ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 174

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 57
7 ta' Ġunju 2014


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RIŻOLUZZJONIJIET

 

Il-Kumitat tar-Regjuni

 

Il-106 Sessjoni Plenarja tat-2 u t-3 ta’ April 2014

2014/C 174/01

Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Karta għall-Governanza f'Diversi Livelli fl-Ewropa

1

2014/C 174/02

Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – l-iżvilupp tas-sitwazzjoni fl-Ukraina

5

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kummissjoni Ewropea

 

Il-106 Sessjoni Plenarja tat-2 u t-3 ta’ April 2014

2014/C 174/03

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – L-istrateġija tat-tkabbir u l-isfidi ewlenin 2013–14

7

2014/C 174/04

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Enerġija affordabbli għal kulħadd

15

2014/C 174/05

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Linji Gwida ġodda għall-Għajnuna mill-Istat fil-Qasam tal-Enerġija

19

 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

 

Il-106 Sessjoni Plenarja tat-2 u t-3 ta’ April 2014

2014/C 174/06

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi

25

2014/C 174/07

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Qafas ta' Kwalità għall-Apprendistati

36

2014/C 174/08

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Proposta għal Direttiva dwar il-basktijiet tal-plastik ħfief

43

2014/C 174/09

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Emenda tad-Direttivi dwar esklużjonijiet għall-baħħara

50

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RIŻOLUZZJONIJIET

Il-Kumitat tar-Regjuni

Il-106 Sessjoni Plenarja tat-2 u t-3 ta’ April 2014

7.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 174/1


Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Karta għall-Governanza f'Diversi Livelli fl-Ewropa

2014/C 174/01

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' missjoni (1) rigward il-promozzjoni tal-governanza f'diversi livelli di ħdan l-Unjoni Ewropea u lil hinn minnha;

wara li kkunsidra l-White Paper tiegħu dwar il-governanza f'diversi livelli (2), li tipproponi li titħejja Karta dwar il-governanza f'diversi livelli sabiex fil-qafas tal-valuri tal-Unjoni Ewropea jiġi integrat fehim komuni u kondiviż tal-governanza Ewropea;

wara li kkunsidra r-rikonoxximent mill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-Unjoni Ewropea fid-Dikjarazzjoni ta' Berlin (3) dwar il-kontribut tal-governanza f'diversi livelli fil-proċess ta' integrazzjoni Ewropea;

billi l-governanza f'diversi livelli hija mnaqqxa bħala prinċipju strutturali fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni fl-okkażjoni tad-dispożizzjonijiet komuni ġodda relatati mal-fondi strutturali (4);

b'kunsiderazzjoni li l-Karta tista' tikkontribwixxi għall-konsolidazzjoni fiskali u għalhekk il-miżuri u l-attivitajiet li jinbtu minnha m'għandhom iwasslu għall-ebda burokrazija jew spejjeż ġodda;

ispirat mill-Karta Ewropea dwar l-awtonomija lokali u reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa (5) u b'kunsiderazzjoni tal-appoġġ tal-Kungress tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-proċess u b'mod partikolari fid-dawl tat-transpożizzjoni ta' din il-Karta fl-ordinament ġuridiku tal-Kunsill tal-Ewropa;

b'kunsiderazzjoni li din il-Karta, għad li mhijiex legalment vinkolanti, ser timpenja lill-firmatarji tagħha biex jispjegaw u jippromovu l-prinċipju tal-governanza f'diversi livelli;

fid-dawl tal-ħtieġa li jiġu mobilizzati l-livelli kollha ta' governanza biex tissaħħaħ ir-responsabbiltà demokratika fl-Ewropa u tiġi garantita l-effikaċja, il-koerenza u l-komplementarjetà tal-azzjonijiet tagħhom;

1.

japprova l-abbozz ta' Karta għall-governanza f'diversi livelli fl-Ewropa;

2.

jirrakkomanda lill-awtoritajiet kollha lokali u reġjonali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll lir-rappreżentanti tal-livelli l-oħra tal-governanza (nazzjonali, Ewropew u internazzjonali) biex jadottaw il-prinċipji ta' din il-Karta mit-tnedija tal-kampanja ta' iffirmar;

3.

jimpenja lill-Istati Membri u l-amministrazzjonijiet nazzjonali tagħhom biex jibbażaw u jimplimentaw il-prinċipji u l-mekkaniżmi rakkomandati sabiex titqies iktar il-leġittimità u r-responsabbiltà tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

4.

jitlob lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea biex, b'mod sistematiku, japplikaw il-prinċipji tal-Karta fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tal-istrateġiji u l-politiki Ewropej, u jtenni r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu l-passi neċessarji sabiex tiżgura proċeduri iktar parteċipattivi skont il-valuri u l-prinċipji ewlenin ta' din il-Karta l-ġdida (6);

5.

jistieden lill-assoċjazzjonijiet tal-awtoritajiet territorjali, flimkien man-netwerks tagħhom kif ukoll il-personalitajiet politiċi li jixtiequ jappoġġjaw dan il-proċess, biex juru l-appoġġ tagħhom b'mod uffiċjali;

6.

jappella lill-partijiet kollha kkonċernati sabiex jagħmlu minn kollox biex jiżguraw li l-implimentazzjoni tal-prinċipji u l-mekkaniżmi proposti ma jwasslux biex itaqqlu la l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u lanqas il-piż amministrattiv u finanzjarju tal-awtoritajiet lokali u reġjonali konċernati;

7.

jieħu l-impenn li jikkontribwixxi għall-inventarju tal-prattiki tajbin fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet fl-Ewropa, li jħeġġeġ in-netwerking tal-awtoritajiet lokali firmatarji, kif ukoll li jixpruna u jippromovi b'mod attiv proġetti konkreti ta' kooperazzjoni f'diversi livelli;

8.

jinkariga lill-president tiegħu biex jibgħat din ir-riżoluzzjoni lill-Istati Membri, lill-Presidenti tal-Kummisjoni Ewropea, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Ewropew, kif ukoll lill-President tal-Kungress tal-Awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa.

Brussell, 3 ta' April 2014

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  Il-White Paper tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Governanza f'Diversi Livelli (CdR 56/2009 fin) u l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-iżvilupp ta' Kultura Ewropea ta' Governanza f'diversi livelli” (CdR 273/2011 fin).

(2)  CdR 89/2009 fin.

(3)  Dikjarazzjoni fl-okkażjoni tal-ħamsin anniverarju tal-iffirmat tat-Trattati ta' Ruma, Berlin, il-25 ta' Marzu 2007.

(4)  L-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006.

(5)  http://conventions.coe.int/Treaty/fr/Treaties/Html/122.htm

(6)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Iżvilupp ta’ Kultura Ewropea ta’ Governanza f’Diversi Livelli, CdR 273/2012 fin.


ANNESS

Karta għall-Governanza f'diversi livelli fl-Ewropa

PREAMBOLU

Peress li ħafna kompetenzi u reponsabbiltajiet huma kondiviżi bejn id-diversi livelli ta' governanza fl-Unjoni Ewropea, aħna nirrikonoxxu l-bżonn LI NAĦDMU FLIMKIEN FI SĦUBIJA biex niksbu iktar koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Ewropa. L-ebda livell ma jista' jindirizza waħdu l-isfidi li qegħdin niffaċċjaw. Aħna nistgħu nsolvu l-problemi taċ-ċittadini fil-livell prattiku billi NIKKOOPERAW aħjar u mmexxu PROĠETTI KONĠUNTI biex nindirizzaw l-isfidi komuni quddiemna.

Aħna nappoġġjaw Ewropa ta' governanza f'diversi livelli “bħala prinċipju li jikkonsisti f’azzjoni kkoordinata tal-Unjoni, tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali bbażata fuq il-prinċipji tas-sussidjarjetà, tal-proporzjonalità u tas-sħubija li fil-prattika tissarraf f’kooperazzjoni funzjonali u istituzzjonali bil-għan li jitfasslu u jitwettqu l-politiki tal-Unjoni Ewropea”. F'dan l-isforz, aħna nirrispettaw kompletament il-leġittimità u r-responsabbiltà ugwali ta' kull livell fi ħdan il-kompetenzi rispettivi tagħhom u l-prinċipju ta' kooperazzjoni leali.

Konxji tal-INTERDIPENDENZA tagħna waqt li nfittxu EFFIKAĊJA akbar, aħna nemmnu li jeżistu opportunitajiet kbar biex inkomplu nsaħħu l-kooperazzjoni politika u amministrattiva innovattiva u effiċjenti bejn l-awtoritajiet tagħna abbażi tal-kompetenzi u r-responsabbiltajiet rispettivi. L-għan ta' din il-Karta, imfassla mill-Kumitat tar-Reġjuni tal-UE, huwa li nikkollegaw ir-reġjuni u l-bliet fl-Ewropa kollha, filwaqt li nippromovu L-APPROĊĊ B'DIVERSI ATTURI b'atturi soċjetali bħall-imsieħba soċjali, l-universitajiet, l-NGOs u r-raggruppamenti rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili.

B'konformità mal-prinċipju tas-SUSSIDJARJETÀ li jqiegħed id-deċiżjonijiet fl-aktar livell effettiv u kemm jista' jkun qrib taċ-ċittadini, aħna nabbinaw importanza kbira mat-tħejjija konġunta ta' soluzzjonijiet ta' politika li jirriflettu l-bżonnijiet taċ-ċittadini.

Huwa preċiżament permezz tal-impenn tagħna għall-VALURI, il-PRINĊIPJI u l-PROĊESSI fundamentali li jirfdu l-governanza f'diversi livelli li aħna nemmnu li modi ġodda ta' DJALOGU u sħubija ser jibdew jinbtu fl-awtoritajiet pubbliċi madwar l-Unjoni Ewropea u lil hinn minnha. Il-governanza f'diversi livelli ssaħħaħ it-trasparenza, il-parteċipazzjoni, il-KOORDINAZZJONI u l-IMPENN KONĠUNT biex jitwasslu s-soluzzjonijiet adatti. Permezz tagħha nistgħu nisfruttaw id-diversità tal-Ewropa bħala xprun għall-kapitalizzazzjoni tal-assi taż-żoni lokali tagħna. Bl-użu sħiħ ta' soluzzjonijiet diġitali, aħna qed nieħdu l-impenn li nżidu t-TRASPARENZA u noffru servizzi pubbliċi ta' kwalità li jkunu aċċessibbli faċilment għaċ-ċittadini li nirrappreżentaw.

Il-GOVERNANZA F'DIVERSI LIVELLI tgħinna nitgħallmu minn xulxin, nesperimentaw b'soluzzjonijiet ta' politika innovattivi, NAQSMU L-AĦJAR PRATTIKI u nkomplu niżviluppaw id-DEMOKRAZIJA PARTEĊIPATTIVA, u b'hekk inqarrbu lill-Ewropa maċ-ċittadini. Aħna nemmnu li jekk il-governanza f'diversi livelli tiġi mħaddna, dan iwassal għal integrazzjoni iktar profonda billi jkomplu jissaħħu r-rabtiet bejn it-territorji tagħna, u jiġu megħluba l-ostakli amministrattivi fl-implimentazzjoni tar-regolamenti u tal-politika u l-fruntieri ġeografiċi li jisseparawna.

TITOLU 1: PRINĊIPJI FUNDAMENTALI

Nieħdu l-impenn li nirrispettaw il-proċessi fundamentali li fuqhom huma bbażati l-prattiki ta' governanza f'diversi livelli fl-Ewropa billi

1.1.

Niżviluppaw proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet TRASPARENTI, MIFTUĦINKLUŻIV

1.2.

nippromovu l-PARTEĊIPAZZJONI u s-SĦUBIJIET li jinvolvu partijiet interessati pubbliċi u privati rilevanti fil-proċess sħiħ tat-tfassil ta' politika, inkluż permezz ta' għodod diġitali adegwati, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet tal-imsieħba istituzzjonali kollha;

1.3.

inrawmu l-EFFIKAĊJA TAL-POLITIKI, u l-KOERENZA BEJN IL-POLITIKI u nippromovu SINERĠIJI BAĠITARJI bejn il-livelli kollha ta' governanza;

1.4.

nirrispettaw il-prinċipji tas-SUSSIDJARJETÀ u l-PROPORZJONALITÀ fit-teħid tad-deċiżjonijiet;

1.5.

niżguraw l-ogħla livell ta' PROTEZZJONI TAD-DRITTIJIET FUNDAMENTALI fil-livelli kollha ta' governanza.

TITOLU 2: IMPLIMENTAZZJONI U TWETTIQ

Nieħdu l-impenn li nwettqu b'mod konkret il-governanza f'diversi livelli fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki, inkluż permezz ta' soluzzjonijiet innovattivi u diġitali. Għal dan il-għan, aħna nieħdu l-impenn li:

2.1.

NIPPROMOVU L-PARTEĊIPAZZJONI TAĊ-ĊITTADINI fiċ-ċiklu ta' politika;

2.2.

NIKKOOPERAW mill-qrib ma' awtoritajiet pubbliċi oħra billi naħsbu lil hinn mill-fruntieri, proċeduri u ostakli amministrattivi tradizzjonali;

2.3.

INRAWMU MENTALITÀ EWROPEA fi ħdan il-korpi u l-amministrazzjonijiet politiċi tagħna;;

2.4.

INSAĦĦU L-BINI TA' KAPAĊITAJIET ISTITUZZJONALI u ninvestu fit-tagħlim reċiproku fil-livelli kollha ta' governanza;

2.5.

NOĦOLQU NETWERKS bejn il-korpi u l-amministrazzjonijiet politiċi tagħna mil-livell lokali sa dak Ewropew u viċiversa, filwaqt li nsaħħu l-kooperazzjoni transnazzjonali.


7.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 174/5


Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – l-iżvilupp tas-sitwazzjoni fl-Ukraina

2014/C 174/02

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI,

1.

jirrikonoxxi li l-ġejjieni tal-Ukraina huwa kwistjoni li hija f'idejn il-poplu kollu Ukrain. Id-direzzjoni futura tal-Ukraina tista' tiġi deċiża demokratikament biss mill-poplu tal-Ukraina mingħajr pressjoni jew interferenza minn kwalunkwe pajjiż barrani.

