c)

ammonti rkuprati minn debituri inadempjenti f'konformità mal-proċedura ta' rkupru stabbilita fil-Ftehim dwar il-FEIS kif previst fl-Artikolu 4(2)(c)(iv),

(d)

dħul u kwalunkwe pagament ieħor li l-Unjoni tirċievi f'konformità mal-Ftehim dwar il-FEIS.

3.   Kontribuzzjonijiet lill-fond ta' garanzija previsti fil-punti (b), (c) u (d) tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat intern f'konformità mal-Artikolu 21(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).

4.   Ir-riżorsi tal-fond ta' garanzija previsti fil-paragrafu 2 għandhom jiġu ġestiti direttament mill-Kummissjoni u investiti f'konformità mal-prinċipju ta' amministrazzjoni finanzjarja soda, u għandhom isegwu regoli prudenzjali xierqa.

5.   Kontribuzzjonijiet għall-fond ta' garanzija msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jintużaw biex jintlaħaq livell adatt ('l-ammont immirat) li jirrifletti t-total tal-obbligi ta' garanzija tal-UE. L-ammont immirat għandu jiġi stabbilit għal 50 % tal-obbligi ta' garanzija totali tal-UE.

L-ammont immirat għandu jintlaħaq inizjalment permezz tal-ħlas gradwali ta' riżorsi msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 2. Jekk il-garanzija tal-UE ġiet attivata matul il-kostituzzjoni inizjali tal-fond ta' garanzija, il-kontribuzzjonijiet għall-fond ta' garanzija previsti fil-punti (b), (c) u (d) tal-paragrafu 2 għandhom jikkontribwixxu biex jintlaħaq l-ammont immirat sa ammont ugwali għall-attivar tal-garanzija tal-UE.

6.   B'segwitu għal valutazzjoni tal-adegwatezza tal-livell tal-fond ta' garanzija f'konformità mar-rapport previst fl-Artikolu 16(6), għandhom isiru l-pagamenti li ġejjin:

(a)

kwalunkwe bilanċ pożittiv għandu jitħallas fil-baġit ġenerali tal-Unjoni bħala dħul assenjat intern f'konformità mal-Artikolu 21(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 għal kwalunkwe linja baġitarja li tista' tkun intużat bħala sors ta' riallokazzjoni għall-fond ta' garanzija;

(b)

kwalunkwe alimentazzjoni tal-fond ta' garanzija għandha titħallas f’somom annwali fuq perjodu massimu ta' tliet snin li jibda fis-sena n+1.

7.   Mill-1 ta' Jannar 2019, jekk, bħala riżultat tal-attivar tal-garanzija tal-UE, il-livell tal-fond ta' garanzija jaqa' taħt il-50 % tal-ammont immirat, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar miżuri eċċezzjonali li jistgħu jkunu meħtieġa biex jalimentaw il-fond ta' garanzija.

8.   Wara l-attivar tal-garanzija tal-UE, il-kontribuzzjonijiet għall-garanzija previsti fil-punti (b) u (d) tal-paragrafu 2 'il fuq mill-ammont immirat, għandhom jintużaw fil-limiti tal-perjodu ta' investiment previst fl-Artikolu 9 biex il-garanzija tal-UE terġa' lura għall-ammont inizjali tagħha.

9.   Kontribuzzjonijiet għall-fond ta' garanzija msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 2 għandhom jintużaw biex jirrestawraw il-garanzija tal-UE għall-ammont inizjali tagħha.

10.   Fil-każ li l-garanzija tal-UE tiġi restawrata kompletament għall-ammont massimu inizjali ta' EUR 16 000 000 000, kwalunkwe ammont fil-fond ta' garanzija li jeċċedi l-ammont immirat għandu jitħallas lill-baġit ġenerali tal-Unjoni bħala dħul assenjat intern f'konformità mal-Artikolu 21(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 għal kwalunkwe linja baġitarja li tista' tkun intużat bħala sors ta' riallokazzjoni għall-fond ta' garanzija.

Artikolu 13

Finanzjament tal-fond ta' garanzija mill-baġit ġenerali tal-Unjoni

Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 u r-Regolament (UE) Nru 1316/2013 huma emendati kif stipulat fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

Jekk meħtieġ, approprjazzjonijiet ta' pagament jistgħu jiddaħħlu fil-baġit ġenerali tal-Unjoni lil hinn mill-2020 u jkopru sas-sena finanzjarja 2023 biex ikunu ssodisfati l-obbligi li joħorġu mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(5).

L-approprjazzjonijiet annwali mill-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-provvediment tal-fond ta' garanzija għandhom ikunu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-qafas tal-proċedura baġitarja annwali f'konformità sħiħa mar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (14).

KAPITOLU IV

ĊENTRU EWROPEW TA' KONSULENZA GĦALL-INVESTIMENT

Artikolu 14

Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti

1.   Iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti (EIAH) għandu jkollu bħala l-objettiv tiegħu li jibni fuq is-servizzi ta' konsulenza eżistenti tal-BEI u tal-Kummissjoni sabiex jipprovdi appoġġ ta' konsulenza għall-identifikazzjoni, it-tħejjija u l-iżvilupp ta' proġetti ta' investiment u biex jaġixxi bħala ċentru uniku ta' konsulenza teknika għall-finanzjament ta' proġetti fl-Unjoni. Tali appoġġ għandu jinkludi l-għoti ta' appoġġ immirat dwar l-użu tal-assistenza teknika għall-istrutturar tal-proġetti, dwar l-użu ta' strumenti finanzjarji innovattivi u dwar l-użu ta' sħubiji pubbliċi-privati u konsulenza, kif xieraq, dwar kwistjonijiet relatati mal-liġi tal-Unjoni billi jitqiesu l-ispeċifiċitajiet u l-ħtiġijiet tal-Istati Membri bi swieq finanzjarji inqas żviluppati.

L-EIAH għandu jkun jista' jipprovdi assistenza teknika fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 9(2), b'mod partikolari l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, it-TEN-T u l-mobbiltà urbana.

2.   L-EIAH għandu jipprovdi servizzi oħra flimkien ma' dawk diġà disponibbli fl-ambitu ta' programmi oħra tal-Unjoni, inkluż:

(a)

il-forniment ta' punt uniku ta' servizz għal assistenza teknika għall-awtoritajiet u għal dawk li jippromovu l-proġetti;

(b)

l-assistenza lill-promoturi tal-proġetti, fejn xieraq, fl-iżvilupp tal-proġetti tagħhom b'mod li dawn ikunu jistgħu jissodisfaw il-kriterji ta' eliġibbiltà stipulati fl-Artikolu 6;

(c)

l-istimulazzjoni tal-għarfien lokali biex jiġi faċilitat is-sostenn tal-FEIS fl-Unjoni kollha;

(d)

il-provvediment ta' pjattaforma għal skambju bejn il-pari u kondiviżjoni ta' għarfien espert rigward l-iżvilupp tal-proġetti;

(e)

l-għoti ta' konsulenza dwar l-istabbiliment ta' pjattaformi ta' investiment.