2.

itenni (1) s-solidarjetà tiegħu mal-Ukraina u l-poplu tagħha u jenfasizza li l-kriżi attwali trid tiġi solvuta paċifikament;

3.

jikkundanna l-ksur illegali tas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa u huwa tal-fehma li r-“referendum” li sar fil-Krimea fis-16 ta' Marzu 2014 dwar id-dħul fil-Federazzjoni Russa bħala wieħed kompletament illegali u illeġittimu, li jmur kontra b'mod ċar il-Kostituzzjoni tal-Ukraina u trattati internazzjonali; jappella lill-Federazzjoni Russa u lill-Ukraina biex jibdew mill-iktar fis possibbli taħdidiet sabiex titnaqqas it-tensjoni tas-sitwazzjoni bil-għan li jintlaħaq status qo fir-reġjun u r-rispett sħiħ tal-ftehimiet internazzjonali rilevanti li jikkonċernaw 'l Ukraina;

4.

jappella lill-Federazzjoni Russa biex toqgħod lura milli twettaq kwalunkwe azzjoni intimidanti militari, politika jew ekonomika li taffettwa l-integrità tal-ġirien tagħha, u biex jitnaqqas l-ammont ta' forzi militari li qed jinġabru mal-fruntiera tal-Ukraina u fir-reġjun tat-Transnistrija, u mal-fruntieri mal-Istati Baltiċi; huwa mħasseb dwar l-aħħar żviluppi fil-Moldova – speċjalment fil-kuntest tar-referendum imniedi minn barra fir-reġjun tal-Gagauzia – fejn b'mod simili għall-Ukraina forzi barranin ippruvaw jibblukkaw it-triq tal-Moldova lejn l-Unjoni Ewropea; iħeġġeġ lir-Russja biex tiggarantixxi s-salvagwardja tad-drittijiet u l-proprjetà taċ-ċittadini kollha fil-Krimea, b'mod partikolari l-popolazzjonijiet minoritarji ta' Ukraini etniċi u Tartari tal-Krimea;

5.

jikkundanna l-intimidazzjoni kontinwa u intolerabbli tas-soċjetà ċivili u ta' rappreżentanti tal-istampa u tal-mezzi tax-xandir fil-Krimea;

6.

jappoġġja l-appelli biex jinbdew negozjati effettivi għal soluzzjonijiet paċifika taħt il-patroċinju tal-Grupp ta' Kuntatt tal-OSCE u huwa favur li tintbagħat missjoni ta' monitoraġġ kompleta tal-OSCE fil-Krimea;

7.

jilqa' b'sodisfazzjon il-firma tal-kapitoli politiċi tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Ukraina u l-Unjoni Ewropea fil-21 ta' Marzu 2014; huwa favur deċiżjoni li tittieħed malajr biex jitneħħew temporanjament id-dazji tad-dwana fuq l-esportazzjoni mill-Ukraina lejn l-Unjoni Ewropea;

8.

japprova d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE ta' Marzu biex jitħaffef il-proċess tal-firma tal-ftehimiet ta' assoċjazzjoni mal-Moldova u mal-Ġeorġja; jenfasizza li l-istrumenti finanzjarji tal-UE disponibbli għall-Moldova għandhom jagħtu riżultati aktar malajr sabiex tiġi appoġġjata d-direzzjoni Ewropea tagħha;

9.

itenni s-sejħa tiegħu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fi ħdan il-pajjiżi msieħba tal-CORLEAP (Konferenza tal-Awtoritajiet Reġjonali u Lokali għas-Sħubija tal-Lvant) biex jappoġġjaw u jaqsmu l-valuri u l-perspettivi Ewropej;

10.

jappoġġja bil-qawwa t-talba tal-poplu Ukrain għad-demokrazija, il-libertà, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

11.

jappella lill-gvern tal-Ukraina biex ikompli jiżgura r-rispett sħiħ tal-minoritajiet fi ħdan il-qafas tal-impenji internazzjonali tiegħu, f'konformità mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, l-Att Finali ta' Ħelsinki u l-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji;

12.

jissuġġerixxi li r-rispett għall-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità u r-rispett għall-awtonomija lokali flimkien mal-Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokali jiġu inklużi f'Kostituzzjoni mġedda li għandha titfassal wara l-vot Presidenzjali f'Mejju 2014;

13.

iħeġġeġ lill-gvern tal-Ukraina biex iniedi programm estensiv ta' riformi amministrattivi u strutturali li jinkludi tibdil politiku, ekonomiku u soċjali, inkluż proċess sostenibbli ta' deċentralizzazzjoni u d-devoluzzjoni tar-responsabbiltajiet u r-riżorsi lejn il-gvernijiet lokali u reġjonali;

14.

jinnota li l-Krimea u Sevastapol għandhom status awtonomu speċjali fi ħdan l-istat Ukrain; il-garanzija ta' dan l-istatus awtonomu speċjali trid tikkostitwixxi bażi oħra għall-indirizzar tal-kriżi attwali;

15.

itenni l-impenn sħiħ tiegħu biex ikun involut fl-għajnuna globali tal-UE lejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jinstabu soluzzjonijiet adatti għall-krizi u biex jiġu mxerrda l-aqwa prattiki u għarfien espert mal-imsieħba Ukraini fil-qasam tad-deċentralizzazzjoni. Jimpenja ruħu għall-iżvilupp immedjat ta' relazzjoni ġdida u impenn ċiviku usa' mal-bliet tal-Ukraina, bliet u korpi reġjonali, u barra minn hekk organizzazzjonijiet ċiviċi u soċjetajiet li huma impenjati għall-prinċipji tad-demokrazija lokali u r-responsabbiltà demokratika;

16.

iħeġġeġ lill-Ukraina biex tiżgura li l-elezzjonijiet Presidenzjali fil-25 ta' Mejju 2014 ikunu demokratiċi u trasparenti u jistenna li jissejħu elezzjonijiet parlamentari bikrin;

17.

jagħti istruzzjonijiet lill-President tal-Kumitat tar-Reġjuni biex iressaq din ir-riżoluzzjoni quddiem il-President tal-Parlament Ewropew, il-President tal-Kunsill Ewropew, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, il-Presidenza Griega tal-UE u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.

Brussell, 3 ta' April 2014.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  Ara r-riżoluzzjoni tal-KtR dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina adottata fil-31 ta' Jannar 2014 (COR-2014-00536-00-00-RES-TRA – RESOL-V-010).


OPINJONIJIET

Il-Kummissjoni Ewropea

Il-106 Sessjoni Plenarja tat-2 u t-3 ta’ April 2014

7.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 174/7


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – L-istrateġija tat-tkabbir u l-isfidi ewlenin 2013–14

2014/C 174/03

Relatur

Is-Sur Abramavičius (LT/PPE), Sindku u membru tal-Kunsill Muniċipali ta' Zarasai

Dokument ta' referenza

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Strateġija tat-Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2013-2014,

COM(2013) 700 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-kuntest politiku u l-importanza tat-tkabbir għall-awtoritajiet lokali u reġjonali u għall-KtR

1.

jinnota li din l-Opinjoni tenfasizza l-impenn tiegħu għall-proċess tat-tkabbir u jiġbed l-attenzjoni għar-rwol prinċipali li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex iħejju kemm lill-UE kif ukoll lill-pajjiżi kandidati, lill-amministrazzjonijiet tagħhom fid-diversi livelli u liċ-ċittadini tagħhom għat-tkabbir; il-Kumitat hawn jippreżenta l-valutazzjoni tal-progress miksub u l-proposti speċifiċi tiegħu għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent (il-Montenegro, Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, is-Serbja, l-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina u l-Kosovo (1)), it-Turkija u l-Islanda kif ukoll l-indikazzjoni tiegħu sabiex dan il-qasam ikompli jiżviluppa;

2.

ifakkar li t-tnedija tat-tieni Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II) huwa previst għall-2014, bi stima ta' finanzjament ta' EUR 11,7 biljun għall-2014-2020;

3.

itenni l-importanza li jiġu żgurati l-governanza ekonomika u l-kompetittività fil-proċess ta' qabel l-adeżjoni (2) sabiex jiġi sodisfatt il-kriterju tal-adeżjoni ekonomika, jiġifieri li jinkiseb l-istatus ta' ekonomija ta' suq li jiffunzjona. F'dan il-kuntest, il-Kumitat jinnota l-importanza li jkun żgurat li l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju fil-pajjiżi kandidati jkunu preparati b'mod adatt, speċjalment dawk li joperaw f'żoni mhux metropolitani; l-importanza ta' din il-kwistjoni toħroġ aktar fid-dieher bil-fatt li bħalissa m'hemm l-ebda pajjiż fil-Balkani tal-Punent li għandu l-istatus ta' ekonomija tas-suq li taħdem;

4.

itenni l-importanza li tiġi promossa l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fil-pajjiżi kandidati u jisħaq fuq ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini dwar dan is-suġġett;

5.

b'dispjaċir jieħu nota tal-fatt li l-gvern tal-Islanda beħsiebu jirtira l-applikazzjoni ta' adeżjoni tiegħu u jemmen li l-adeżjoni tal-Islanda kienet tkun ta' benefiċċju reċiproku;

6.

itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea biex tqis il-qagħda tal-awtonomija lokali u reġjonali fil-pajjiżi kandidati u dawk kandidati potenzjali bħala element essenzjali għall-valutazzjoni tal-progress tad-deċentralizzazzjoni u prerekwiżit għal sistema ta' governanza fuq diversi livelli li taħdem tajjeb;

Kummenti ġenerali

7.

jilqa' bis-sħiħ iż-żewġ approċċi ta' tkabbir introdotti reċentament: 1) l-approċċ adottat mill-Kunsill fl-2011 fejn il-kapitoli dwar id-drittijiet fundamentali u ġudizzjarji, dwar il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà jiġu trattati minn stadju bikri fin-negozjati tal-adeżjoni, b'hekk jiġi żgurat li s-sistemi ġudizzjarji li jaħdmu tajjeb u l-ġlieda effettiva kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni huma kundizzjonijiet ewlenin għall-adeżjoni u 2) l-approċċ adottat mill-Kunsill fl-2013 li l-ewwel jiġu trattati l-kwistjonijiet ekonomiċi fundamentali u jintlaħqu l-kriterji ekonomiċi, bħala soluzzjoni għall-iżvilupp ekonomiku, u biex tinħoloq klima favorevoli għall-kummerċ u l-investiment;

8.

jinnota l-esperjenza mit-tkabbir preċedenti, li wriet li għall-pajjiżi aderenti, is-sħubija prospettiva kienet ta' inċentiv ewlieni għall-implimentazzjoni tar-riformi politiċi u ekonomiċi meħtieġa;

9.

jenfasizza li t-tkabbir tal-UE huwa proċess bilaterali, jiġifieri mhux il-pajjiżi aderenti biss għandhom ikunu preparati tajjeb iżda l-Unjoni Ewropea wkoll għandha tkun kapaċi biżżejjed li tassorbi Stati Membri ġodda u timpenja ruħha biex tappoġġja lil dawn il-pajjiżi biex jegħlbu l-isfidi li jiffaċċjaw;

10.

jemmen bis-sħiħ li hemm bżonn li jiġi rispettat kemm il-prinċipju ta' viċinat tajjeb fost l-Istati Membri tal-UE, il-pajjiżi kandidati u pajjiżi oħra kif ukoll ir-rwol u l-importanza tal-kooperazzjoni transkonfinali u reġjonali bejn dawn il-pajjiżi;

11.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tagħmel l-arranġamenti neċessarji kollha biex tiżgura li l-pajjiżi kandidati kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw mit-tieni Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni tul il-preparamenti tagħhom għall-adeżjoni fl-UE;

12.

jinnota l-importanza tal-enerġija u l-interkonnessjonijiet tat-trasport għall-iżvilupp sostenibbli tar-reġjuni u jilqa' l-attenzjoni li l-Kummissjoni tat lil din il-kwistjoni fil-komunikazzjoni reċenti tagħha dwar l-istrateġija ta' tkabbir;

13.

huwa u jtenni l-importanza ta' livelli lokali u reġjonali effikaċji tal-governanza jiġbed l-attenzjoni għar-rakkomandazzjoni dwar it-tisħiħ tal-awtonomija lokali fil-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni u biex ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika tingħata aktar prijorità;

14.

filwaqt li jilqa' l-pjani tal-Kummissjoni li tkun attiva f'termini tal-promozzjoni tal-libertà ta' espressjoni fil-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni, jinnota li l-midja lokali u reġjonali normalment ikollha anqas riżorsi finanzjarji u tkun aktar sensittiva għall-pressjonijiet esterni, u b'hekk ikollha bżonn aktar assistenza u taħriġ;

15.

jinnota li l-integrazzjoni b'suċċess tar-Rom tiddependi primarjament mill-awtoritajiet lokali; jitlob biex tingħata aktar attenzjoni lill-kapaċità tal-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi rilevanti ta' qabel l-adeżjoni biex jieħdu azzjoni f'dan il-qasam;

16.

itenni l-importanza tal-appoġġ taċ-ċittadini għall-proċess ta' tkabbir u jenfasizza r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, u tas-soċjetà ċivili, fil-mobilizzazzjoni taċ-ċittadini għal dan id-dibattitu u fil-provvediment ta' komunikazzjonijiet bilaterali bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll iċ-ċittadini;

17.

jemmen li l-iżvilupp tal-istrateġiji makroreġjonali jkun strument siewi biex jintlaqgħu l-isfidi komuni f'diversi reġjuni u biex tinbeda kollaborazzjoni vera fost l-Istati li huma diġà membri tal-UE, pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali permezz ta' sforz kollettiv li jippermetti l-użu aktar effettiv tar-riżorsi disponibbli u għal proġetti komuni;

18.

jitlob lill-imsieħba, b'mod partikolari mill-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni li huma l-ġirien ta' Stati Membri tal-UE biex jieħdu vantaġġ mill-possibbiltajiet ta' kooperazzjoni transkonfinali u deċentralizzata biex tiġi żgurata kooperazzjoni usa' u mtejba mal-awtoritajiet lokali u reġjonali mill-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni, filwaqt li jitqiesu l-perjodu ta' programmazzjoni l-ġdid tal-UE għall-2014-2020 u l-istrumenti finanzjarji ġodda ta' appoġġ;

19.

jesprimi x-xewqa tiegħu li jkompli jikkoopera mal-Kummissjoni Ewropea dwar il-programm tal-Faċilità tal-Amministrazzjoni Lokali (FAL) li huwa organizzat għall-awtoritajiet lokali u reġjonali mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, it-Turkija u l-Islanda u li huwa intiż biex dawn jifhmu aktar dwar dak li l-UE temmen fih, primarjament fil-livell lokali u reġjonali. Il-Kumitat jissuġġerixxi li d-disponibbiltà tal-FAL tiġi estiża biex tinkludi l-pajjiżi interessati kollha tas-Sħubija tal-Lvant;

20.

iqis li l-Kummissjoni Ewropea għandha tieħu pożizzjoni ċara dwar l-isforzi ta' ċerti pajjiżi fi ħdan is-Sħubija tal-Lvant biex isiru Stati Membri tal-UE;

RAKKOMANDAZZJONIJIET SPEĊIFIĊI GĦALL-PAJJIŻ

Pajjiżi kandidati

L-Islanda

21.

jinnota li l-Islanda, bħala demokrazija stabbilita sew u li tiffunzjona tajjeb u bħala ekonomija tas-suq matura, tissodisfa bis-sħiħ il-kriterji politċi u ekonomiċi meħtieġa għas-sħubija fl-UE;

22.

ifakkar li nfetħu 27 kapitolu ta' negozjar u 11 minnhom ingħalqu provviżorjament;

23.

jinnota li l-proċess ta' adeżjoni twaqqaf mill-gvern Islandiż u jittama li l-kontinwazzjoni tan-negozjati tal-adeżjoni ser tkun is-suġġett ta' referendum nazzjonali;

24.

jenfasizza li l-KtR ser jibqa' impenjat bis-sħiħ biex ikompli l-kooperazzjoni tiegħu mal-assoċjazzjoni Islandiża tal-awtoritajiet lokali biex jippreparahom għall-adeżjoni b'mod partikolari bis-saħħa tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt f'każ li l-Islanda tiddeċiedi tkompli bin-negozjati tal-adeżjoni;

25.

jenfasizza li ser ikompli jappoġġja l-bini tal-kapaċità fil-livell lokali, pereżempju, permezz tal-programm FAL;

Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

26.

huwa u jinnota li Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja kienet l-ewwel pajjiż li ffirma Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) mal-UE u li diġà kienet ingħatat l-istatus ta' kandidat fl-2005 u fid-dawl tas-suċċess tal-pajjiż biex jikseb il-kriterji politiċi ta' sħubija fl-UE kif ukoll fid-dawl tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li jinfetħu negozjati tal-adeżjoni fi żmien ħames snin mill-iffirmar tal-FSA, jiddispjaċih li l-Kunsill ippospona din id-deċiżjoni u jitolbu jieħu deċiżjoni pożittivi fl-2014;