3.   Is-servizzi tal-EIAH għandhom ikunu disponibbli għall-promoturi pubbliċi u privati ta' proġetti, inklużi banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali u pjattaformi jew fondi ta' investiment u entitajiet pubbliċi lokali.

4.   It-tariffi imposti mill-BEI għas-servizzi tal-EIAH skont il-paragrafu 2 għandhom jintużaw biex ikopru l-ispejjeż tal-operazzjonijiet tal-EIAH u biex jingħataw dawk is-servizzi. It-tariffi imposti fuq l-SMEs għandhom ikunu limitati għal massimu ta' terz tal-ispiża tal-assistenza teknika mogħtija lilhom. Is-servizzi tal-EIAH mogħtija lill-promoturi tal-proġetti pubbliċi flimkien ma' dawk diġà disponibbli fl-ambitu tal-programmi tal-Unjoni għandhom ikunu bla ħlas.

5.   Sabiex jintlaħaq l-objettiv imsemmi fil-paragrafu 1, l-EIAH għandu jfittex li juża l-għarfien espert tal-BEI, tal-Kummissjoni, tal-banek jew tal-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali u tal-awtoritajiet amministrattivi tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej.

6.   Sabiex tiġi żgurata kopertura wiesgħa tas-servizzi mogħtija mill-EIAH madwar l-Unjoni kollha, l-EIAH għandu jikkoopera kemm jista' jkun ma' fornituri ta' servizzi simili fil-livell tal-Unjoni, reġjonali, nazzjonali jew subnazzjonali. Il-kooperazzjoni bejn, min-naħa l-waħda, l-EIAH u, min-naħa l-oħra, bank jew istituzzjoni nazzjonali promozzjonali jew istituzzjoni jew awtorità maniġerjali, inklużi dawk li jaġixxu bħala konsulent nazzjonali, li għandhom għarfien espert rilevanti għall-finijiet tal-EIAH, tista' tieħu l-forma ta' sħubija kuntrattwali.

7.   L-Unjoni għandha tikkontribwixxi sa massimu ta' EUR 20 000 000 kull sena għall-kopertura tal-ispejjeż tal-operazzjonijiet tal-EIAH sal-31 ta' Diċembru 2020 għas-servizzi pprovduti mill-EIAH skont il-paragrafu 2 li huma addizzjonali għal dawk diġà disponibbli fl-ambitu ta' programmi oħra tal-Unjoni, sakemm dawk l-ispejjeż ma jkunux koperti mill-ammont li jifdal mit-tariffi msemmija fil-paragrafu 4.

8.   Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehim mal-BEI għall-implimentazzjoni ta' EIAH fi ħdan il-BEI (Ftehim dwar l-EIAH).

Il-Ftehim dwar l-EIAH għandu jkun fih, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet dwar il-finanzjament meħtieġ tal-EIAH f'konformità mal-paragrafu 7.

9.   Sal-1 ta' Settembru 2016, u kull sena wara dan, il-BEI għandu jippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar is-servizzi pprovduti mill-EIAH skont il-paragrafu 2 u l-eżekuzzjoni tal-baġit tiegħu. Dak ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar it-tariffi miġbura u l-użu tagħhom.

KAPITOLU V

PORTAL EWROPEW TA' PROĠETTI TA' INVESTIMENT

Artikolu 15

Portal Ewropew ta' proġetti ta' investiment

1.   Il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-BEI, għandha toħloq Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment (PEPI) trasparenti li jiġbor flimkien il-proġetti ta' investiment attwali u potenzjali futuri fl-Unjoni. Dan għandu jikkostitwixxi bażi ta' data aċċessibbli pubblikament u faċli biex tintuża, li tipprovdi informazzjoni rilevanti dwar kull proġett.

2.   Il-PEPI għandu jkun primarjament għall-iskop ta' viżibbiltà għall-investituri u għal finijiet ta' informazzjoni. L-inklużjoni ta' proġetti fil-PEPI għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet dwar il-proġetti finali magħżula għas-sostenn taħt dan ir-Regolament, taħt kwalunkwe strument ieħor tal-Unjoni, jew għall-finanzjament pubbliku.

3.   L-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu għall-istabbiliment u l-ġestjoni tal-PEPI.

4.   Tista' tiġi imposta tariffa mhux rimborżabbli fuq il-promoturi tal-proġetti għall-ipproċessar ta' applikazzjonijiet għall-proġetti sabiex dawn jiddaħħlu fil-PEPI. Id-dħul miġbur mit-tariffi għandu jikkostitwixxi dħul assenjat estern għall-PEPI f'konformità mal-Artikolu 21(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

KAPITOLU VI

RAPPURTAR, OBBLIGU TA' RENDIKONT U EVALWAZZJONI

Artikolu 16

Rapportar u kontabbiltà

1.   Il-BEI, f'kooperazzjoni mal-FEI, fejn xieraq, għandu jippreżenta rapport kull sitt xhur lill-Kummissjoni dwar l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment tal-BEI koperti minn dan ir-Regolament. Ir-rapport għandu jinkludi valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti dwar l-użu tal-garanzija tal-UE u mal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(2)(f)(iv). Ir-rapport għandu jinkludi wkoll data ta' statistika, finanzjarja u ta' kontabbiltà dwar kull operazzjoni ta' finanzjament u ta' investiment tal-BEI u fuq bażi aggregata.

2.   Il-BEI, f'kooperazzjoni mal-FEI fejn xieraq, għandu jippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment tal-BEI koperti minn dan ir-Regolament. Ir-rapport għandu jsir pubbliku u għandu jinkludi:

(a)

valutazzjoni tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment tal-BEI fil-livell operattiv, settorjali u reġjonali u l-konformità tagħhom ma' dan ir-Regolament, b'mod partikolari mal-kriterju tal-għoti ta’ addizzjonalità, flimkien ma' valutazzjoni tal-allokazzjoni tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment tal-BEI bejn l-objettivi ġenerali stipulati fl-Artikolu 9(2);

(b)

valutazzjoni tal-valur miżjud, il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi tas-settur privat, il-prestazzjonijiet stmati u reali u r-riżultati u l-impatt tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment tal-BEI fuq bażi aggregata, inkluż l-impatt fuq il-ħolqien tal-impjiegi;

(c)

valutazzjoni ta' kemm l-operazzjonijiet koperti minn dan ir-Regolament jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi ġenerali stipulati fl-Artikolu 9(2) inkluża valutazzjoni tal-livell ta' investimenti tal-FEIS fl-oqsma tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni u t-trasport (inklużi t-TEN-T u l-mobbiltà urbana), it-telekomunikazzjoni, l-infrastruttura tal-enerġija u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija;

(d)

valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti dwar l-użu tal-garanzija tal-UE u mal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(2)(f)(iv);

(e)

valutazzjoni tal-effetti ta' lieva miksuba minn proġetti sostnuti mill-FEIS;

(f)

deskrizzjoni tal-proġetti fejn is-sostenn tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej huwa kkombinat mas-sostenn tal-FEIS, u l-ammont totali tal-kontribuzzjonijiet minn kull sors;

(g)

l-ammont finanzjarju ttrasferit lill-benefiċjarji u valutazzjoni tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment tal-BEI fuq bażi aggregata;

(h)

valutazzjoni tal-valur miżjud tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment, u tar-riskju aggregat assoċjat ma' dawk l-operazzjonijiet;

(i)

informazzjoni dettaljata dwar l-attivar tal-garanzija tal-UE, telf, qligħ, ammonti rkuprati u kwalunkwe ħlasijiet oħra li jkunu ddaħħlu;

(j)

ir-rapporti finanzjarji dwar l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment tal-BEI koperti minn dan ir-Regolament awditjati minn awditur estern indipendenti.