27.

jappoġġja l-isforzi ta' Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja biex ittejjeb il-kapaċità tagħha li tissodisfa l-obbligi marbuta mas-sħubija u jenfasizza l-ħtieġa għal aktar sforzi fl-oqsma tal-istat tad-dritt (inklużi l-indipendenza tal-ġudikatura u l-miżuri ta' kontra l-korruzzjoni), il-libertà tal-espressjoni u l-mezzi tax-xandir. Jenfasizza wkoll li huwa importanti li jinżammu relazzjonijiet tajbin mal-viċinat, inkluż is-sejba ta' soluzzjoni aċċettabbli reċiprokament fir-rigward tal-kwistjoni dwar l-isem taħt il-patroċinju tan-NU;

28.

jilqa' l-progress li sar lejn id-deċentralizzazzjoni tal-governanza – element ewlieni tal-Ftehim Qafas ta' Ohrid – u jitlob li jsir aktar progress fil-qasam tad-deċentralizzazzjoni amministrattiva u finanzjarja, b'enfasi partikolari fuq l-implimentazzjoni sħiħa tal-qafas legali rilevanti u fuq l-iżgurar ta' riżorsi adegwati u konsultazzjoni permanenti bejn l-awtoritajiet lokali u ċentrali;

29.

jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet amministrattivi tal-pajjiż bil-għan li jiġu żgurati l-użu u l-ġestjoni effikaċi tal-fondi tal-UE; jitlob li tingħata aktar attenzjoni lill-kapaċitajiet nazzjonali limitati sabiex il-fondi tal-IPA jiġu programmati u assorbiti taħt is-sistema ta' implimentazzjoni deċentralizzata u jirrakkomanda li jissaħħu s-sistemi ta' kontroll u ta' ġestjoni nazzjonali;

30.

ifakkar li l-finanzjament fil-livell muniċipali għadu mhux adegwat għalkemm huwa prerekwiżit biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà finanzjarja. Il-miżuri f'dan il-qasam jistgħu jinkludu t-trasferiment ta' sehem ikbar tad-dħul mill-VAT u mit-taxxa fuq l-introjtu personali lill-muniċipalitajiet;

31.

itenni l-importanza tal-koordinazzjoni tal-iżvilupp reġjonali u jiddispjaċih li l-liġijiet rilevanti dwar l-iżvilupp reġjonali ma ġewx implimentati bis-sħiħ u li l-korpi responsabbli għall-iżvilupp ekonomiku reġjonali qed jiffaċċjaw aktar tnaqqis fil-baġits tagħhom li diġà mhumiex biżżejjed;

32.

jilqa' l-ħidma konsiderevoli li saret miz-ZELS, l-assoċjazzjoni nazzjonali tal-unitajiet ta' awtonomija lokali, biex tintroduċi inizjattivi ta' governanza elettronika fl-amministrazzjoni pubblika muniċipali u jitlob li din l-esperjenza tiġi kondiviża. Huwa jħeġġeġ lill-gvern ċentrali jappoġġja l-attivitajiet taċ-Ċentru ta' Taħriġ taz-ZELS sabiex jiżdiedu l-kapaċitajiet tal-amministrazzjonijiet lokali;

Il-Montenegro

33.

jilqa' l-kisbiet tal-Montenegro fil-bini tal-awtonomija nazzjonali u lokali mid-dikjarazzjoni tal-indipendenza tiegħu fl-2006;

34.

jinnota l-progress li nkiseb fin-negozjati tal-adeżjoni li bdew f'Ġunju 2012 u jilqa' l-ftuħ tan-negozjati dwar: il-Kapitoli 23 – Id-drittijiet fundamentali u ġudizzjarji; 24 – Ġustizzja, libertà u sigurtà; 20 – Intrapriżi u politika industrijali; 6 – Liġi tal-kumpaniji u 5 – Akkwist pubbliku wara li ngħalqu provviżorjament żewġ kapitoli (xjenza u riċerka; edukazzjoni u kultura);

35.

jilqa' l-fatt li ġew stabbiliti strutturi għan-negozjati tal-adeżjoni li jinkludu rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u li saru sforzi addizzjonali biex jiżdiedu t-trasparenza u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess tat-tfassil tal-politika;

36.

jitlob lill-gvern tal-Montenegro jkompli jwettaq riformi biex jistabbilixxi amministrazzjoni trasparenti, effikaċi u jinkoraġġixxi l-implimentazzjoni rapida tal-liġi ġdida dwar l-impjegati taċ-ċivil u tal-Istat fil-livell lokali;

37.

jindika li l-IPA huwa qasam ewlieni biex jevalwa l-kapaċitajiet ta' pajjiż kandidat biex jiġġestixxi l-fondi kontinwi ta' qabel l-adeżjoni u l-Fondi Strutturali wara s-sħubija u jitlob lill-Montenegro jsaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tiegħu fl-istrutturi stabbiliti tal-IPA u jieħu azzjoni biex jippreparahom b'mod adatt sabiex tiżdied il-kapaċità ta' assorbiment tal-fondi ta' qabel l-adeżjoni;

38.

jinnota li l-Montenegro għandu jkompli l-ħidma tiegħu għall-ksib tal-kriterji ekonomiċi għas-sħubija, billi jiżgura li l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju tiegħu jkunu preparati b'mod adatt biex ikampaw bil-pressjonijiet kompetittivi tas-sħubija;

Is-Serbja

39.

jilqa' d-deċiżjoni li jitniedu n-negozjati tal-adeżjoni mas-Serbja f'Jannar 2014 li kkonfermat it-triq tas-Serbja lejn l-adeżjoni tal-UE. Huwa jilqa' wkoll it-tnedija tal-preparamenti attwali għan-negozjati dwar is-sħubija, b'mod partikolari l-bidu tal-eżami analitiku tal-acquis (“screening”) f'Settembru 2013 wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fl-1 ta' Settembru;

40.

jenfasizza l-importanza ta' ftehim paċifiku u komprensiv għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Kosovo (1) u jilqa' l-progress li sar matul l-2013 biex jiġu sodisfatti l-kriterji politiċi tal-proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni;

41.

fid-dawl tal-importanza tal-livell reġjonali għall-iżvilupp sostenibbli, jenfasizza l-importanza tad-dikjarazzjoni adottata mill-assemblea provinċjali ta' Vojvodina (3) dwar il-protezzjoni tad-drittijiet legali tagħha u jinnota li l-liġi dwar ir-riżorsi proprji għal Vojvodina, kif previst mill-Kostituzzjoni tas-Serbja, għad trid tiġi adottata;

42.

jitlob li jitkompla l-proċess ta' deċentralizzazzjoni biex ikomplu jissaħħu l-kompetenzi tal-awtoritajiet lokali. Il-Kumitat jiddispjaċih li l-Kunsill Nazzjonali għad-Deċentralizzazzjoni ġie involut b'mod limitat u li kien hemm nuqqas kontinwu ta' konsultazzjoni mal-awtoritajiet lokali fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-iżvilupp ta' leġislazzjoni li għandha impatt fuq il-livell lokali;

43.

jitlob li tissolva immedjatament is-sitwazzjoni mhux regolata tal-istatus tal-Provinċja Awtonoma ta' Vojvodina wara d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tas-Serbja li xi dispożizzjonijiet tal-Istatut tal-Provinċja Awtonoma ta' Vojvodina ma jikkonformawx mal-Kostituzzjoni;

44.

jinnota li l-implimentazzjoni tal-qafas legali eżistenti għall-gvern lokali għadha limitata ħafna u li r-responsabbiltajiet baqgħu jiġu eżerċitati fil-livell lokali mingħajr analiżi adatta tal-kapaċità u r-riżorsi meħtieġa. Il-qafas legali għall-awtonomija lokali għad irid jiġi kjarifikat u implimentat b'mod xieraq;

45.

jilqa' l-progress fil-qasam tal-politika reġjonali u l-koordinazzjoni tal-istrumenti strutturali u jinnota li jeħtieġ li tiġi żgurata kapaċità tal-implimentazzjoni adegwata, b’mod partikolari fil-forma ta’ tħejjija ta’ proġett solidu bbażat fuq strateġiji rilevanti;

46.

jiġbed l-attenzjoni għat-talba tal-Kummissjoni li s-Serbja tkompli l-ħidma relatata mat-tisħiħ tal-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, il-libertà tal-midja, il-politika kontra d-diskriminazzjoni u l-protezzjoni tal-minoranzi;

47.

jipproponi li jitwaqqaf Kumitat Konsultattiv Konġunt mas-Serbja wara d-dħul fis-seħħ tal-FSA;

It-Turkija

48.

jemmen li t-Turkija u l-UE għandhom jagħmlu kull sforz biex jiċċaqilqu mir-relazzjoni mwiegħra attwali tagħhom billi jibqgħu jmexxu n-negozjati fl-ispirtu ta' kooperazzjoni, fid-direzzjoni tal-iżviluppi bilaterali pożittivi reċenti. Fl-interess taż-żewġ partijiet, il-prospettiva tas-sħubija tat-Turkija għandha timxi id f'id mar-riformi mmirati biex jikkonsolidaw l-istat tad-dritt u jiżguraw il-pluraliżmu;

49.

jilqa' r-riforma riċenti li tintroduċi t-tisħiħ tal-kompetenzi tal-gvernaturi provinċjali iżda jitlob biex din ir-riforma tiġi implimentata bħala mezz biex jikkontribwixxi għar-reġjonalizzazzjoni Torka u għat-tisħiħ tad-demokrazija reġjonali permezz tal-elezzjoni demokratika tal-gvernaturi;

50.

jilqa' t-tnedija reċenti tan-negozjati dwar il-Kapitolu 22 “Politika reġjonali u koordinazzjoni tal-istrumenti strutturali” u dwar l-istrateġija nazzjonali għall-iżvilupp reġjonali u jittama li dawn ser jikkontribwixxu għal tnaqqis fid-disparitajiet reġjonali u urbani-rurali;

51.

huwa mħasseb dwar id-diffikultajiet li qed jiffaċċjaw xi rappreżentanti lokali eletti fit-Turkija meta jimplimentaw il-funzjonijiet tagħhom bħala rappreżentanti tal-kostitwenzi tagħhom, u jitlob biex dawn jiġu ttrattati bir-rispett xieraq għal-liġi u fi klima ta' fiduċja, b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa (4);

52.

jaqbel mal-Kummissjoni li jinħtieġu aktar tibdiliet fis-sistema legali Torka sabiex ikun żgurat li l-libertà tal-espressjoni u tal-mezzi tax-xandir, il-libertà tat-twemmin u l-libertà ta' għaqda u assoċjazzjoni jkunu protetti, biex b'hekk tiġi assigurata s-sostenibbiltà tal-politiki attwali li huma orjentati lejn ir-riforma;

53.

iħeġġeġ lill-qrati tal-appell reġjonali li, legalment kellhom ikunu operattivi minn Ġunju tal-2007, biex jiġu stabbiliti u biex it-taħriġ kontinwu tal-imħallfin u l-prosekuturi jingħata prijorità fil-każ tal-qrati tal-appell reġjonali. Jenfasizza li l-qrati tal-appell reġjonali huma pass importanti biex tintlaħaq l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja u biex jitnaqqas ix-xogħol b'lura tal-każi;

54.

itenni li mhuwiex kuntent bin-nuqqas persistenti tat-Turkija li tirrispetta bis-sħiħ l-impenji tagħha li jirriżultaw mill-protokoll addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Turkija u jħeġġeġ lit-Turkija biex tipproċedi lejn konformità sħiħa, filwaqt li jiġbed l-attenzjoni li kull dewmien ieħor jista’ jkollu riperkussjonijiet ġodda fuq il-proċess tal-adeżjoni;

55.

jinnota wkoll li relazzjonijiet tajba mal-viċinat huma element ewlieni fit-tħejjija għall-adeżjoni, u b'hekk kwalunkwe tip ta' theddida jew azzjoni diretta kontra Stat Membru hija vjolazzjoni kbira tal-valuri komuni Ewropej;

56.

jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-iżviluppi reċenti fit-Turkija u jenfasizza l-importanza li s-sistema ġudizzjarja tkun indipendenti. Huwa jfakkar li t-Turkija hija pajjiż kandidat għall-adeżjoni mal-UE u għalhekk hija timpenja ruħha sabiex tirrispetta bis-sħiħ il-kriterji politiċi ta' Kopenħagen;

57.

jinnota li ntwera tħassib li l-gvern Tork mhux dejjem iwettaq biżżejjed konsultazzjonijiet u valutazzjonijiet tal-impatt mal-awtoritajiet lokali inkluż dwar leġislazzjonijiet ewlenin bħal-liġi reċenti dwar il-muniċipalitajiet metropolitani fejn dibattitu komprensiv dwar dawn seta' serva bħala pass pożittiv f'din id-direzzjoni u seta' ikkontribwixxa b'mod ġenwin għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' governanza f'diversi livelli;

58.

jilqa' l-progress reċenti f'termini tal-għoti ta' setgħa lill-gvernijiet lokali, li xi sinjali tiegħu jidhru fil-liġi l-ġdida dwar il-muniċipalitajiet metropolitani li estendiet il-kamp ta' applikazzjoni tal-kompetenzi muniċipali, u parzjalment indirizzat il-kritika mill-Kungress tal-Kunsill tal-Ewropa (5) dwar il-kapaċità dgħajfa tal-muniċipalitajiet iżgħar biex joffru servizzi pubbliċi. Il-Kumitat madankollu jiddispjaċih li ma ġewx implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kungress dwar it-tisħiħ tal-muniċipalitajiet billi jkunu jistgħu jiġbru d-dħul tagħhom stess;

59.

jilqa' l-fatt li d-deċentralizzazzjoni u d-divoluzzjoni tas-setgħat lill-gvern lokali ġew diskussi fil-kuntest tal-ħidma dwar il-Kostituzzjoni l-ġdida, il-pakkett għad-demokratizzazzjoni introdott reċentament u b'rabta mad-drittijiet tal-Kurdi u ta' minoranzi oħra, u jenfasizza li hemm kunsens dejjem akbar dwar il-bżonn li jingħelbu r-riżervi tat-Turkija dwar il-Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokali tal-Kunsill tal-Ewropa;

60.

jilqa' bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-pakkett għad-demokratizzazzjoni, li ddeċentralizza s-sistema tal-edukazzjoni u d-drittijiet ta' promozzjoni tal-partiti politiċi u b'hekk ippermetta l-użu ta' djaletti u lingwi oħrajn minbarra t-Tork; jilqa' b'sodifazzjon il-fatt li l-pakkett jippermetti li l-ismijiet preċedenti jerġgħu jingħataw lill-postijiet ta' żoni ta' abitazzjoni fejn l-isem kien jew b'lingwa oħra għajr it-Tork jew miktub b'karattri mhux Torok;

61.

jitlob lill-awtoritajiet Torok jikkooperaw mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea biex jivvalutaw liema programmi taħt l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni jistgħu jintużaw biex jippromovu l-iżvilupp sostenibbli fix-Xlokk tat-Turkija fil-qafas tan-negozjati dwar Kapitolu 22;

62.

jinsab imħasseb dwar il-livell baxx ħafna ta' parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika lokali u jitlob lill-partiti politiċi kollha jinnominaw aktar kandidati nisa għall-elezzjonijiet lokali li jmiss;

63.

jilqa' t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet involuti fl-implimentazzjoni tal-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) permezz ta' taħriġ u assistenza teknika u jirrakkomanda li jsiru aktar sforzi sabiex tiżdied il-kapaċità amministrattiva tal-awtoritajiet lokali.