3.   Għall-finijiet tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni, tar-rappurtar tagħha dwar ir-riskji koperti mill-garanzija tal-UE u l-ġestjoni tagħha tal-fond ta' garanzija, il-BEI, f'kooperazzjoni mal-FEI fejn xieraq, kull sena għandu jipprovdi lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri:

(a)

bil-valutazzjoni tar-riskju tal-BEI u tal-FEI u informazzjoni dwar il-gradazzjoni rigward l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment tal-BEI koperti minn dan ir-Regolament;

(b)

bl-obbligu finanzjarju pendenti għall-Unjoni li jirriżulta mill-garanzija tal-UE pprovduta għall-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment tal-BEI koperti minn dan ir-Regolament, disaggregati skont operazzjonijiet individwali;

(c)

bil-profitt jew it-telf totali li jirriżulta mill-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment tal-BEI fl-ambitu tal-portafolji msemmi fl-Artikolu 4(2)(c)(i).

4.   Il-BEI, f'kooperazzjoni mal-FEI fejn xieraq, għandu jipprovdi lill-Kummissjoni, fuq talba, kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex il-Kummissjoni twettaq l-obbligi tagħha rigward dan ir-Regolament.

5.   Il-BEI, u fejn xieraq, il-FEI għandhom jipprovdu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 sa 4 bi spejjeż tagħhom.

6.   Sat-31 ta' Marzu ta' kull sena, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri, fil-kuntest tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-Kummissjoni, l-informazzjoni mitluba dwar is-sitwazzjoni tal-fond ta' garanzija. Barra minn hekk, sal-31 ta' Mejju ta' kull sena, hija għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri rapport annwali dwar il-ġestjoni tal-fond ta' garanzija matul is-sena kalendarja preċedenti, inkluża valutazzjoni tal-adegwatezza tal-ammont immirat u l-livell tal-fond ta' garanzija u tal-ħtieġa li jiġi rikapitalizzat. Ir-rapport annwali għandu jkun fih preżentazzjoni tal-pożizzjoni finanzjarja tal-fond ta' garanzija fi tmiem is-sena kalendarja preċedenti, il-flussi finanzjarji matul is-sena kalendarja preċedenti kif ukoll it-tranżazzjonijiet sinifikanti u kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar il-kontijiet finanzjarji. Ir-rapport għandu jinkludi wkoll informazzjoni dwar il-ġestjoni finanzjarja, il-prestazzjoni u r-riskju tal-fond ta' garanzija fi tmiem is-sena kalendarja preċedenti.

Artikolu 17

Obbligu li jingħata rendikont

1.   Fuq talba tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, il-President tal-Bord ta' Tmexxija u d-Direttur Amministrattiv għandhom jirrapportaw dwar il-prestazzjoni tal-FEIS lill-istituzzjoni li tagħmel it-talba, inkluż billi jipparteċipaw f'seduta ta' smigħ quddiem il-Parlament Ewropew.

2.   Il-President tal-Bord ta' Tmexxija u d-Direttur Amministrattiv għandhom iwieġbu bil-fomm jew bil-miktub għall-mistoqsijiet indirizzati lill-FEIS mill-Parlament Ewropew, fi kwalunkwe każ fi żmien ħames ġimgħat minn meta tasal il-mistoqsija.

3.   Fuq talba tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

4.   Fuq talba tal-Parlament Ewropew, il-President tal-BEI għandu jipparteċipa f'seduta ta' smigħ tal-Parlament Ewropew li tkun tikkonċerna l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment tal-BEI koperti minn dan ir-Regolament. Il-President tal-BEI għandu, fi żmien ħames ġimgħat mid-data li fiha ġiet riċevuta t-talba, iwieġeb bil-fomm jew bil-miktub il-mistoqsijiet indirizzati lill-BEI mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill dwar l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment tal-BEI koperti minn dan ir-Regolament.

5.   Għandu jiġi konkluż ftehim bejn il-Parlament Ewropew u l-BEI dwar l-arranġamenti dettaljati għall-iskambju ta' informazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-BEI skont dan ir-Regolament, inkluż dwar il-proċedura ta' selezzjoni tad-Direttur Amministrattiv u l-Viċi Direttur Amministrattiv.

Artikolu 18

Evalwazzjoni u Rieżami

1.   Sal-5 ta’ Jannar 2017, il-BEI għandu jevalwa l-funzjonament tal-FEIS. Il-BEI għandu jippreżenta l-evalwazzjoni tiegħu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni;

2.   Sal-5 ta’ Jannar 2017, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-fond ta' garanzija tal-UE u l-funzjonament tal-fond ta' garanzija. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-evalwazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill; Dik l-evalwazzjoni għandha tkun akkumpanjata minn opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri.

3.   Sat-30 ta' Ġunju 2018 u kull tliet snin wara:

(a)

il-BEI għandu jippubblika rapport komprensiv dwar il-funzjonament tal-FEIS. li għandu jinkludi evalwazzjoni tal-impatt tal-FEIS fuq l-investimenti fl-Unjoni, il-ħolqien tal-impjiegi u l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs u għall-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja;

(b)

il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport komprensiv dwar l-użu tal-garanzija tal-UE u l-funzjonament tal-fond ta' garanzija.

4.   Il-BEI, f'kooperazzjoni mal-FEI kif xieraq, għandu jikkontribwixxi u jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa għall-evalwazzjoni u r-rapport tal-Kummissjoni skont il-paragrafi 2 u 3 rispettivament.

5.   Il-BEI u l-FEI għandhom, fuq bażi regolari, jipprovdu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni r-rapporti indipendenti ta' evalwazzjoni kollha tagħhom li jivvalutaw l-impatt u r-riżultati prattiċi miksuba mill-attivitajiet tal-BEI u tal-FEI skont dan ir-Regolament.

6.   Sal-5 ta’ Lulju 2018, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li jkun fih evalwazzjoni indipendenti tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

7.   Fl-eventwalità li r-rapport msemmi fil-paragrafu 6 jikkonkludi li l-FEIS:

(a)

ikun qiegħed jilħaq l-objettivi tiegħu u li jkun hemm il-ħtieġa li tinżamm skema għas-sostenn tal-investiment, il-Kummissjoni għandha – fejn xieraq – tressaq proposta leġislattiva biex dan ir-Regolament jiġi emendat bil-ħsieb li jiġi stabbilit perjodu ta' investiment ġdid, u b'hekk tiġi żgurata l-kontinwazzjoni tal-investiment u finanzjament xieraq;

(b)

ma jkunx qiegħed jilħaq l-objettivi tiegħu u li jkun hemm il-ħtieġa li tinżamm skema għas-sostenn tal-investiment, il-Kummissjoni għandha – fejn xieraq – tressaq proposta leġislattiva biex dan ir-Regolament jiġi emendat bil-ħsieb li jiġu indirizzati l-lakuni identifikati, u b'hekk jiġi stabbilit perjodu ta' investiment ġdid, filwaqt li tiġi żgurata l-kontinwazzjoni tal-investiment u finanzjament xieraq;

(c)

ma jkunx qiegħed jilħaq l-objettivi tiegħu u li jkun hemm il-ħtieġa li tinżamm skema għas-sostenn tal-investiment, il-Kummissjoni għandha – fejn xieraq – tressaq proposta leġislattiva biex tiġi żgurata t-terminazzjoni bla intoppi tal-FEIS, filwaqt li tipi ppreservata l-garanzija tal-UE għall-operazzjonijiet diġà approvati skont dan ir-Regolament.

8.   Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 6, għandu jiġi preżentat lill-Kummissjoni mingħajr dewmien fejn il-proġetti approvati jassorbu totalment l-ammont ta' garanzija tal-UE disponibbli qabel il-5 ta’ Lulju 2018.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 19

Trasparenza u divulgazzjoni ta' informazzjoni lill-pubbliku

F'konformità mal-politiki tiegħu dwar it-trasparenza u l-prinċipji ġenerali tal-Unjoni dwar l-aċċess ta' dokumenti u informazzjoni, il-BEI għandu jippubblika fuq is-sit elettroniku tiegħu informazzjoni relatata mal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment kollha tal-BEI koperti minn dan ir-Regolament, inkluż dwar ir-rwol tal-intermedjarji finanzjarji, u relatata mal-mod li bih dawk l-operazzjonijiet jikkontribwixxu għall-objettivi ġenerali msemmija fl-Artikolu 9(2).

Artikolu 20

Awditjar mill-Qorti tal-Awdituri

1.   L-awditjar estern tal-attivitajiet imwettqa skont dan ir-Regolament għandu jsir mill-Qorti tal-Awdituri f'konformità mal-Artikolu 287 tat-TFUE.

2.   Għall-fini tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-Qorti tal-Awdituri għandha, fuq talba tagħha u f'konformità mal-Artikolu 287(3) tat-TFUE, tingħata aċċess għal kwalunkwe dokument jew informazzjoni li tkun teħtieġ biex twettaq il-kompitu tagħha.

Artikolu 21

Miżuri kontra l-frodi

1.   Il-BEI għandu jinnotifika lill-OLAF minnufih u jagħtih l-informazzjoni meħtieġa meta, fi kwalunkwe stadju tat-tħejjija, l-implimentazzjoni jew l-għeluq tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment koperti minn dan ir-Regolament, ikollu raġunijiet li jġiegħluh jissuspetta li jkun hemm frodi, korruzzjoni, ħasil ta' flus jew kwalunkwe attività illegali oħra li tista' taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

2.   L-OLAF jista' jwettaq investigazzjonijiet, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, f'konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15), ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (16) u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (17) sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, bil-ħsieb li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni, ħasil ta' flus jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'rabta ma' kwalunkwe operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment koperti minn dan ir-Regolament. L-OLAF jista' jittrasmetti kwalunkwe informazzjoni miksuba matul l-investigazzjonijiet tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati.

Fejn tali attivitajiet illegali jiġu ppruvati, il-BEI għandu jagħmel sforzi ta' rkupru fir-rigward tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment koperti minn dan ir-Regolament, li huma konċernati minn tali attivitajiet.

3.   Il-ftehimiet ta' finanzjament iffirmati rigward l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment koperti minn dan ir-Regolament għandhom jinkludu klawsoli li jippermettu l-esklużjoni mill-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment tal-BEI u, jekk hemm bżonn, miżuri ta' rkupru xierqa f'każijiet ta' frodi, korruzzjoni jew attività illegali oħra f'konformità mal-Ftehim dwar il-FEIS, il-politiki tal-BEI u rekwiżiti regolatorji applikabbli. Id-deċiżjoni dwar jekk tiġix applikata esklużjoni mill-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment tal-BEI koperti minn dan ir-Regolament għandha tittieħed f'konformità mal-ftehim ta' finanzjament jew ta' investiment rilevanti.

Artikolu 22

Attivitajiet esklużi u ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx

1.   Fl-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment tagħhom koperti minn dan ir-Regolament, il-BEI, il-FEI u l-intermedjarji finanzjarji kollha ma għandhom jittolleraw l-ebda attività li titwettaq għal finijiet illegali, inklużi l-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, il-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa, il-korruzzjoni, u l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. B'mod partikolari, il-BEI ma għandu jipparteċipa fl-ebda operazzjoni ta' finanzjament jew ta' investiment permezz ta' veikolu li jkun jinsab f'ġurisdizzjoni li ma tikkooperax, f'konformità mal-politiki tiegħu lejn ġurisdizzjonijiet regolamentati b'mod dgħajjef jew dawk li ma jikkooperawx abbażi ta' politiki tal-Unjoni, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi jew it-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja.

2.   Fl-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment tiegħu koperti minn dan ir-Regolament, il-BEI għandu japplika l-prinċipji u l-istandards stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-fini tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, u b'mod partikolari fir-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) u d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19). B'mod partikolari, il-BEI għandu jorbot kemm il-finanzjament dirett kif ukoll il-finanzjament permezz ta' intermedjarji skont dan ir-Regolament mad-divulgazzjoni ta' informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi f'konformità mad-Direttiva (UE) 2015/849.

Artikolu 23

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 7(13) u (14) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' tliet snin mill-4 ta’ Lulju 2015. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta' tliet snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.

Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 7(13) u (14) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

3.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

4.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 7(13) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta' xahar min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahar fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

5.   L-att delegat li jistabbilixxi għall-ewwel darba t-tabella ta' valutazzjoni u li jiġi adottat skont l-Artikolu 7(14) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta' tliet ġimgħat min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet ġimgħat fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Fir-rigward ta’ kwlaunkwe att delegat ieħor adottat skont l-Artikolu 7(14), il-paragrafu 4 ta’dan l-Artikolu għandu japplika mutatis mutandis.

KAPITOLU VIII

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI

Artikolu 24

Dispożizzjoni tranżitorja

1.   Il-BEI u l-FEI jistgħu jippreżentaw lill-Kummissjoni operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment approvati minnhom matul il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2015 sa meta jiġi konkluż il-Ftehim dwar il-FEIS u jsiru l-ewwel ħatriet tal-membri kollha tal-Kumitat tal-Investiment u tad-Direttur Amministrattiv wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

2.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u, fejn dawn ikunu konformi mal-kriterji ta' eliġibbiltà stipulati fl-Artikolu 6 u mal-objettivi ġenerali stipulati fl-Artikolu 9(2) u fl-Anness II, tiddeċiedi li l-kopertura tal-garanzija tal-UE testendi għalihom.

Artikolu 25

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Ġunju 2015.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

J. REIRS


(1)  Opinjoni tad-19 ta' Marzu 2015 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU C 195, 12.6.2015, p. 41.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ġunju 2015 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015.