64.

jappoġġja l-fatt li jittieħdu aktar miżuri bil-għan li tiżdied it-trasparenza u jappoġġja l-ġlieda sostnuta kontra l-korruzzjoni, speċjalment fil-livell muniċipali, kif ukoll il-miżuri intiżi biex iżidu t-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-parteċipazzjoni;

65.

jistieden lit-Turkija u lil partijiet oħra involuti sabiex jappoġġjaw b'mod attiv in-negozjati attwali tan-NU maħsuba biex tinstab soluzzjoni ġusta, komprensiva u fit-tul għall-kwistjoni ta' Ċipru, u lit-Turkija biex tassisti lill-proċess ta' paċi billi tibda tirtira l-forzi militari tagħha minn Ċipru u tirritorna ż-żona siġillata ta' Famagusta lill-abitanti legali tagħha, b'konformità mad-deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà u l-prinċipji li fuqhom hija msejsa l-UE;

66.

fid-dawl tan-negozjati li għaddejjin bħalissa, itenni t-talba tiegħu biex jitkomplew l-isforzi biex il-Grupp ta’ Ħidma tal-Kumitat tar-Reġjuni mat-Turkija jiġi elevat għal-livell ta' Kumitat Konsultattiv Konġunt;

Il-pajjiżi kandidati potenzjali

67.

fid-dawl tal-aspirazzjoni tal-pajjiżi kandidati potenzjali li jimxu lejn is-sħubija u l-intensità dejjem akbar tal-kuntatti li jinvolvu atturi lokali u reġjonali, jistenna bil-ħerqa t-twaqqif ta' Kumitati Konsultattivi Konġunti ma' kull pajjiż kandidat potenzjali mir-reġjun tal-Balkani tal-Punent;

L-Albanija

68.

jinnota l-progress li sar biex jiġu żgurati l-prinċipji tal-kompetizzjoni ġusta u ħielsa fl-elezzjonijiet nazzjonali (6) u lokali (2011) (7) kif ukoll il-progress ġenerali f'termini tal-ksib tal-kundizzjonijiet politiċi meħtieġa għat-tnedija ta' negozjati dwar is-sħubija fl-UE;

69.

itenni r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ta' Ottubru 2012 u 2013 li l-Albanija tingħata l-istatus ta' kandidat u jħeġġeġ lill-Albanija tagħmel progress fl-oqsma tar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, l-indipendenza ġudizzjarja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata kif ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

70.

iqis li sar progress limitat fil-qasam tal-politika reġjonali u l-koordinazzjoni ta' strumenti strutturali. Fid-dawl tal-akkreditament tal-IPA, is-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll għandhom jissaħħu aktar biex jiġi minimizzat ir-riskju ta' dewmien u diżimpenji. Barra minn hekk, il-kapaċità ta' programmar għandha tittejjeb, partikolarment fir-rigward tal-preparamenti ta' riserva ta' proġetti sodi;

71.

jieħu nota tal-pjani tal-Albanija li tnaqqas in-numru tal-unitajiet ta' gvern lokali tagħha u jtenni l-ħtieġa ta' bilanċ bejn l-effiċjenza amministrattiva u l-leġittimità demokratika kif ukoll ta' aċċessibbiltà għaċ-ċittadini f'dan il-proċess;

72.

jilqa' l-adozzjoni tal-Liġi dwar l-Ippjanar Urban f'April 2013 bħala pass lejn il-bini ta' awtonomija lokali kontemporanja u effettiva u jiddispjaċih li din il-liġi qed tiġi implimentata bil-mod ħafna;

73.

jiddispjaċih li minkejja t-titjib amministrattiv kontinwu, l-awtoritajiet lokali għad għandhom riżorsi finanzjarji u amministrattivi limitati ħafna biex jiżviluppaw l-infrastruttura u s-servizzi; jiddispjaċih ukoll li d-dħul tagħhom naqas b'21 %;

74.

jiddispjaċih ukoll li s-sistemi ta' ġestjoni tar-riżorsi u ta' kontroll finanzajrju tagħhom għadhom dgħajfa u jqis li dan ifixkel l-effikaċja tagħhom u jillimita r-rwol tal-awtoritajiet lokali u l-assoċjazzjonijiet tagħhom fit-tisħiħ tal-koordinazzjoni bejn il-gvern loakli u ċentrali. Għaldaqstant jitlob li jkun hemm koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn il-gvern lokali u ċentrali u li jissaħħaħ ir-rwol tal-assoċjazzjonijiet tal-awtorità lokali;

75.

jinnota li għad hemm lakuni serji f'termini ta' monitoraġġ tal-korruzzjoni, inkluż fil-livell lokali, u jitlob li jinħatar koordinatur kontra l-korruzzjoni b'mandat b'saħħtu biex iwettaq valutazzjoni tal-pjan ġenerali kontra l-korruzzjoni;

76.

jilqa' l-eżistenza ta' strateġija nazzjonali dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet ta' għajxien tar-Rom u l-pjan ta' azzjoni nazzjonali korrespondenti, u jenfasizza l-bżonn li jiġu implimentati l-impenji rispettivi;

Il-Bosnja-Ħerzegovina

77.

jiddispjaċih li l-Bosnja-Ħerzegovina ftit li xejn għamlet progress biex ittejjeb il-funzjonalità u l-effikaċja tal-livelli kollha ta' gvern. Il-Kumitat jinsab imħasseb li l-proċess ta' integrazzjoni tal-UE staġna u jemmen li għad hemm bżonn ta' impenn sostenzjali biex jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa għal applikazzjoni kredibbli ta' sħubija;

78.

jenfasizza li, barra minn hekk, l-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina m'għamlu l-ebda progress biex iwaqqfu l-istruttura neċessarja għall-ġestjoni deċentralizzata tal-fondi tal-UE, u dan jipperikola l-assistenza finanzjarja tal-UE (IPA) u diġà wassal biex il-Bosnja-Ħerzegovina titlef fondi bħal dawn din is-sena;

79.

jenfasizza li hemm nuqqas ta' ċarezza dwar id-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-entitajiet, id-distretti u l-muniċipalitajiet, b'livell relattivament baxx ta' awtonomija finanzjarja fil-livell muniċipali;

80.

jinnota li s-sitwazzjoni politika attwali fil-Bosnja-Ħerzegovina qed ikollha impatt negattiv fuq il-kapaċità tal-pajjiż biex jitkellem b'leħen wieħed dwar il-kwistjonijiet tal-UE. Huwa jqis li dan huwa importanti biex jissaħħaħ ir-rwol tad-Direttorat għall-Integrazzjoni Ewropea, jiġu koordinati kwistjonijiet relatati mal-UE fost il-livelli kollha tal-awtoritajiet jew permezz ta' mekkaniżmu simili ieħor. Il-Kumitat jinnota li l-Kummissjoni kienet imġiegħla tipposponi aktar diskussjonijiet dwar l-IPA II fin-nuqqas ta' mekkaniżmu bħal dan;

81.

jiddispjaċih li l-assemblea parlamentari tal-Bosnja-Ħerzegovina ftit li xejn għamlet progress biex tadotta leġislazzjonijiet relatati mal-UE. In-nuqqas ta' qbil politiku għandu impatt negattiv fuq il-funzjonament tal-assemblea;

82.

iħeġġeġ li jiġu kkunsidrati r-riżultati tal-grupp ta' ħidma ta' esperti li ġie stabbilit bl-appoġġ tal-Istati Uniti u l-UE, li fassal rakkomandazzjonijiet dwar ir-riforma tal-Kostituzzjonijiet tal-Federazzjoni bil-għan li jiġu indirizzati l-istrutturi ta' governanza kumplessi u li jiswew il-flus tal-pajjiż fejn hemm xi dupplikazzjoni ta' kompetenzi bejn il-Federazzjoni, id-distretti u l-muniċipalitajiet. Huwa jilqa' l-fatt li dan il-grupp ta' ħidma ta' esperti bbaża r-rakkomandazzjonijiet tiegħu fuq proċess ta' konsultazzjoni parteċipattiva wiesgħa mal-livelli kollha ta' gvern, inkluż il-livell lokali permezz tal-involviment tal-muniċipalitajiet u l-bliet tal-Federazzjoni, kif ukoll is-soċjetà ċivili;

83.

ikompli jenfasizza l-bżonn li tissaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-implimentazzjoni ta' strateġiji mmirati li diġà ġew adottati;

84.

jistieden lill-entitajiet kollha ta' federazzjoni sabiex iżommu djalogu politiku kostruttiv bejniethom u mal-awtoritajiet federali;

Il-Kosovo  (1)

85.

jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill li jinbdew in-negozjati dwar Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-Kosovo;

86.

jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali (KKR) li jemenda l-istatut biex il-Kosovo jkun jista' jsir parteċipant. Il-formola għall-parteċipazzjoni tal-Kosova fil-KKR hija bażi tajba biex il-Kosovo jipparteċipa aktar f'fora reġjonali oħra u jestendi l-parteċipazzjoni tiegħu fihom;

87.

ifaħħar il-parteċipazzjoni attiva u kostruttiva tal-Kosovo u s-Serbja fi djalogu ffaċilitat mill-UE u jinnota li r-riżoluzzjoni paċifika u komprensiva tad-diżgwid bejn is-Serbja u l-Kosovo huwa importanti għall-iżvilupp tar-reġjun kollu;

88.

jinnota li għalkemm jeżistu strutturi fundamentali għall-governanza kemm fil-livell ċentrali kif ukoll f'dak lokali, il-livell munċipali għadu dgħajjef u jeħtieġ kapaċitajiet amministrattivi u ta' finanzjament adegwati. Huwa jappella li jsiru aktar sforzi biex jittejbu l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni, ir-responsabbiltà u t-trasparenza tal-gvern, inkluż fil-livell muniċipali, u biex jingħata appoġġ lill-awtoritajiet lokali biex ikomplu l-proċess ta' deċentralizzazzjoni;

89.

jilqa' l-fatt li l-gvernijiet lokali tejbu l-kapaċità tagħhom, inkluż biex jindirizzaw ir-ritorn u r-riintegrazzjoni tar-refuġjati u l-persuni spostati, fir-rigward tat-trasparenza tal-ġestjoni u l-informazzjoni dwar il-baġit u f'termini ta' rappurtar dwar it-teħid tad-deċiżjonijiet muniċipali;

90.

itenni l-importanza tal-amministrazzjoni trasparenti u effettiva u jitlob lill-gvern tal-Kosovo jagħti attenzjoni kbira lir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-bżonn li jiġu indirizzati l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni kif ukoll li jinbnew sistemi amministrattivi pubbliċi u ġudizzjarji adegwati;

91.

jinnota li l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet governattivi fil-Kosovo fil-biċċa l-kbira għadha ssir b'mod ad hoc u għandha tittejjeb, b'mod partikolari fir-rigward tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki pubbliċi;

92.

itenni l-bżonn li jiġi promoss aktar l-istat tad-dritt li huwa element ewlieni tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. F'dan il-kuntest, il-kontinwazzjoni tad-djalogu strutturat dwar l-istat tad-dritt hija milqugħa tajjeb ħafna peress li dan ikompli jappoġġja u jiggwida lill-Kosovo f'dan il-qasam, inkluż fid-diskussjonijiet dwar il-ġejjieni tal-EULEX, il-missjoni tal-UE dwar l-istat tad-dritt fil-Kosovo;

93.

jipproponi li jkun hemm negozjati addizzjonali dwar l-istatus ta' awtonomija lokali għat-territorju reġjonali b'dominanza Serba madwar Mitrovica, fit-Tramuntana tal-Kosovo.

Brussell, 2 ta' April 2014

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  Din ir-referenza hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mar-Riżoluzzjoni 1244/99 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-Opinjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

(2)  Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Strateġija tat-Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2013-2014, COM(2013) 700 final.

(3)  Dikjarazzjoni tal-assemblea provinċjali ta' Vojvodina dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet Kostituzzjonali u Legali tal-Provinċja Awtonoma ta' Vojvodina tal-21 ta' Mejju 2013.

(4)  Rakkomandazzjoni 301 (2011) tal-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa, Id-demokrazija lokali u reġjonali fit-Turkija, Strasburgu, 22-24 ta' Marzu 2011.

(5)  idem.

(6)  L-elezzjonijiet saru f'Ġunju 2013. Ara r-rapport ta' progress tal-Parlament Ewropew dwar l-Albanija, ippreżentat mir-rapporteur: Nikola Vuljanić (GUE/NGL), laqgħa AFET, 25/11/2013.

(7)  Ara r-rapport ta' missjoni ta' monitoraġġ tal-OSKE u l-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa tat-8 ta' Mejju 2011, http://www.osce.org/odihr/77446


7.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 174/15


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Enerġija affordabbli għal kulħadd

2014/C 174/04

Relatur

Is-Sur Illedits, Membru tal-Landtag ta' Burgenland (PSE/AT)

Dokument ta' referenza

Ittra mill-Presidenza Griega tal-Kunsill tal-4 ta' Novembru 2013

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

Il-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jinnota li l-faqar enerġetiku diġà jolqot lil partijiet kbar mill-popolazzjoni Ewropea, u jenfasizza li hemm bżonn ta' miżuri effikaċi fuq perjodu qasir, medju u twil ta' żmien li jillimitaw u jnaqqsu l-faqar enerġetiku, li għandu impatt dirett fuq is-saħħa pubblika u fuq il-kwalità ta' ħajjet iċ-ċittadini;

2.

jiġbed l-attenzjoni li d-distakk bejn iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u ż-żieda fid-dħul qiegħed dejjem jikber, u jisħaq li dan joħloq ir-riskju li l-faqar enerġetiku jibda jinfirex b'mod kontinwu fl-Istati Membri kollha tal-UE;

3.

jitlob, għalhekk, li jittieħdu miżuri b'għanijiet sew għal perjodu qasir ta' żmien (eż. assistenza ta' emerġenza f'sitwazzjonijiet estremi) u sew għal perjodu medju u twil ta' żmien, bħall-miżuri għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, il-miżuri għall-iffrankar tal-enerġija, il-bidla lejn sistemi tal-enerġija sostenibbli, il-produzzjoni lokali tal-enerġija rinnovabbli u l-użu ottimu tal-ħtiġijiet għall-ivvjaġġar;

4.

jinnota li fid-dibattiti tal-UE l-faqar enerġetiku sikwit ikun sempliċement ridott għad-diffikultà biex jitħallsu l-ispejjeż tat-tisħin (“fuel poverty”), li hu kunċett definit b'mod iktar dejjaq, madankollu, il-faqar enerġetiku huwa aktar komprensiv għax il-bżonnijiet tal-enerġija għall-komunikazzjoni, il-mobbiltà u l-iġjene, li huma kollha meħtieġa biex jippermettu l-parteċipazzjoni soċjali, għandhom ilkoll jibqgħu affordabbli. Il-familji u d-djar jinsabu marsusin bejn dħul dejjem aktar baxx u kontijiet tal-enerġija dejjem aktar għaljin, u dan iwassalhom biex jew ma jkunux jistgħu jsaħħnu biżżejjed il-post fejn joqogħdu, jew jaqilbu għal sorsi tal-enerġija ta' kwalità inferjuri li spiss ikunu ta' ħsara għas-saħħa u l-ambjent, jew inkella jkollhom jiddejnu; dan jillimita l-possibbiltà tagħhom biex jivvjaġġaw;

5.

jemmen li l-faqar enerġetiku għandu jiġi kkunsidrat l-ewwel u qabel kollox bħala aspett ta' faqar inġenerali u jiġi indirizzat l-iżjed permezz ta' politiki nazzjonali u tal-UE dwar l-impjieg, il-kwistjonijiet soċjali, il-kompetizzjoni, l-iżvilupp reġjonali u l-koeżjoni, u għandhom jiġu previsti miżuri korrispondenti f'koordinazzjoni mal-livell tal-UE. Madankollu, peress li l-UE għandha kompetenza kondiviża mal-Istati Membri fil-qasam tal-enerġija u tadotta wkoll miżuri ta' politika f'oqsma oħra (is-suq intern, it-tibdil fil-klima, eċċ) li jaffettwaw il-prezzijiet tal-enerġija u l-aċċess għall-enerġija hemm ħafna argumenti tajbin biex il-faqar enerġetiku jiġi indirizzat b'mod speċifiku fi ħdan il-politika tal-enerġija.