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).

(6)  Regolament (UE) Nru 1287/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju (COSME) (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 33).

(7)  Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).

(8)  Regolament (UE) Nru 1315/2013tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1).

(9)  Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129).

(10)  Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar il-Fondi ta' Investiment fuq Terminu Twil (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 98).

(11)  Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(12)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u medji (traduzzjoni mhux uffiċjali) (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(13)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(14)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(15)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(16)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(17)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).

(18)  Ir-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 1).

(19)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).


ANNESS I

EMENDI GĦAR-REGOLAMENT (UE) NRU 1291/2013 U R-REGOLAMENT (UE) NRU 1316/2013

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fl-Artikolu 6, il-paragrafi 1, 2 u 3 huma sostitwiti b'dan li ġej:

'1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' Orizzont 2020 hu stabbilit għal EUR 74 828,3 miljun fi prezzijiet attwali, li minnhom massimu ta' EUR 72 445,3 miljun għandhom jiġu allokati għal attivitajiet taħt it-Titolu XIX tat-TFUE.

L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali.

2.   L-ammont għall-attivitajiet taħt it-Titolu XIX tat-TFUE għandu jitqassam fost il-prijoritajiet stabbiliti fl-Artikolu 5(2) ta' dan ir-Regolament kif ġej:

(a)

Xjenza eċċellenti, EUR 24 232,1 miljun fi prezzijiet attwali;

(b)

Tmexxija industrijali, EUR 16 466,5 miljun fi prezzijiet attwali;

(c)

Sfidi tas-soċjetà, EUR 28 629,6 miljun fi prezzijiet attwali.

L-ammont globali massimu għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni mill-Orizzont 2020 għall-objettivi speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 5(3) u għall-azzjonijiet diretti mhux nukleari tal-JRC għandu jkun kif ġej:

(i)

It-tixrid tal-eċċellenza u ż-żieda fil-parteċipazzjoni, EUR 816,5 miljun fi prezzijiet attwali;

(ii)

Xjenza ma' u għas-soċjetà, EUR 444,9 miljun fi prezzijiet attwali;

(iii)

Azzjonijiet diretti mhux nukleari tal-JRC, EUR 1 855,7 miljun fi prezzijiet attwali.

It-tqassim indikattiv għall-prijoritajiet u l-objettivi speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 5(2) u (3) hu stabbilit fl-Anness II.

3.   L-EIT għandu jiġi ffinanzjat permezz ta’ kontribuzzjoni massima mill-Orizzont 2020 ta' EUR 2 383 miljun fil-prezzijiet attwali kif stabbilit fl-Anness II.".

(b)

L-Anness II huwa sostitwit bit-test li ġej:

'ANNESS II

Tqassim tal-baġit

It-tqassim indikattiv għal Orizzont 2020 huwa kif ġej, soġġett għall-proċedura baġitarja annwali:

 

EUR miljun fi prezzijiet attwali

I

Xjenza eċċellenti, li minnha:

24 232,1

1.

Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERC)

13 094,8

2.

Teknoloġiji Futuri u Emerġenti (FET)

2 585,4

3.

Azzjonijiet Marie Curie

6 162,3

4.

Infrastrutturi tar-riċerka

2 389,6

II

Tmexxija industrijali, li minnha:

16 466,5

1.

Tmexxija fit-teknoloġiji abilitanti u industrijali (*), (****)

13 035

2.

Aċċess għall-finanzjament ta' riskju (**)

2 842,3

3.

Innovazzjoni fl-SMEs (***)

589,2

III

Sfidi tas-soċjetà, li minnhom (****)

28 629,6

1.

Saħħa, tibdil demografiku u benesseri

7 256,7

2.

Sigurtà alimentari, agrikoltura u forestrija sostenibbli, riċerka tal-baħar, marittima u tal-ilmijiet interni, u bijoekonomija

3 707,7

3.

Enerġija sigura, nadifa u effiċjenti

5 688,1

4.

Trasport intelliġenti, ekoloġiku u integrat

6 149,4

5.

Azzjoni klimatika, ambjent, effiċjenza fir-riżorsi u materja prima

2 956,5

6.

L-Ewropa f'dinja li qed tinbidel – Soċjetajiet inklużivi, innovattivi u riflessivi

1 258,5

7.

Soċjetajiet siguri – Il-protezzjoni tal-libertà u s-sigurtà tal-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha

1 612,7

IV

It-tixrid tal-eċċellenza u t-twessigħ tal-parteċipazzjoni

816,5

V

Xjenza ma' u għas-soċjetà;

444,9

VI

Azzjonijiet diretti mhux nukleari taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JCR)

1 855,7

VII

L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT)

2 383

TOTAL

74 828,3

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

'1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tas-CEF għall-perjodu 2014 sa 2020 hu stabbilit għal EUR 30 442 259 000 fi prezzijiet attwali. Dak l-ammont għandu jitqassam kif ġej:

(a)

is-settur tat-trasport: EUR 24 050 582 000, li minnhom EUR 11 305 500 000 għandhom jiġu trasferiti mill-Fond ta' Koeżjoni sabiex jintefqu f'konformità ma' dan ir-Regolament esklużivament fl-Istati Membri eliġibbli għall-finanzjament mill-Fond ta' Koeżjoni;

(b)

is-settur tat-telekomunikazzjoni: EUR 1 041 602 000;

(c)

is-settur tal-enerġija: EUR 5 350 075 000.

Dawn l-ammonti huma mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' flessibbiltà previst fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (*****).

(*****)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-20 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).'."

(b)

Fl-Artikolu 14, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

'2.   Il-kontribuzzjoni globali mill-baġit tal-Unjoni għall-istrumenti finanzjarji ma għandhiex taqbeż it-8,4 % tal-pakkett finanzjarju globali tas-CEF kif imsemmi fl-Artikolu 5(1).'

(c)

Fl-Artikolu 21, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

'4.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 26 biex tgħolli l-limitu massimu stipulat fl-Artikolu 14(2) sa 10 %, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

l-evalwazzjoni tal-fażi pilota tal-Inizjattiva tal-Bonds tal-Proġetti mwettqa fl-2015 tkun pożittiva; u

(ii)

l-assorbiment ta' strumenti finanzjarji jaqbeż is-6,5 % f'termini ta' impenji kuntrattwali tal-proġetti.'.


(*)  Inklużi EUR 7 423 miljun għat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT), li minnhom EUR 1 549 miljun għall-fotonika u l-mikro u n-nanotelettronika, EUR 3 741 miljun għal nanoteknoloġiji, materjali avvanzati u manifattura u pproċessar avvanzati, EUR 501 miljun għall-bijoteknoloġija u EUR 1 403 miljun għall-ispazju. Għaldaqstant, EUR 5 792 miljun ser jkunu disponibbli għas-sostenn ta' Teknoloġiji Abilitanti Essenzjali.

(**)  Madwar EUR 994 miljun minn dan l-ammont jistgħu jmorru għall-implimentazzjoni tal-proġetti tal-Pjan tat-Teknoloġija Enerġetika Strateġika (Pjan SET). Madwar terz minnhom jistgħu jmorru għall-SMEs.

(***)  Fil-mira li jiġi allokat minimu ta' 20 % mill-baġits totali kombinati għall-objettiv speċifiku 'Tmexxija fit-teknoloġiji abilitanti u industrijali' u l-prijorità 'Sfidi tas-Soċjetà' għall-SMEs, minimu ta' 5 % ta' dawk il-baġits kombinati inizjalment ser jiġi allokat lill-istrument iddedikat tal-SMEs. Minimu ta' 7 % tal-baġits totali tal-objettiv speċifiku 'Tmexxija fit-teknoloġiji abilitanti u industrijali' u l-prijorità 'Sfidi tas-Soċjetà' ser jiġi allokat lill-istrument iddedikat tal-SMEs fuq medja tat-tul ta' żmien ta' Orizzont 2020.

(****)  L-azzjonijiet pilota tal-Azzjoni Rapida għall-Innovazzjoni (FTI) ser jiġu ffinanzjati mill-objettiv speċifiku 'Tmexxija fit-teknoloġiji abilitanti u industrijali' u mill-objettivi speċifiċi rilevanti tal-prijorità 'Sfidi tas-soċjetà'. Se jiġu varati għadd suffiċjenti ta' proġetti sabiex tkun tista' ssir evalwazzjoni totali tal-azzjonijiet pilota tal-FTI.'.


ANNESS II

LINJI GWIDA GĦALL-INVESTIMENT TAL-FEIS

1.   Kamp ta' applikazzjoni

L-iskop tal-linji gwida għall-investiment għandu jkun li, flimkien ma’ dan ir-Regolament, iservu bħala bażi għall-Kumitat tal-Investiment sabiex jiddeċiedi b'mod trasparenti u indipendenti dwar l-użu tal-garanzija tal-UE għall-operazzjonijiet tal-BEI li huma eliġibbli fl-ambitu tal-FEIS f'konformità mal-objettivi u kwalunkwe rekwiżit ieħor rilevanti stabbilit f'dan ir-Regolament.

Il-linji gwida għall-investiment huma bbażati fuq il-prinċipji stabbiliti minn dan ir-Regolament fir-rigward tal-objettivi ġenerali, il-kriterji ta' eliġibbiltà, l-istrumenti eliġibbli u d-definizzjoni ta' addizzjonalità. Huma jikkomplementaw dan ir-Regolament billi (i) jagħtu gwida ulterjuri dwar l-eliġibbiltà, (ii) jipprovdu qafas tar-riskji għall-operazzjonijiet, (iii) jiddefinixxu l-limiti tad-diversifikazzjoni settorjali u ġeografika, u (iv) jiddefinixxu l-kriterji għall-valutazzjoni tal-kontribut għall-objettivi tal-FEIS biex tiġi ffaċilitata l-prijoritizzazzjoni.

Il-linji gwida għall-investiment japplikaw biss għall-operazzjonijiet tal-FEIS relatati mal-istrumenti tad-dejn u tal-ekwità msemmija fl-Artikolu 10(2)(a) ta' dan ir-Regolament u għaldaqstant mhumiex applikabbli għall-operazzjonijiet tal-FEIS relatati mal-istrumenti imsemmija fl-Artikolu 10(2)(b).

2.   Kontropartijiet eliġibbli, Tipi ta' Proġetti u Strumenti

(a)

Il-kontropartijiet eliġibbli biex jibbenefikaw mill-garanzija tal-UE għandhom jinkludu:

entitajiet ta' kull daqs, inklużi impriżi tal-utilitajiet, SPVs u l-kumpaniji li jwettqu l-proġett, SMEs jew kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja,

banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali jew istituzzjonijiet finanzjarji għall-intermedjazzjoni,

fondi ta' ekwità / dejn jew kwalunkwe għamla oħra ta' veikolu ta' investiment kollettiv,

pjattaformi ta' investiment,

entitajiet tas-settur pubbliku (dawk territorjali u dwak li mhumiex, iżda bl-esklużjoni ta’ operazzjonijiet ma' tali entitajiet li joħolqu b' riskju dirett għall-Istat Membru) u entitajiet tat-tip tas-settur pubbliku.

(b)

Il-garanzija tal-UE għandha tingħata biex jiġi sostnut, direttament jew indirettament, il-finanzjament ta' operazzjonijiet ġodda. Fil-qasam tal-infrastruttura, għandhom jiġu inkoraġġati l-investimenti f'żoni ġodda (ħolqien ta' assi). Jista' jingħata sostenn ukoll lil investimenti f'żoni abbandunati (estensjoni u modernizzazzjoni ta' assi eżistenti). Bħala regola, il-garanzija tal-UE ma għandhiex tingħata għas-sostenn ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament (bħalma huma s-sostituzzjoni ta' ftehimiet ta' self eżistenti jew forom oħra ta' sostenn finanzjarju għal proġetti li diġà mmaterjalizzaw parzjalment jew totalment), ħlief f'ċirkustanzi eċċezzjonali u ġġustifikati b'mod sodisfaċenti u fejn jingħata prova li tali tranżazzjoni tippermetti investiment ġdid ta' ammont li, tal-inqas, ikun ekwivalenti għall-ammont tat-tranżazzjoni u li jissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà u l-objettivi ġenerali tal-FEIS stipulati fl-Artikolu 6 u l-Artikolu 9(2) rispettivament.

(c)

Il-garanzija tal-UE għandha ssostni firxa wiesgħa ta' prodotti biex il-FEIS ikun jista' jadatta għall-ħtiġijiet tas-suq filwaqt li jinkoraġġixxi l-investiment privat fi proġetti, mingħajr ma jgerrex il-finanzjament fis-suq privat. F'dan il-kuntest, huwa mistenni li l-BEI ser jipprovdi finanzjament fl-ambitu tal-FEIS bil-ħsieb li tintlaħaq mira inizjali globali ta' mhux inqas minn EUR 315 000 000 000 f'investiment pubbliku jew privat, inkluż finanzjament mobilizzat permezz tal-FEI fl-ambitu tal-operazzjonijiet tal-FEIS relatati mal-istrumenti msemmija fl-Artikolu 10(2)(b) u tal-banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali. Il-prodotti eliġibbli għandhom jinkludu, inter alia  (1), self, garanziji / kontrogaranziji, finanzjament intermedju jew subordinat, strumenti tas-suq tal-kapital inkluż titjib tal-kreditu, u investimenti ta' ekwità jew kważi ekwità, inkluż permezz ta' banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali, pjattaformi jew fondi ta' investiment. F'dan il-kuntest, sabiex ikun jista' jkun hemm firxa wiesgħa ta' investituri li jinvestu fil-proġetti tal-FEIS, il-BEI għandu jkun jista' jistruttura portafolji adatti.

(d)

Banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali u pjattaformi ta' investiment jew fondi għandhom ikunu eliġibbli għall-kopertura mill-garanzija tal-BEI fil-ambitu tal-kontrogaranzija tal-garanzija tal-UE f'konformità mal-Artikolu 10(2)(c). Id-deċiżjoni li tingħata dik il-garanzija tal-BEI għandha tfittex li timmobilizza l-investimenti kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak reġjonali u tisfrutta, għall-benefiċċju tal-inizjattiva tal-FEIS, l-għarfien espert komplementari, il-vantaġġi komparattivi speċifiċi, u l-ambitu ta' dawk l-entitajiet.