Biex tiġi garantita provvista tal-enerġija affordabbli, l-UE għandha l-ewwel tiżgura li s-suq tal-enerġija jkollu provvista adegwata, li tissielet kontra l-ħolqien u l-abbuż ta' monopolji u li l-metodi sabiex tiġi promossa t-tranżizzjoni tal-enerġija jkunu kosteffettivi u ma jgħollux il-prezzijiet bla bżonn; jenfasizza li politika effettiva tal-UE dwar l-enerġija u l-ambjent hija kompletament kompatibbli ma' politika industrijali deċisiva u mal-kompetittività internazzjonali tal-kumpaniji Ewropej;

6.

huwa tal-fehma, għalhekk, li hemm bżonn titfassal definizzjoni tal-“faqar enerġetiku” fil-livell Ewropew sabiex, minn naħa waħda, jiżdied l-għarfien dwar il-problema fil-livell politiku u, min-naħa l-oħra, tiġi żgurata ċertezza legali dwar miżuri kontra l-faqar enerġetiku; definizzjoni bħal din għandha tkun flessibbli fid-dawl taċ-ċirkustanzi li jvarjaw fl-Istati Membri u fir-reġjuni tagħhom, u b'hekk tkun tkopri s-sistemi tal-enerġija, il-livelli ta' introjtu u l-istrutturi soċjali differenti f'partijiet differenti tal-UE;

7.

f'dan il-kuntest, jissuġġerixxi, bħala l-bażi għal diskussjoni, l-introduzzjoni ta' definizzjoni kwantitattiva tal-“faqar enerġetiku” li tkun ibbażata, pereżempju, fuq limitu massimu madwar l-UE kollha għall-porzjon mid-dħul tad-djar li jintefaq fuq l-enerġija; kriterji oħra li jistgħu jiddaħħlu f'definizzjoni bħal din jistgħu jkunu, pereżempju, “dritt għal aċċess għal servizzi tal-enerġija adatti”, jew limitu għall-“akkomodazzjoni deċenti”;

8.

jinnota li minkejja l-pressjoni min-naħa tal-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u partijiet interessati oħra, il-Kummissjoni Ewropea s'issa għadha ma indirizzatx biżżejjed il-faqar enerġetiku bħala sfida politika rilevanti;

9.

jisħaq li fost il-fatturi ta' riskju diretti b'rabta mal-faqar enerġetiku nsibu, minn banda, il-livelli baxxi tad-dħul u tas-sigurtà soċjali (speċjalment fl-Istati Membri l-ġodda) u, mill-banda l-oħra, l-effetti li jħallu l-miżuri ta' awsterità (fosthom fl-Istati Membri fin-Nofsinhar tal-Ewropa). Fattur ta' riskju indirett li jżid il-faqar enerġetiku hu li l-medja taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija hi ogħla minn dik taż-żieda fid-dħul tad-djar, u għalhekk l-għadd ta' nies milqutin mill-faqar enerġetiku qiegħed dejjem jikber;

10.

jitlob, għalhekk, lill-UE tieħu minnufih miżuri li jappoġġjaw lill-aktar ekonomiji reġjonali vulnerabbli, speċjalment fir-reġjuni ta' konverġenza, meta jiġu biex jindirizzaw id-diffikultajiet marbutin maż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija f'kuntest fejn id-dħul ftit li xejn qed jiżdied, huwa staġnat, jew saħansitra qed jonqos għal ħafna gruppi tal-popolazzjoni;

11.

f'dak il-kuntest, jappella għall-ikkompletar tas-suq intern tal-enerġija tal-UE li għandu l-għan ta' provvista ta' enerġija sigura u sostenibbli biex il-prezzijiet jinżammu baxxi kemm jista' jkun; jeħtieġ aktar investiment fil-grilji tad-distribuzzjoni, l-infrastruttura tat-trażmissjoni, l-interkonnessjonijiet u l-iżvilupp ta' grilji intelliġenti;

12.

jinnota li f'dan il-kuntest is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli għandhom jiġu żviluppati u kummerċjalizzati b'mod kemm jista' jkun kosteffiċjenti. F'każ li jkun hemm kwoti obbligatorji għall-enerġija rinnovabbli, il-fornituri tal-enerġija għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu huma stess kif jinvestu fl-enerġija mir-riħ, fl-enerġija solari, fil-bijomassa jew f'riżorsi oħra. Dan ifisser li għandha tkun fid-diskrezzjoni tal-fornituri tal-muniċipalità li jagħżlu l-aktar soluzzjoni ekonomikament vantaġġuża għall-enerġija nadifa tagħhom. It-twaqqif ta' kooperattivi jew organizzazzjonijiet simili għall-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli jew biex titjieb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija hu, pereżempju, mod tajjeb ieħor kif il-ħtiġijiet tal-konsumaturi jitpoġġew fl-ewwel post;

13.

huwa tal-fehma li fil-futur l-użu tal-Fondi Strutturali tal-UE għall-finanzjament relatat mal-enerġija għandu jagħti prijorità lill-proġetti intiżi biex inaqqsu l-użu tal-karburanti fossili u nukleari u joħolqu tranżizzjoni għal sorsi oħra tal-enerġija kif ukoll li jelimina l-faqar enerġetiku; u jitlob lill Kummissjoni Ewropea biex iżżomm dan l-għan f'moħħha fit-tfassil tal-programmi rilevanti;

14.

jappella, għalhekk, li jkun hemm politika li tnaqqas l-ispejjeż tal-enerġija billi żżid l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u billi tiffoka l-provvista tal-enerġija fuq sorsi tal-enerġija aktar lokali.

15.

huwa tal-fehma li meta tkun qed tiġi ppjanata l-allokazzjoni tal-Fondi Strutturali, għandhom jiġu kkunsidrati mhux biss id-djar iżda wkoll is-setturi tal-konsum iżjed vulnerabbli;

L-isfidi klimatiċi u soċjali għandhom jiġu indirizzati b'mod konġunt, minflok ma jkomplu jiġu sussidjati l-karburanti fossili.

16.

jiġbed l-attenzjoni li l-kwistjoni tal-enerġija affordabbli qed issir prijorità politika ġdida madwar id-dinja kollha, minkejja l-konsegwenzi fuq il-klima. Mal-ewwel daqqa t'għajn, il-fondi meħtieġa għall-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli u d-domanda għall-enerġija affordabbli jidhru li qed jiġbdu ħbula differenti;

17.

madankollu, jinnota li l-ispejjeż soċjali u ekoloġiċi (anke dawk inċidentali) tal-karburanti fossili u tal-enerġija nukleari josbqu bil-kbir l-ispejjeż l-oħra kollha tal-enerġija. Ħafna minn dawn l-ispejjeż, però, ma jiġux riflessi fis-swieq u fil-prezzijiet;

18.

jindika li s'issa l-bosta vantaġġi tas-sistemi tad-distribuzzjoni intelliġenti li jikkombinaw diversi sorsi tal-enerġija rinnovabbli, il-ġestjoni tal-enerġija rinnovabbli min-naħa tad-domanda kif ukoll l-investimenti fl-użu effiċjenti tal-enerġija ftit li xejn jiġu kkunsidrati min-naħa ta' dawk responsabbli mill-politika fil-livell Ewropew u dak tal-Istati Membri;

19.

jenfasizza li m'hemm l-ebda raġuni għaliex in-nies milqutin mill-faqar enerġetiku għandhom jikkompetu kontra konsumaturi oħra. M'hemm l-ebda kunflitt li ma jistax jingħeleb bejn l-appoġġ tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u l-miżuri għall-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku, iżda, għall-kuntrarju, iż-żewġ tipi ta' miżuri jikkumplementaw lil xulxin;

20.

jieħu nota tal-kunsiderazzjonijiet imressqa mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-elementi li jinfluwenzaw il-prezzijiet tal-enerġija u jinnota li hemm numru ta' fatturi oħra li qed jikkawżaw il-problema tal-enerġija affordabbli. F'kull każ però, huwa fatt stabbilit li l-investiment lokali u reġjonali fl-użu effiċjenti tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli jista' joħloq l-impjiegi u jista' jnaqqas, għall-inqas f'perjodu medju ta' żmien, il-faqar enerġetiku;

L-impatt tal-faqar enerġetiku

21.

jinsab imħasseb dwar il-fatt li fl-UE l-prezzijiet tal-elettriku għad-djar u l-intrapriżi żdiedu b'medja ta' 29 % bejn l-2005 u l-2011. Fl-istess perjodu, il-prezzijiet tal-elettriku fl-Istati Uniti żdiedu b'5 % biss, u fil-Ġappun terġa' u tgħid b'1 % biss; jinnota li matul l-istess perjodu, il-prezz tal-barmil żejt irdoppja fis-swieq internazzjonali u dan żdied b'erba' darbiet bejn l-2001 u l-2011;

22.

jixtieq jenfasizza li huma b'mod partikolari l-Istati Membri l-ġodda u l-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa milqutin mill-kriżi li qed jiffaċċjaw it-theddida ta' aktar faqar enerġetiku. Id-distakk bejn iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u ż-żieda fid-dħul kompla jikber, il-faqar b'mod globali kompla jiżdied u fil-bidu ma tteħdux miżuri biex itejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fid-djar li kienu qed jiddeterjoraw malajr u l-infrastruttura tal-enerġija; minħabba f'hekk il-problema tal-faqar enerġetiku intant laħqet lil partijiet kbar mill-popolazzjoni;

23.

jenfasizza, f'dan il-kuntest, li bejn 50 u 125 miljun persuna fl-Ewropa huma milqutin mill-faqar enerġetiku. Fil-Bulgarija, il-Portugall, il-Litwanja, ir-Rumanija, Ċipru, il-Latvja u Malta, 30 % tal-popolazzjoni diġà ma jistgħux isaħħnu d-djar tagħhom b'mod adegwat u jridu jħallsu kontijiet tal-enerġija għoljin b'mod sproporzjonat. Dawn l-istess problemi, issa, qed jiffaċċjawhom ukoll 20 % tan-nies fil-Greċja, il-Polonja, l-Italja, l-Ungerija u Spanja. Minħabba li l-prezzijiet tal-enerġija qed jogħlew b'mod qawwi (meta mqabbla mal-evoluzzjoni tad-dħul), hemm il-biża' li l-faqar enerġetiku jolqot lil partijiet oħra mill-popolazzjoni fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea;

24.

jaqbel, għalhekk, li l-faqar enerġetiku hu indikatur tal-privazzjoni materjali li jista' jitkejjel fis-sondaġġi dwar id-dħul, l-inklużjoni soċjali u l-kundizzjonijiet tal-għajxien, pereżempju permezz tal-mistoqsija “taffordja ssaħħan id-dar tiegħek b'mod adegwat?” (Eurostat, 2012) u “tistgħu tassiguraw il-ħtiġijiet tagħkom ta' vjaġġar?”;

25.

għalhekk, huwa kuntent li d-Direttivi 2009/72/KE u 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku u tal-gass naturali rispettivament jappellaw biex l-Istati Membri, fost affarijiet oħrajn, jiddefinixxu l-kunċett ta' “konsumaturi vulnerabbli”. Sabiex is-sitwazzjoni tal-faqar enerġetiku fl-Ewropa tiġi evalwata bl-aħjar mod possibbli, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ippropona wkoll li jkun hemm definizzjoni Ewropea uniformi tal-faqar enerġetiku u li tiġi armonizzata l-istatistika eżistenti;

26.

jaqbel ukoll li n-numru ta' djar milqutin mill-faqar enerġetiku jista' jikber, u jipproponi li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jirrispettaw l-obbligu tagħhom li jiddefinixxu l-kunċett ta' “konsumaturi vulnerabbli”;

L-involviment tal-livell lokali u reġjonali

27.

ifakkar li wieħed mill-kompiti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali huwa li joffru pariri imparzjali lir-residenti lokali dwar kif jistgħu jużaw l-enerġija b'mod iżjed effiċjenti fi djarhom. Din il-miżura tippromovi l-ħolqien tal-impjiegi fis-setturi marbutin mal-bini, permezz tat-tibdil tal-attivitajiet tagħhom bil-għan li titjieb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tar-residenzi eżistenti, u b'hekk jitnaqqsu r-rati tal-faqar enerġetiku u tal-emissjonijiet tas-CO2 u tiġi promossa l-innovazzjoni teknoloġika;

28.

jinnota wkoll li minħabba d-differenzi soċjali u ġeografiċi kbar relatati mal-faqar enerġetiku fl-UE, fil-prattika l-miżuri l-aħjar jiġu implimentati fil-livell lokali;

29.

jindika li l-analiżi tar-riskju tal-faqar enerġetiku fil-livell reġjonali tagħti stampa ħafna aktar informattiva tal-inugwaljanzi soċjali fl-Ewropa mill-istudji fil-livell nazzjonali. Abbażi tal-istandard tal-kapaċità tal-akkwist (SKA), li jqis livelli ta' prezzijiet differenti, 100 kWh elettriku pereżempju fil-Bulgarija jiswa medja ta' 17,07 SKA filwaqt li fir-Renju Unit iqum 15,37 SKA. Id-distakk bejn in-Nofsinhar u t-Tramuntana u bejn il-Lvant u l-Punent kien diġà jeżisti fl-Unjoni Ewropea qabel il-kriżi fl-2005, iżda minn dak iż-żmien 'l hawn kompla jikber;

30.

jisħaq, għalhekk, li l-appoġġ għat-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tad-djar huwa importanti immens sew biex jingħeleb il-faqar b'mod ġenerali u sew biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima. Barra minn dan, id-djar li jużaw l-enerġija b'mod effiċjenti jkunu ppreparati aħjar għaż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija fil-futur;

31.

huwa tal-fehma li jeħtieġ li jiġu promossi kampanji ta' sensibilizzazzjoni fil-livell lokali u reġjonali bl-appoġġ f'waqtu tal-istituzzjonijiet Ewropej bil-għan li ċ-ċittadini jitħeġġu jadottaw imġiba li tikkontribwixxi għall-iffrankar tal-enerġija;

32.

jiġbed l-attenzjoni għall-impatt tal-ispiża tal-enerġija meħtieġa għall-ivvjaġġar, li hija wkoll fattur tad-diffikultà biex jitħallsu l-ispejjeż tat-tisħin. Dan għandu jwassal għal politika ta' ġestjoni tat-territorju fuq perjodu twil bil-għan li jitnaqqsu dawn il-ħtiġijiet ta' vjaġġar u jiġu offruti, fejn ikun possibbli, modi ta' vjaġġar li jaħlu inqas enerġija;

Perspettiva tal-konsumatur aktar ċara fl-implimentazzjoni tal-politika tal-enerġija

33.

jitlob, għalhekk, li l-UE tirsisti biex l-inivjattivi bbażati fuq is-suq, li joħolqu r-riskju li jiġu sfruttati l-konsumaturi vulnerabbli tal-enerġija, ikunu dejjem akkumpanjati minn miżuri tal-politika soċjali fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali sabiex it-taxxi, l-imposti u t-tariffi u b'hekk il-prezzijiet tal-enerġija jinżammu kemm jista' jkun baxxi matul il-katina kollha tal-valur mill-produtturi sal-konsumaturi tal-enerġija;

34.

jappella wkoll li l-konsumaturi ma jkunux imġiegħla jħallsu prezzijiet mhux xierqa, pereżempju minħabba ż-żieda fl-imposti fuq l-enerġija rinnovabbli, speċjalment meta ħafna drabi ma titpoġġiex enerġija rinnovabbli fin-netwerk. U lanqas m'għandhom jintalbu jikkumpensaw għall-profitti li jitilfu l-industriji li jużaw ħafna enerġija minħabba, fost affarijiet oħra, li l-produzzjoni titwaqqaf sabiex tiġi protetta l-infrastruttura tan-netwerk;

Flimkien mal-esiġenza li l-konsumaturi vulnerabbli ma jispiċċawx mingħajr provvista tal-enerġija għandhom jittieħdu l-miżuri li ġejjin:

35.

jipproponi, għalhekk, li jiġu implimentati programmi li jtejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-bini għall-konsumaturi vulnerabbli, sabiex l-ispejjeż tal-enerġija jonqsu għal żmien twil (pereżempju permezz tal-ħolqien ta' pjan ta' finanzjament għall-immodernizzar tat-teknoloġija użata fis-sistemi tat-tisħin distrettwali u tal-elementi kollha li jipproduċu jew jittrasformaw l-enerġija fi sħana jew it-titjib tal-iżolament tal-bini). Flimkien ma' dawn il-programmi għandu jkun hemm ukoll appoġġ għall-faċilitajiet tal-produzzjoni tal-enerġija li jkunu maħsuba l-aktar għall-użu individwali (ilma sħun permezz ta' pannelli solari termiċi, elettriku permezz ta' pannelli fotovoltajċi żgħar). B'dan il-mod, minbarra li tonqos id-domanda għall-enerġija, tiġi prodotta wkoll l-enerġija rinnovabbli u dan inaqqas id-dipendenza mill-karburanti fossili li ħafna minnhom ikunu importati;

36.

iħeġġeġ li jiġu implimentati minnufih programmi li jipprovdu pariri dwar l-enerġija u li jappoġġjaw il-miżuri għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija li finanzjarjament mhumiex għaljin iżda li għandhom effett tajjeb (bħall-adattament tal-imġiba, l-użu ta' tagħmir effiċjenti fl-użu tal-enerġija jew l-issiġillar tal-bibien u t-twieqi) u jiġi previst appoġġ speċifiku għall-familji li jinsabu f'sitwazzjoni ta' faqar enerġetiku;

37.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li għandu jiġi żgurat li l-aċċess għall-enerġija rinnovabbli prodotta permezz ta' installazzjonijiet għall-awtoproduzzjoni tal-enerġija, kemm dawk individwali kif ukoll dawk kollettivi u reġjonali, ikun iżjed faċli u rħis minn dak tal-enerġija importata. Jeħtieġ li jiġi previst qafas legali ġenerali li jiggarantixxi li l-popolazzjoni lokali tkun tista' tibbenefika minn proġetti tal-produzzjoni tal-enerġija mnedija u operati mir-residenti;

38.

jitlob li jingħata appoġġ soċjali għad-djar milqutin mill-faqar enerġetiku (jiġifieri li jħallsu aktar minn 10 % tad-dħul tagħhom għall-elettriku u t-tisħin), iżda fl-istess ħin dawn id-djar għandhom jiġu mħeġġa jużaw l-enerġija b'mod iżjed effiċjenti;

39.

jipproponi wkoll li jittieħdu miżuri oħra ta' appoġġ, bħat-“tariffi tas-salvataġġ” (“lifeline tariffs”), li joffru rati aktar baxxi għall-inqas fil-każ tal-enerġija bażika meħtieġa, sabiex jiġu evitati l-iżvantaġġi finanzjarji għall-konsumaturi foqra li ftit jużaw enerġija;

40.

jappoġġja l-isforzi biex jiġi introdott limitu massimu għaż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija bil-għan li jingħeleb il-faqar enerġetiku u li l-prezzijiet tal-enerġija għat-tisħin jinżammu taħt il-livell tal-karburanti fossili, biex b'hekk tiġi ffaċilitata l-bidla mill-enerġija tat-tisħin ġenerata bil-bojlers tal-gass, iż-żejt jew il-faħam lejn l-impjanti tal-koġenerazzjoni tal-elettriku u s-sħana jew lejn l-inċineraturi tal-bijomassa jew il-pompi tas-sħana effiċjenti ħafna fil-livell lokali, li lkoll jistgħu jiġu operati bl-enerġija rinnovabbli reġjonali;

41.

jemmen li l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex min jaqla' ftit flus, bħalma jiġri fil-każ tal-ħelsien mit-taxxa fuq ix-xogħol, ma jħallasx taxxa fuq l-enerġija jew inkella jħallas biss taxxa żgħira.

Brussell, 2 ta' April 2014

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


7.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 174/19


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Linji Gwida ġodda għall-Għajnuna mill-Istat fil-Qasam tal-Enerġija

2014/C 174/05

Relatur

is-Sur Gusty Graas (LU/ALDE), Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Bettembourg

Dokument ta' referenza

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali dwar il-qasam Ewropew tal-enerġija

1.

ifakkar li skont it-tbassir tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, il-konsum tal-enerġija fuq livell globali ser jikber b'terz sal-2035, prinċipalment minħabba żieda fid-domanda tal-pajjiżi industrijalizzati l-ġodda;

2.

jenfasizza li s-suq tal-enerġija għaddej minn bidla importanti, fejn produtturi ġodda tal-gass naturali qegħdin jidħlu fis-suq u l-produzzjoni tal-enerġiji rinnovabbli qed tiżviluppa ħafna f'bosta Stati Membri. Għalhekk hemm bżonn li l-linji gwida għall-għajnuna mill-Istat jiġu adattati sabiex l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea fl-2014 ikollhom regoli preċiżi dwar il-politika tagħhom tas-sussidji fil-qasam tal-enerġija. Din iċ-ċarezza hija essenzjali sabiex l-investituri jkunu jistgħu jipproċedu bil-proġetti tagħhom.

3.

jindika li fl-Unjoni Ewropea l-għanijiet proposti mill-Kummissjoni fil-“Qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu ta' bejn l-2020 u l-2030” għandhom ikunu f'sinerġija mar-riżorsi differenti u l-interessi li xi kultant ikunu diverġenti skont l-Istati Membri;

4.

ifakkar li l-kompetizzjoni u l-eżistenza ta' suq ħieles f'rabta mal-enerġija mhumiex għanijiet fihom infushom iżda mezzi biex jinkisbu l-għanijiet superjuri tal-Unjoni Ewropea kif definiti fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

5.

jissuġġerixxi fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali tat-28 ta' Jannar 2014 fil-Kawża C-573/12 Ålands Vindkraft li l-Kummissjoni Ewropea tipposponi l-preżentazzjoni tal-linji gwida ġodda tagħha għal wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Tabilħaqq, l-Avukat Ġenerali jipproponi li l-Qorti tiddikjara invalidu l-Artikolu 3§ 3 tad-Direttiva 2009/28 li, fil-kuntest ta' sistema nazzjonali ta' elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli, tippermetti li tirriżerva l-għoti ta' ċertifikati tal-elettriku lill-produtturi tal-elettriku nadif stabbiliti fl-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, l-invalidazzjoni ta' dan il-mezz ikun iqiegħed f'dubju b'mod fundamentali l-arkitettura tal-iskemi ta' għajnuna għall-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli f'ħafna Stati Membri u jkunu linji gwida probabbilment deċidwi jekk dawn kienu ppreżentati qabel ma ngħatat is-sentenza u tinħoloq inċertezza legali;

6.

jaqbel mal-għanijiet tal-politika tal-klima u l-enerġija tal-UE, kif stabbiliti, pereżempju, fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli 2009/28/KE. L-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali żviluppaw regolamenti u miżuri biex iwettqu dawn l-għanijiet tal-politika tal-klima u l-enerġija sal-2020. Il-linji gwida l-ġodda għall-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-ambjent u l-enerġija m'għandhomx jostakolaw dawn l-għanijiet ferm stabbiliti u r-regolamenti u l-miżuri adottati għat-twettiq tagħhom;

7.

jisħaq, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ bejn, minn naħa waħda, id-diversità ta' sorsi tal-enerġija u mekkaniżmi ta' appoġġ għall-enerġija rinnovabbli u, min-naħa l-oħra, ir-regoli komuni fil-livell tal-UE sabiex jiġi evitat tfixkil tas-suq; għaldaqstant jinsab imħasseb għall-fatt li l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea fid-dokument ta' konsultazzjoni jistgħu jkunu qed jillimitaw wisq il-possibiltajiet ta' divrenzjar, partikolarment f'dak li jirrigwarda l-possibiltà ta' appoġġ għall-produzzjoni sostenibbli ta' enerġija minn sorsi rinnovabbli;

Kummenti dwar l-orjentazzjoni tal-politiki Ewropej li jeżistu fil-qasam tal-enerġija

8.

jirrikonoxxi d-dokument ta' konsultazzjoni dwar l-abbozz ta' linji gwida ġodda ta' Diċembru 2013 dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-ambjent u l-enerġija għall-perjodu 2014-2020; jiddispjaċih ħafna li dan id-dokument jinsab biss f'lingwa uffiċjali waħda tal-Unjoni u li ż-żmien allokat għat-tweġibiet għall-konsultazzjoni fil-fatt tnaqqas għal sitt ġimgħat minflok it-tmien ġimgħat regolari. Għalhekk jibża' li f'dawn il-kundizzjonijiet, id-diversità ta' tweġibiet għall-konsultazzjoni ser tkun baxxa;

9.

jiddispjaċih li d-dokument ta' konsultazzjoni tal-Kummissjoni fl-ebda ħin ma jirreferi għall-Karta Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi tal-Enerġija;

10.

jenfasizza li għandu jiġi adottat aproċċ integrat tal-politiki tal-enerġija u tal-ambjent fil-livell tal-Unjoni Ewropea;

11.

iqis li t-tibdil fil-klima u l-politika tal-enerġija ma jistgħux jiġu indirizzati separatament;

12.

jenfasizza li l-iskema tal-Unjoni Ewropea għan-negozjar ta' emissjonijiet twaqqfet fid-Direttiva 2003/87/CE tat-13 ta' Ottubru 2003 sabiex tiffavorixxi t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra f'kundizzjonijiet ekonomiċi effiċjenti u effettivi. Il-tielet fażi (2013-2020) hija maħsuba biex issaħħaħ is-sistema sabiex jinkiseb tnaqqis ta' 20 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fl-2020 (meta mqabbla mal-livelli tal-1990); iżda jinnota li l-eċċess tal-kwoti ta' emissjonijiet allokati jtellef milli l-mekkaniżmu jkun effikaċi;

13.

jixtieq li l-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat relatati mal-enerġija jikkunsidraw ukoll l-għanijiet stabbiliti għall-2030 u l-għan li jintlaħaq sehem ta' maġġoranza fl-enerġiji rinnovabbli sal-2050;

14.

jinsab konvint li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, iż-żieda fl-effiċjenza fil-qasam tal-enerġija u fil-produzzjoni tal-enerġiji rinnovabbli u t-tnaqqis tal-impronta ambjentali jikkostitwixxu fihom innifishom għanijiet li għandhom interess komuni;

15.

huwa tal-fehma li l-iżvilupp tal-produzzjoni tal-enerġiji rinnovabbli joffri opportunitajiet reali sabiex jiġi mħeġġeġ it-tkabbir ekoloġiku u jinħolqu impjiegi stabbli ġodda;

16.

huwa sodisfatt li l-fondi strutturali u l-investimenti Ewropej qegħdin iqisu iktar l-enerġija, il-klima u l-għanijiet ambjentali;

17.

ifakkar li l-Kummissjoni Ewropea trid li 20 % tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fir-reġjuni żviluppati u 6 % fir-reġjuni inqas żviluppati jkunu investiti fl-effiċjenza fil-qasam tal-enerġija u l-enerġiji rinnovabbli;

18.

jappoġġja l-isforzi li qed tagħmel l-UE fil-livell internazzjonali sabiex iżżomm ir-rwol ta' tmexxija tagħha fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

Kummenti dwar l-opportunità ta' għajnuna mill-Istat fil-qafas tal-politiki tal-enerġija

19.

japprova l-prinċipju li skontu l-għajnuna mill-Istat tkun ġustifikata jekk is-suq waħdu ma jkunx kapaċi jwettaq titjib sostanzjali fil-livell tal-protezzjoni tal-ambjent; huwa jaqbel mal-Kummissjoni li l-għajnuna mill-Istat tista' tkun strument adegwat li bih jitwettqu għanijiet ambizzjużi bħat-tnaqqis tas-CO2;

20.

billi l-ispiża għalja tal-produzzjoni ta' ċerti tipi ta' enerġija rinnovabbli ma tippermettix lill-impriżi li jżommu prezzijiet kompetittivi fis-suq, iqis li f'dawn il-każijiet għajnuna mill-Istat hija ġustifikata, jekk jista' jiġi previst jekk it-teknoloġija użata u s-suq jistgħu jilħqu l-maturità tagħhom. Madankollu, din għandha tiġi koordinata, jekk huwa possibbli, fil-livell tal-Unjoni Ewropea u bejn l-Istati Membri u tirrifletti l-ispeċifitajiet tar-reġjuni differenti;

21.

jappoġġja fil-prinċipju lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha li tintroduċi iktar mekkaniżmi tas-suq fl-allokazzjoni tal-għajnuna u f'dan ir-rigward jirrakkomanda li jiġu involuti l-aġenziji lokali u reġjonali tal-enerġija;

22.

għandu jitqies ukoll li l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-enerġija għandha riperkussjonijiet ekonomiċi u soċjali wkoll fil-livelli reġjonali u lokali. Kemm jista' jkun, ir-riperkussjonijiet, pożittivi u negattivi, fuq perjodu medju u fit-tul għandhom jiġu internalizzati fl-ispiża reali tal-enerġija sabiex tiġi minimizzata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni;

23.

ifakkar li sabiex tkun garantita kapaċità innovattiva aġġornata, l-UE għandha tiffaċilita l-istabbiliment ta' sistema fejn teknoloġiji differenti jikkompetu fis-suq tal-enerġija;

24.

iqis neċessarju li ż-żieda fl-għajnuna mill-Istat issir trasparenti sabiex l-Istati Membri, il-Kummissjoni, l-atturi ekonomiċi, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u ċ-ċittadini jkollhom aċċess għall-informazzjoni neċessarja;

Proposti konkreti: l-orjentazzjoni ġenerali tal-politiki Ewropej fil-qasam tal-enerġija

25.

josserva li s-sussidji li jiffavorixxu l-karburanti fossili għandhom jinqatgħu fuq perjodu qasir billi dawn ifixklu l-kompetizzjoni u jirriżultaw fi spejjeż ambjentali konsiderevoli;