3.   Addizzjonalità

Il-garanzija tal-UE għandha tingħata b'sostenn għall-operazzjonijiet li jissodisfaw il-kriterju ta' mal-kriterju tal-għoti ta’ addizzjonalità kif definit fl-Artikolu 5(1) ta' dan ir-Regolament.

Għandhom japplikaw ukoll il-prinċipji ġenerali li ġejjin:

(a)

sabiex tevita d-duplikazzjoni ma' strumenti finanzjarji eżistenti, il-garanzija tal-UE tista' tikkomplementa, tkun ikkombinata ma', issaħħaħ jew ittejjeb programmi eżistenti tal-Unjoni jew sorsi oħra ta' fondi tal-Unjoni jew strumenti konġunti.

(b)

matul il-perjodu ta' investiment tal-FEIS, l-investiment sostnut mill-FEIS ma għandux, fil-prinċipju, igerrex l-użu ta' strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni.

(c)

għandha tingħata attenzjoni għall-komplementarjetà ta' prodotti ġodda fl-ambitu tal-opportunità ta' infrastruttura u innovazzjoni li jiffukaw fuq l-SMEs u l-kumpaniji żgħar b'kapitalizzazzjoni medja mal-istrumenti finanzjarji eżistenti tal-UE u mal-istrumenti finanzjarji tal-FEIS fil-qafas tal-opportunità tal-SME sabiex jintlaħaq l-ogħla livell ta' użu effiċjenti tar-riżorsi finanzjarji. Madankollu, għandu jkun jista' jsir użu kumulattiv mill-istrumenti b'mod partikolari f'każijiet fejn is-sostenn li jingħata normalment ma jkunx biżżejjed biex l-investimenti jingħatalhom l-impetu inizjali.

4.   Valur miżjud: kontribut għall-objettivi tal-FEIS

Il-proġetti li jibbenefikaw mill-garanzija tal-UE għandhom jirrispettaw il-kriterji ta' eliġibbiltà u l-objettivi ġenerali stabbiliti fl-Artikoli 6 u l-Artikolu 9(2)rispettivament.

5.   Tabella ta' valutazzjoni

It-tabella ta' valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 7 għandha tintuża mill-Kumitat tal-Investiment bil-ħsieb li jiżgura valutazzjoni indipendenti u trasparenti dwar l-użu possibbli tal-garanzija tal-UE.

6.   Opportunitajiet ta' Investiment

(a)

L-istrumenti tad-dejn u tal-ekwità msemmija fl-Artikolu 10(2)(a) għandhom jingħataw fil-qafas ta' Opportunità ta' Infrastruttura u Innovazzjoni, li se tikkonsisti f'Subsezzjoni dwar titoli ta' dejn u Subsezzjoni dwar titoli tat-tip ta' ekwità. L-allokazzjoni tal-operazzjonijiet (2) għal waħda miż-żewġ subsezzjonijiet għandha tkun ibbażata fuq is-sistema tal-gradazzjoni tas-self tal-BEI u fuq il-valutazzjoni tar-riskju standard tal-BEI u soġġetta għall-gwida mogħtija mill-Bord ta' Tmexxija.

(b)

Opportunità ta' Infrastruttura u Innovazzjoni – Subsezzjoni dwar titoli ta' dejn

Għat-tip ta' operazzjonijiet ta' titoli tat-tip ta' dejn, il-BEI għandu jwettaq il-valutazzjoni tar-riskju standard tiegħu, bl-involviment tal-kalkolu tar-rata ta' probabbiltà ta' inadempjenza u rkupru. Abbażi ta' dawn il-parametri, il-BEI għandu jikkwantifika r-riskju għal kull operazzjoni. Tali kalkolu għandu jsir mingħajr ma titqies il-garanzija tal-UE, biex jirrifletti r-riskju globali tat-tranżazzjoni.

Kull operazzjoni ta' titoli tat-tip ta' dejn għandha tirċievi klassifikazzjoni tar-riskju (il-Gradazzjoni tas-Self tat-Tranżazzjoni) skont is-sistema ta' gradazzjoni tas-self tal-BEI. Informazzjoni dwar il-gradazzjoni tas-self għandha tiġi inkluża fid-dokumentazzjoni tal-proġett għall-Kumitat tal-Investiment. Tranżazzjonijiet li għandhom profil ta' riskju ogħla minn dak tal-proġetti sostnuti mill-operazzjonijiet normali tal-BEI huma msemmija attivitajiet speċjali kif definiti fl-Artikolu 16 tal-Istatut tal-BEI u fil-linji gwida tal-BEI dwar il-politika tar-riskju tal-kreditu. L-operazzjonijiet sostnuti mill-garanzija tal-UE tipikament għandu jkollhom profil ta' riskju ogħla minn dak tal-operazzjonijiet normali tal-BEI u għaldaqstant jaqgħu taħt l-attivitajiet speċjali. It-tranżazzjonijiet bi gradazzjoni tas-self aħjar jistgħu jiddaħħlu fil-portafoll tal-FEIS sakemm tingħata prova ċara tal-valur miżjud għoli tagħhom u sakemm l-inklużjoni tagħhom tkun konsistenti mal-kriterju tal-għoti tal-addizzjonalità.

Il-proġetti għandhom ikunu vijabbli ekonomikament u teknikament u l-finanzjament tal-BEI għandu jkun strutturat skont prinċipji bankarji sodi u għandu jkun konformi mal-prinċipji ta' ġestjoni tar-riskju ta' livell għoli stabbiliti mill-BEI fil-linji gwida interni tiegħu. L-informazzjoni rilevanti kollha għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-membri tal-Bord ta' Tmexxija u tal-Kumitat tal-Investiment.

Il-prezz tal-prodotti marbuta ma' titoli tat-tip ta' dejn għandu jiġi stabbilit skont il-metodoloġija tal-BEI għad-determinazzjoni tar-rati tal-imgħax fuq is-self.

(c)

Opportunità ta' Infrastruttura u Innovazzjoni – Subsezzjoni ta' titoli tat-tip ta' ekwità

Għal operazzjonijiet ta' titoli tat-tip ta' ekwità, il-garanzija tal-UE tista' tintuża biex issostni investimenti diretti f'kumpaniji jew proġetti individwali (Investimenti Diretti tat-Tip ta' Ekwità) jew finanzjament għal fondi jew riskji ta' portafolji analogi (Portafoll tat-Tip ta' Ekwità), sakemm il-BEI jinvesti fuq bażi pari passu għar-riskju tiegħu stess ukoll. Id-determinazzjoni dwar jekk operazzjoni ġġorrx magħha riskji tat-tip ta' ekwità jew le, irrispettivament mill-forma u n-nomenklatura ġuridika tagħha, għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni standard tal-BEI.