26.

billi l-estrazzjoni tal-gass u ż-żejt tax-shale bil-fratturazzjoni idrawlika hija teknika kontroversjali iżda li dis-sena ċerti pajjiżi ser jibdew l-ewwel estrazzjoni kummerċjali tagħhom, iqis li ma tistax tiġi evitata riflessjoni dwar l-għajnuna mill-Istat fuq dan il-livell;

27.

huwa tal-fehma li l-linji gwida għall-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-enerġija m'għandhomx jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi li jippermettu l-għajnuna mill-Istat għall-enerġija nukleari; fl-istess waqt il-prinċipji tas-suq għandhom japplikaw għal din it-teknoloġija wkoll;

28.

jiġbed l-attenzjoni għas-sorsi kollha tal-enerġija rinnovabbli b'mod partikolari l-enerġija mir-riħ, ix-xemx, ġeotermika, idroelettrika, il-bijomassa, il-gass mill-miżbliet, l-ilma tal-iskart u l-bijogass li jużaw l-awtoritajiet lokali u reġjonali u li dawn jirrikjedu attenzjoni partikolari. Il-produzzjoni tal-bijokarburanti tista' tiġi appoġġjata sakemm dawn jirrispettaw il-kriterji tas-sostenibbiltà ambjentali hekk kif inhuma previsti fid-dispożizzjonijiet komunitarji;

29.

jenfasizza li l-elettriku prodott minn impjanti idrawliċi jista' jikkontribwixxi għall-ħżin u l-bilanċ tan-netwerks u sakemm jiġi żgurat ir-rispett tal-kriterji relatati tas-'sostenibbiltà';

30.

jistaqsi jekk ir-referenza speċifika għat-teknoloġija tal-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju hijiex tassew kompatibbli mal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika li titkellem dwaru fuq kollox il-Kummissjoni;

31.

huwa tal-fehma li l-Unjoni Ewropea għandha tistabbilixxi qafas legali komuni għal użu iktar razzjonali tal-enerġiji u appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli;

32.

fil-livell tal-UE jitlob għal iktar effiċjenza fil-qasam tal-enerġija, sehem akbar mill-enerġiji rinnovabbli; taħlita aħjar tal-enerġiji kif ukoll qafas regolamentari li jippermetti li l-atturi jkollhom kundizzjonijiet iktar ekwi;

33.

jirreferi għad-diffikultà biex ikun hemm koerenza bejn, minn naħa, il-qafas legali tal-kompetittività fil-livell tal-UE, fejn l-UE għandha kompetenza esklużiva, u min-naħa l-oħra, il-prinċipji fundamentali tal-politika tal-enerġija tal-UE, definiti b'mod partikolari fl-Artikolu 194 tat-TFUE u li jipprevedu responsabbiltà kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri b'kunsiderazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u r-rwol importanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, speċjalment tal-aġenziji lokali u reġjonali tal-enerġija;

34.

huwa konxju li r-riskji li jinqata' d-dawl għadhom jeżistu. Għalhekk il-KtR ma jistax jinjora l-fatt li biex tiġi garantita l-kontinwità tal-provvista tal-elettriku għandha tiġi permessa ċerta għajnuna pubblika, l-ewwel nett għall-implimentazzjoni ta' netwerks tal-enerġija intelliġenti li jippromovu l-flessibbiltà tal-produzzjoni u tal-konsum tal-enerġija deċentralizzata, it-tieni nett għall-implimentazzjoni ta' ħżin li huwa effiċjenti fl-użu tal-enerġija u fl-aħħar nett għall-bini ta' impjanti flessibbli ddedikati għall-funzjonijiet ta' bbilanċjar li jirrispettaw il-ħtiġiet ambjentali u tal-klima. Madanakollu dawn l-impjanti hekk imsejħa ''ta' riżerva'', li jistgħu jirrikjedu kumpens fil-forma ta' għajnuna mill-Istat, ma jistgħux jikkompetu mal-enerġiji rinnovabbli u għandhom jiddisponu mill-iktar teknoloġiji moderni sabiex il-produzzjoni tas-CO2 tagħhom titnaqqas kemm jista' jkun possibbli. Il-KtR iqis li l-bini ta' impjanti ġodda tal-karbonju m'għandux jibbenefika minn għajnuna mill-Istat. Qabel ma jitqiesu l-kapaċitajiet ta' riżerva, il-KtR jirrakkomanda li l-konsumaturi jingħataw iktar inċentivi biex jużaw l-elettriku f'ħinijiet ta' inqas domanda. Il-Kummissjoni tqis li hemm marġni ta' flessibbiltà ta' 10 %;

35.

bl-użu tal-arloġġi intelliġenti u t-tagħmir terminali marbut mal-internet tista' tkompli tavvanza s-sinkronizzazzjoni tad-domanda u l-provvista tas-suq tal-elettriku. L-iffrankar li jsir f'termini ta' spejjeż ta' ħżin min-naħa tal-provvedituri tas-servizz jista' jkompli jnaqqas l-ispejjeż tal-elettriku għall-konsumatur aħħari;

Proposti konkreti: mezzi ta' appoġġ fil-qasam tal-enerġija

36.

iqis li fil-prinċipju, it-taxxi ekoloġiċi jistgħu jkunu strument adatt għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2; madanakollu, huwa tal-fehma li f'ċerti ċirkustanzi, it-taxxi ekoloġiċi jirriskjaw li jolqtu lill-kompetittività tal-intrapriżi u għalhekk l-eżenzjoni minn taxxi bħal dawn tista' ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħhom. Għandhom għalhekk jiġu evitati eżenzjonijiet li jistgħu jolqtu l-kompetizzjoni bejn il-pajjiżi jew ir-reġjuni b'mod partikolari jekk min-naħa l-oħra jwasslu għal taxxa ogħla għal ċerti gruppi ta' utenti jew għas-soċjetà kollha. Alternattivi għat-taxxi, jew eżenzjonijiet mit-taxxa għalhekk jeħtieġu regoli u restrizzjonijiet li japplikaw għall-parteċipanti kollha tas-suq, li jipproteġu l-ambjent li jkunu kemm kapaċi joħolqu aktar sensibilizzazzjoni dwar il-kwistjonijiet ambjentali kif ukoll inaqqsu l-impatt negattiv fit-tul tal-impronta ekoloġika;

37.

jammetti li l-introduzzjoni ta' taxxi ambjentali fuq prodotti partikolari hija possibbli l-iktar jekk is-suq ikollu l-possibbiltà ta' prodotti alternattivi b'inqas konsegwenzi negattivi fuq l-ambjent b'mod li l-konsumatur ikollu ċertu għażla;

38.

jitlob li fl-għoti tal-għajnuna l-Istati Membri jkunu jistgħu jqisu iktar il-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni tagħhom inklużi karatteristiċi ta' natura klimatika, demografika u kulturali, speċjalment fil-każ tar-reġjuni l-inqas żviluppati sabiex ma jiqafx l-iżvilupp tagħhom fil-qasam tal-enerġija. Huwa indispensabbli li jiġi garantit ħarsien iktar komprensiv minn dak preżenti tal-proġetti li jkunu diġà twettqu. Fis-sejħiet għall-offerti u l-kummerċjalizzazzjoni diretta għandhom jitqiesu wkoll il-kundizzjonijiet speċifiċi tal-kooperattivi tal-enerġija taċ-ċittadini u tal-investituri privati ż-żgħar. F'dan il-kuntest l-Istati Membri għandu jkollhom il-flessibbiltà adatta;

39.

għal din ir-raġuni jinsab imħasseb li l-proposti tal-Kummissjoni ser jillimitaw is-sistema ta' tariffi fissi għall-enerġija rinnovabbli għall-impjanti żgħar ħafna jew għal kwantitajiet minimi ta' enerġija li, f'ħafna Stati Membri jintużaw biex jippromovu l-enerġija rinnovabbli għat-twettiq tal-għanijiet tal-klima, u li tiġi applikata definizzjoni riġida tat-teknoloġiji ''lesti għas-suq'' f'termini tas-sehem tagħhom fis-suq Ewropew. Din id-definizzjoni ma tirriflettix is-sitwazzjonijiet differenti fl-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom u thedded l-iżvilupp tal-potenzjal għall-enerġija sostenibbli;

Proposti konkreti: orjentazzjoni futura għall-opportunitajiet ta' għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-enerġija

—   Mekkaniżmi tas-suq

40.

jinnota li sabiex nibnu suq li jaħdem tajjeb, hemm bżonn li tiġi garantita varjetà ta' provvedituri tal-enerġija, peress li d-diversifikazzjoni mhux biss ser tiżgura l-kontinwità tal-produzzjoni u l-konsum tal-enerġija, iżda ser tiffacilita wkoll, permezz tal-kompetizzjoni bbażata fuq is-suq, l-użu tat-teknoloġiji ġodda;

41.

jappoġġja l-approċċ tal-Kummissjoni li jitlob li qabel ma jitfassal mekkaniżmu ta' għajnuna pubblika, il-gvernijiet għandhom l-ewwel janalizzaw il-kawżi tal-inadegwatezza tal-produzzjoni tal-enerġija u fil-każijiet fejn jeżistu, jeliminaw id-distorsjonijiet li jfixklu lis-suq milli joffri inċentivi għal investiment fil-kapaċitajiet tal-produzzjoni;

42.

iqis li jkun xi jkun il-metodu li jintgħażel, il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika m'għandu qatt ifixkel il-ksib tal-għanijiet tal-ambjent u l-enerġija;

—   Inizjattivi reġjonali u lokali

43.

iqis li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jużaw ċertu ammont ta' diskrezzjoni biex ikunu jistgħu jiffinanzjaw proġetti fejn fil-perjodu qasir, il-kummerċjalizzazzjoni mhix faċli iżda li jiddisponu minn teknoloġija interessanti li tista' twassal għal użu iktar effiċjenti tal-enerġija u anki għal livell iktar għoli tal-protezzjoni tal-ambjent;

44.

huwa tal-fehma li l-kooperattivi li jiffurmaw iċ-ċittadini fil-livell lokali u reġjonali sabiex jippromovu aktar l-enerġiji rinnovabbli għandhom jingħataw attenzjoni partikolari, l-ewwelnett billi dawn jipprovdu enerġija addizzjonali u t-tieni nett billi huma sors ta' sensibilizzazzjoni dwar l-użu razzjonali tal-enerġija, jiġifieri għandhom effett edukattiv konsiderevoli. Dan huwa inċentiv li għandu jgħodd bħala aspett estern pożittiv u għandu jitqies mis-suq; il-linji gwida ġodda għall-għajnuna mill-Istat għandhom għalhekk iħallu lok għal perspettivi ta' żvilupp għall-impjanti tal-enerġija tal-kooperattivi;

45.

jipproponi li jiġu rispettati l-karatteristiċi soċjoekonomiċi speċifiċi tan-netwerks iż-żgħar li l-metodu tas-sejħa għall-offerti li jużaw l-Istati Membri mhuwiex adegwat għalihom billi ma jiggarantixxix kundizzjonijiet tad-dħul ugwali għall-parteċipanti;

46.

jieħu nota b'sodisfazzjoni tal-estensjoni proposta għall-eżenzjonijiet (GBER) fejn tidħol għajnuna għall-inizjattivi tat-tisħin urban u titjib fl-effiċjenza enerġetika tal-bini;

47.

fil-qasam tal-għajnuna, jappella għal kundizzjonijiet partikolari li jippermettu t-taħriġ tal-persunal billi jingħata appoġġ tekniku u pariri lill-awtoritajiet lokali u reġjonali;

48.

iħeġġeġ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini mhux biss fid-dibattitu dwar l-ambjent u l-enerġija iżda anki f'inizjattivi konkreti ta' produzzjoni, b'mod partikolari permezz ta' kooperattivi;

49.

għandu r-riservi tiegħu fir-rigward tal-għan tal-Kummissjoni li minflok is-sistema tat-tariffa feed-in tal-elettriku mill-enerġiji rinnovabbli fejn il-produtturi tal-elettriku ekoloġiku jirċievu prezz fiss għal kull kwH, ikun hemm primjums feed-in. Il-kunfidenza leġittima tal-investituri fir-rigward tal-profitt mill-investimenti li jeżistu għandha tiġi rispettata sabiex jiġi garantit l-impenn tagħhom fuq perjodu twil. Għalhekk jitlob li fid-19-il Stat Membru li għandhom din l-għażla, ikun jista' jinżamm il-mudell ta' tariffa garantita;

50.

jitlob li l-limiti ta' eliġibbiltà għall-installazzjonijiet tal-produzzjoni tal-enerġiji alternattivi li ser jidħlu fis-suq għall-ewwel darba u għall-installazzjonijiet iż-żgħar, jiżdiedu għal 5MW u għall-installazzjonijiet tal-enerġija mir-riħ jiżdiedu għal 15 MW;

51.

proċess amministrattiv kumpless għall-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-għajnuna mill-Istat jista' jinvolvi spejjeż addizzjonali b'mod partikolari għall-inizjattivi fuq livell żgħir;

52.

jilqa' l-fehma tal-Kummissjoni li fil-futur tappoġġja wkoll l-użu tal-bijomassa iktar u iktar billi bosta awtoritajiet lokali u reġjonali jiddisponu minn impjanti bħal dawn u dan iwassal għall-impjiegi għal kull MW installat. Barra minn hekk jissuġġerixxi li jiġi previst appoġġ legali u finanzjarju għall-inizjattivi intraprenditorjali pubbliċi u privati għall-użu sostenibbli tal-foresti bil-għan li jkun hemm bijomassa ta' kwalità;

—   Infrastruttura

53.

huwa favur il-fehma tas-CEDEC (European Federation of Local Energy Companies) li jiġu faċilitati l-investimenti fit-teknoloġiji intelliġenti ta' distribuzzjoni fil-livell tan-netwerks tal-elettriku billi dawn jiffavorixxu użu effiċjenti tal-enerġija mill-konsumatur finali. Fl-istess waqt dawn l-investimenti fl-infrastruttura tal-enerġija jiżguraw is-sigurtà tal-provvista;

54.

iqis li l-Istati Membri, il-muniċipalitajiet u r-reġjuni għandhom jiżviluppaw jew itejbu sistema li għandha l-għan li tiffaċilita l-investiment biex tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, pereżempju permezz ta' sussidji għall-iżolazzjoni tal-ħitan esterni ta' post, l-iżolazzjoni termali bejn ħajt u l-art jew żona mhux imsaħħna ta' dar, l-iżolazzjoni termali ta' saqaf immejjel jew ċatt ta' post, l-iżolazzjoni termali tal-kamra li tmiss mal-kamra ta' fuq nett li mhix imsaħħna, l-istallazzjoni ta' twieqi u bibien ġodda ta' post u ta' kolletturi solari termali u fotovoltajċi, l-installazzjoni ta' sistema ta' tisħin ċentrali li taħdem bil-laqx tal-injam (pellets) jew biċċiet kbar tal-injam, l-installazzjoni ta' ventilazzjoni kkontrollata bl-irkupru tas-sħana, l-installazzjoni ta' soluzzjonijiet tal-enerġija bbażati fuq ix-xjenza ġeotermali u l-installazzjoni ta' pompa tas-sħana;

55.

ifakkar li l-koġenerazzjoni tas-sħana u tal-elettriku hija l-iktar mezz effiċjenti għall-produzzjoni simultanja tal-elettriku u tas-sħana. Għalhekk il-KtR jappella lill-awtoritajiet lokali u reġjonali li jinvestu fil-koġenerazzjoni. L-awtoritajiet lokali li jinvestu f'impjant ta' koġenerazzjoni b'livell għoli ta' effiċjenża għandhom ikunu eliġibbli għall-għajnuna;