L-operazzjonijiet ta' titoli tat-tip ta' ekwità tal-BEI għandhom isiru f'konformità mar-regoli u l-proċeduri interni tal-BEI. L-informazzjoni kollha rilevanti għall-valutazzjoni tal-operazzjoni għandha tkun għad-dispożizzjoni tal-membri tal-Bord ta' Tmexxija u tal-Kumitat tal-Investiment.

L-investimenti ta' titoli tat-tip ta' ekwità għandhom jkunu pprezzati skont is-suq, u fin-nuqqas ta' dan, għandu jintuża l-ittestjar tas-suq jew il-benchmarking.

7.   Limiti ta' esponiment għal kull kategorija

(a)

Il-limiti ta' esponiment għall-kategoriji tal-attivitajiet speċjali jonqsu iktar ma jiżdied il-livell tar-riskju, kif espress fil-Gradazzjoni tas-Self tat-Tranżazzjoni. Għaldaqstant, il-limitu għar-riskju tad-dejn ġeneralment ikun ogħla milli għar-riskju tal-ekwità.

(b)

Fid-dawl tad-disponibbiltà tat-titjib tal-kreditu pprovdut mill-garanzija tal-UE, il-limiti ta' esponiment għall-FEIS għandhom jiġu stabbilit mill-BEI f’livell ogħla mil-limitu ekwivalenti fl-ambitu tar-riskju kummerċjali proprju tal-BEI. Il-membri tal-Bord ta' Tmexxija u l-Kumitat tal-Investiment għandhom jirċievu rendikont ġenerali dettaljat tal-limiti tar-riskju tal-FEIS. Il-Bord ta' Tmexxija għandu jissorvelja regolarment l-iżvilupp tal-profil tar-riskju tal-portafoll tal-FEIS u jadotta miżuri adatti jekk tinħass il-ħtieġa.

(c)

Tranżazzjonijiet għal ammonti ogħla mil-limiti speċifiċi tal-FEIS jistgħu jiddaħħlu fil-portafoll tal-FEIS fuq bażi eċċezzjonali, bi qbil tal-Bord ta' Tmexxija, sakemm tingħata prova ċara tal-addizzjonalità u l-valur miżjud u sakemm l-inklużjoni tagħhom ma tkunx mistennija tipperikola l-mira globali tal-livell tar-riskju tal-portafoll fi tmiem il-perjodu ta' investiment inizjali.

8.   Diversifikazzjoni settorjali u ġeografika

Il-FEIS jaħdem skont id-domanda iżda l-għan tiegħu hu li jsostni proġetti eliġibbli madwar l-Unjoni kif ukoll proġetti transkonfinali, koperti mill-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament, mingħajr ebda preallokazzjoni settorjali jew ġeografika. Madankollu għandu jsir l-aqwa sforz biex jiġi żgurat li fi tmiem il-perjodu ta' investiment inizjali tkun koperta firxa wiesgħa ta' setturi u reġjuni, u tiġi evitata konċentrazzjoni settorjali jew ġeografika eċċessiva.

(a)   Konċentrazzjoni Settorjali

Sabiex jiġu ġestiti d-diversifikazzjoni u l-konċentrazzjoni settorjali tal-portafoll tal-FEIS, il-Bord ta' Tmexxija għandu jistabbilixxi limiti ta' konċentrazzjoni indikattivi fir-rigward tal-volum ta' operazzjonijiet sostnuti mill-garanzija tal-UE fi tmiem il-perjodu ta' investiment inizjali. Il-limiti ta' konċentrazzjoni indikattivi għandhom ikunu ppubblikati.

Il-Bord ta' Tmexxija jista' jiddeċiedi li jimmodifika dawn il-limiti indikattivi, wara li jikkonsulta lill-Kumitat tal-Investiment. F'dak il-każ, il-Bord ta' Tmexxija għandu jispjega d-deċiżjoni tiegħu bil-miktub lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(b)   Konċentrazzjoni Ġeografika

L-operazzjonijiet sostnuti mill-FEIS ma għandhomx ikunu kkonċentrati f'xi territorju speċifiku fi tmiem il-perjodu ta' investiment inizjali. Għal dan il-għan il-Bord ta' Tmexxija għandu jadotta linji gwida indikattivi dwar id-diversifikazzjoni u l-konċentrazzjoni ġeografika. Il-Bord ta' Tmexxija jista' jiddeċiedi li jimmodifika dawn il-limiti indikattivi, wara li jikkonsulta lill-Kumitat tal-Investiment. Il-Bord ta' Tmexxija għandu, bil-miktub, jispjega lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill id-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-limiti indikattivi. Il-FEIS għandu jimmira li jkopri l-Istati Membri kollha.


(1)  Din hi indikazzjoni mhux esklużiva ta' prodotti li jistgħu jiġu offruti permezz tal-FEIS.

(2)  It-terminu "operazzjoni" japplika kemm għall-investiment dirett fi proġett (dejn jew ekwità) u kemm għal "operazzjoni" (proġetti, programmi jew faċilitajiet) ma' intermedjarju finanzjarju jew ta' xort'oħra iżda, sabiex jiġi evitat kull dubju, mhux għall-proġetti sottostanti sostnuti minn tali operazzjoni intermedjata.


 

1.   Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar it-tqassim għal Orizzont 2020

"Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu li l-linji baġitarji li ġejjin mhumiex ser jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-FEIS: "It-tisħiħ tar-riċerka fil-fruntieri fil-Kunsill Ewropew għar-Riċerka", "L-azzjonijiet Marie Sklodowska-Curie" u "It-tixrid tal-eċċellenza u t-twessigħ tal-parteċipazzjoni". L-ammont li jifdal li jirriżulta mill-użu addizzjonali tal-marġni kif imqabbel mal-proposta tal-Kummissjoni ser jerġa' jitqiegħed fil-linji baġitarji l-oħra ta' Orizzont 2020 fi proporzjon mat-tnaqqis propost mill-Kummissjoni. It-tqassim indikattiv huwa stabbilit fl-Anness I għar-Regolament dwar il-FEIS."

2.   Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-abbozz ta' baġit għall-2016

"Il-Kummissjoni ser tanalizza l-impatt potenzjali tal-kontribuzzjonijiet għall-FEIS mil-linji baġitarji differenti ta' Orizzont 2020 fuq l-implimentazzjoni effettiva tal-programmi rispettivi u, jekk xieraq, ser tipproponi ittra emendatorja għall-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-2016 biex taġġusta t-tqassim tal-linji baġitarji ta' Orizzont 2020."

3.   Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni tagħha ta' kontribuzzjonijiet ta' darba fil-kuntest tal-inizjattiva tal-FEIS sabiex ikun implimentat il-Patt ta' Stabbilità u Tkabbir

"Mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-Kunsill fl-implimentazzjoni tal-Patt ta' Stabbilità u Tkabbir (PST), kontribuzzjonijiet ta' darba mill-Istati Membri, jew minn Stat Membru jew minn banek promozzjonali nazzjonali kklassifikati fis-settur pubbliku ġenerali jew li jaġixxu f'isem Stat Membru, fil-FEIS jew fi pjattaformi ta' investiment, tematiċi jew multinazzjonali stabbiliti għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Investiment, bħala prinċipju għandhom jikkwalifikaw bħala miżuri ta' darba, fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 u tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97."