56.

jilqa' l-idea li l-linji gwida minn issa 'l quddiem ser jippromovu l-użu tas-sussidji pubbliċi għall-infrastrutturi transkonfinali tal-enerġija jew l-implimentazzjoni ta' proġetti li jikkontribwixxu għall-koeżjoni reġjonali;

—   Riċerka u żvilupp

57.

iqis li għandha tingħata għajnuna wkoll għall-istudji ambjentali li jwettqu l-awtoritajiet lokali u reġjonali f'dawn l-oqsma: il-qbiż tal-istandards komunitarji u żieda fil-livell tal-protezzjoni ambjentali fl-assenza ta' dawn in-normi; jitlob li fil-każ ta' għajnuna għal studji mhux relatati direttament mal-investimenti bħal studji dwar għajnuna għall-bini ekoloġiku jew id-disinn ekoloġiku, tista' tingħata għajnuna fil-qafas tal-iskema de minimis. Bl-istess mod, il-Kummissjoni Ewropea għandha timplimenta programmi speċifiċi li jippromovu r-riċerka applikata u l-iżvilupp teknoloġiku li fihom jipparteċipaw b'mod konġunt l-intrapriżi tas-settur enerġetiku, l-universitajiet u ċ-ċentri ta' riċerka;

58.

jemmen li l-universitajiet u ċ-ċentri ta' riċerka iċ-ċentri teknoloġiċi u l-aġenziji tal-enerġija għandhom jaqdu rwol konsiderevoli fir-riċerka dwar l-użu ta' teknoloġiji ġodda fil-qasam tal-enerġija. Sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet, jeħtieġ li jkun hemm il-fondi adegwati;

59.

iqis li minħabba l-ispejjeż kbar tar-riċerka u l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli u t-teknoloġiji għall-effiċjenza għolja fl-użu tal-enerġija, li għadhom relattivament reċenti, u n-nuqqas ta' internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tal-produzzjoni tal-enerġija mill-karburanti fossili li tirriżulta mill-prezzijiet attwali taċ-ċertifikat tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, hemm bżonn ta' sistema ta' qsim tal-ispejjeż li tippromovi l-investiment f'dawn it-teknoloġiji;

Proposti konkreti: proċedura ta' attribuzzjoni tal-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-enerġija

60.

jitlob li l-benefiċjarji lokali u reġjonali jiġu involuti fit-tfassil tal-forom ta' għajnuna;

61.

huwa favur semplifikazzjoni amministrattiva mil-lat tal-għoti ta' sussidji mill-Istat;

62.

jitlob garanzija ta' trasparenza fid-deċiżjonijiet kollha li jittieħdu fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat dwar l-enerġija u li jiġu evalwati l-vantaġġi differenti li jistgħu jinkisbu mill-użu tal-miżuri definiti għall-għoti tal-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk jeħtieġ li jiġi verifikat li ma jkunx hemm azzjonijiet doppji li jiġu finanzjati taħt sistemi differenti.

Brussell, 2 ta' April 2014

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCARCEL SISO


III Atti preparatorji

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-106 Sessjoni Plenarja tat-2 u t-3 ta’ April 2014

7.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 174/25


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi

2014/C 174/06

Relatur

Is-Sur Sanz Alonso (ES/PPE), President tal-Gvern ta’ La Rioja

Dokument ta' referenza

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi

COM(2013) 812 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kuntest ġenerali

1.

jilqa' b'sodisfazzjon u b'mod pożittiv ħafna l-Proposta għal Regolament tal-Kummissjoni Ewropea għax dan juri l-interess tagħha f'azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni tal-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi u b'mod speċjali għax tipproponi qafas ġdid li jappoġġja u jħeġġeġ miżuri ta' informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli Ewropej kemm fi ħdan il-fruntieri tagħna kif ukoll barra minnhom;

2.

jemmen li l-azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni tal-prodotti agrarji fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi huma ta' importanza partikolari biex is-settur agrikolu jkun jista' jaffronta l-għadd kbir ta' sfidi fi żmien ta' kompetizzjoni li qed tikber, u biex jiffaċilitaw il-ftuħ tas-swieq, biex b'hekk tissaħħaħ il-preżenza ta' dawn il-prodotti, peress li l-produtturi agrikoli Ewropej qed jaffrontaw l-isfida tal-ftuħ tal-fruntieri u l-globalizzazzjoni tas-swieq;

3.

jemmen li din il-proposta għal azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli ser toffri lill-konsumaturi fil-livell Ewropew u dinji l-possibbiltà li jsiru jafu aktar dwar il-kwalità u l-istandards għoljin tal-produzzjoni tal-UE, billi tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel u l-protezzjoni tal-ambjent, u permezz ta' dan tinbena l-fiduċja fil-prodotti li jixtru u jikkonsmaw. Dan jista' jwassal għal rendiment aħjar għall-produtturi billi jiżdied il-valur tal-produzzjonijiet agrikoli Ewropej;

4.

jaħseb li s-settur agrikolu Ewropew huwa essenzjali għall-iżvilupp tal-ekonomiji lokali u reġjonali, peress li jikkontribwixxi b’mod sinifikanti ħafna għall-ħolqien tal-impjieg u biex in-nies ikunu jistgħu jibqgħu fit-territorju u jiżviluppaw fih, fid-dawl tal-fatt li l-produzzjoni u l-ipproċessar huma marbutin mill-qrib mat-territorji. Din id-dimensjoni reġjonali għandha tibqa' element fundamentali biex jintlaħaq l-għan li t-territorji Ewropej jiżviluppaw b'mod bilanċjat;

5.

itenni li r-reġjuni għandhom bżonn ta’ politika ta’ promozzjoni ambizzjuża u effikaċi li tenfasizza l-kwalità u kemm huma tipiċi l-prodotti agrikoli. Dawn il-prodotti jiffurmaw il-patrimonju kulturali u gastronomiku tal-Unjoni Ewropea u jirrappreżentaw ukoll element essenzjali tal-ħajja ekonomika u soċjali ta’ bosta reġjuni Ewropej, u b’hekk jassiguraw attivitajiet marbutin direttament mat-territorji, speċjalment fiż-żoni rurali;

6.

jirrakkomanda li tingħata attenzjoni partikolari lill-grupp ta' prodotti agrikoli li jiġu prodotti speċifikament b'ingredjenti tradizzjonali u li jiġu pproċessati b'mod li huwa speċifiku għal reġjun partikolari;

Iż-żieda gradwali u sinifikattiva tal-allokazzjoni tal-baġit

7.

iż-żieda fl-allokazzjoni tal-baġit għal din l-azzjoni huwa essenzjali għax ġie propost it-twessigħ tal-benefiċjarji u tal-lista tal-prodotti eliġibbli, u barra minn hekk żdiedet il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni fid-diversi programmi;

8.

huwa tal-fehma li l-ftehimiet bilaterali li qed jiġu negozjati ma' pajjiżi terzi bħall-Kanada, l-Istati Uniti, il-Mercosur u ftehimiet oħra ta' assoċjazzjoni joħorġu fid-dieher il-fatt li l-azzjonijiet ta' promozzjoni u informazzjoni ser ikunu dejjem aktar meħtieġa, kemm fis-suq intern kif ukoll fil-pajjiżi terzi, biex il-prodotti Ewropej ikunu kompetittivi;

9.

jisħaq li jistgħu jkomplu jiġu finanzjati azzjonijiet ta' promozzjoni u informazzjoni fis-suq intern, biex l-Ewropa tibqa' kompetittiva, tal-inqas għal prodotti koperti minn skemi ta' produzzjoni rikonoxxuti jew tal-agrikoltura organika;

10.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-riforma tal-PAK approvata għandha rabtiet mal-politika kummerċjali Ewropea, u fil-livell dinji, l-Unjoni Ewropea trid tikkontribwixxi għas-sigurtà dinjija tal-ikel kif ukoll għall-politika kummerċjali internazzjonali. Dan jiggarantixxi li, fil-qafas tad-WTO, il-produzzjoni agrikola tal-Unjoni ssir taħt kundizzjonijiet ekwi;

Nikkonċentraw l-azzjonijiet ta' promozzjoni fil-pajjiżi terzi

11.

iqis li l-allokazzjoni ta' 75 % tal-baġit previst għall-azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni fil-pajjiżi terzi jista' jittraskura lis-suq intern, li huwa s-suq ewlieni għall-prodotti Ewropej u fejn il-produtturi jridu jaħdmu ħafna biex jibqgħu kompetittivi u jaffrontaw il-kompetizzjoni li qed iħabbtu wiċċhom magħha bid-dħul ta' prodotti minn pajjiżi terzi;

12.

jappella lill-Kummissjoni biex ma tistabbilixxi l-ebda għan a priori dwar il-persentaġġ tal-fondi previsti għall-azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli tal-Unjoni f'pajjiżi terzi, għax trid tingħata l-istess importanza kemm lis-suq intern kif ukoll lil dak ta' dawn il-pajjiżi;

Żieda fl-użu tal-marki u l-oriġini tal-prodotti

13.

jaqbel mal-inizjattiva tal-użu ta' marki u referenzi għall-oriġini tal-prodotti agrikoli, għax il-viżibbiltà tal-marki kummerċjali bħala parti minn promozzjoni ġenerika ser ittejjeb il-possibbiltajiet ta' finanzjament u interess għall-benefiċjarji, bil-kundizzjoni li jinżamm il-bilanċ, speċjalment fis-suq intern tal-Unjoni Ewropea;

14.

jappoġġja l-idea tal-Kummissjoni li għall-iskemi ta' kwalità jintużaw il-logos uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, iżda jitqies li l-isem tar-reġjun huwa marbut mill-qrib mal-messaġġ ġenerali li jrid jikkomunika l-karatteristiċi intrinsiċi tal-prodotti u għaldaqstant trid tintwera b'mod ċar l-oriġini ġeografika tal-prodott;

15.

jinnota li l-iskemi ta' kwalità rikonoxxuti fil-livell Ewropew qed jinfirxu u qed jiġu rikonoxxuti dejjem aktar fl-Ewropa, biex tiġi ssodisfata d-domanda dejjem tikber għall-ikel min-naħa tal-konsumaturi Ewropej, speċjalment l-interess għall-prodotti lokali, ta' kwalità tajba u li jirrispettaw l-istandards esiġenti tal-UE dwar is-sigurtà tal-ikel u l-protezzjoni tal-ambjent. Jenfasizza li l-prodotti koperti mill-iskemi ta' kwalità rikonoxxuti huma importanti ħafna fis-suq intern u għaldaqstant iridu jinżammu u jissaħħu;

16.

jitlob lill-Kummissjoni biex id-dispożizzjonijiet tal-implimentazzjoni jkunu jistgħu jiġu definiti b'atti ta' implimentazzjoni. Barra minn hekk, iqis li l-aġenziji ta' promozzjoni jistgħu jikkoordinaw, u saħansitra jimplimentaw, azzjonijiet kollettivi ta' raggruppamenti ta' produtturi fir-reġjuni tagħhom;

17.

jemmen li s-sinerġiji pożittivi bejn il-prodotti reġjonali differenti jistgħu jwasslu biex itejbu l-ġid ta' kull reġjun Ewropew. Għaldaqstant huma sorsi importanti ta' dħul għar-reġjuni u ta' servizzi ta' kwalità għolja marbutin mal-identità tat-territorju u mal-patrimonju. Dan ser jgħin biex tittejjeb il-kwalità taż-żoni b'rabta mal-prodotti agrikoli reġjonali, b'kontribut pożittiv għall-ħolqien tal-impjieg, partikolarment f'żoni fraġli, billi joffru opportunitajiet ġodda kemm fis-swieq lokali kif ukoll dawk internazzjonali;

Twessigħ tal-benefiċjarji u tal-lista tal-prodotti eliġibbli

18.

jaqbel li jingħata rwol prominenti lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi tas-setturi kollha, billi jingħataw dettalji dwar ir-rekwiżiti li jistgħu jiġu applikati għal dawn l-organizzazzjonijiet biex ikunu jistgħu jirrappreżentaw lis-setturi kollha;

19.

jitlob li fl-organizzazzjonijiet tal-produtturi tingħata attenzjoni partikolari lill-SMEs, bil-kundizzjoni li dawn jiffukaw l-azzjonijiet ta' promozzjoni fuq skemi ta' kwalità rikonoxxuti. L-SMEs huma l-aktar tip ta' negozju komuni fit-territorju reġjonali Ewropew kollu u jirrappreżentaw b'mod wiesa' lill-industrija agroalimentari Ewropea;

20.

jaqbel li kull prodott li jkun ġej mill-UE għandu jibbenefika mill-azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni fis-suq intern u tal-pajjiżi terzi, ħlief it-tabakk. Għandha tingħata prijorità lill-azzjonijiet proposti għal prodotti li jikkontribwixxu għal dieta bilanċjata u lill-azzjonijiet proposti għal prodotti oħrajn li għandhom indikazzjoni ta' kwalità Ewropea distinta;

Il-Kummissjoni tistabbilixxi l-prijoritajiet fi programm ta' ħidma

21.

jilqa' bi pjaċir il-proposta tal-Kummissjoni li tistabbilixxi programm ta' ħidma li jappoġġja l-politika tal-promozzjoni bi strateġiji ċari u definiti tajjeb;

22.

jitlob li jiġi speċifikat kif il-Kummissjoni ser tqis il-prijoritajiet tal-Istati Membri u b'liema mod ser tinkorporahom fil-programm ta' ħidma;

23.

jipproponi li jiġi adottat programm ta' ħidma għal tliet snin, bħalma hu l-każ tal-kampanji ta' promozzjoni attwali, għax dan jippermetti li jitqiesu t-tibdiliet fis-swieq, filwaqt li jkunu jistgħu jsiru aġġustamenti kull sena;

Il-valutazzjoni, l-għażla u l-ġestjoni tal-programmi sempliċi u l-hekk imsejħa “programmi multi”

24.

il-Kumitat iqis li l-valutazzjoni u l-għażla tal-programmi m'għandhomx isiru biss mill-Kummissjoni, iżda li fihom jieħdu sehem anke l-Istati Membri, biex b'hekk ir-reġjuni Ewropej ikunu jistgħu jipparteċipaw, peress li r-reġjuni ser jikkofinanzjaw l-azzjonijiet ta' promozzjoni li finalment inżammu fil-FAEŻR għall-perjodu 2014-2020 (Artikolu 17) taħt arranġamenti pjuttost simili għal dawk tal-azzjoni 133 tal-perjodu 2007-2013;

25.

jappella lill-Kummissjoni tikkunsidra azzjonijiet li jinvolvu lill-Istati Membri u lir-reġjuni – mingħajr ma l-proċess isir diffiċli żżejjed – fil-programm ta' promozzjoni finanzjat mill-Unjoni Ewropea bil-għan li l-azzjonijiet finanzjati minn dan il-programm ikunu kompatibbli mal-istrateġiji reġjonali ta' promozzjoni;

26.

huwa wkoll favur li jinżammu ż-żewġ sejħiet għal proposti permessi taħt ir-regolament attwali, peress li l-applikanti m'għandhomx għalfejn jistennew ħafna żmien biex jerġgħu japplikaw f'każ li l-programmi tagħhom ma jkunux għaddew mill-proċess tal-għażla l-ewwel darba;

Ir-rati ta' kofinanzjament proposti

27.

jaċċetta l-persentaġġi ta' kofinanzjament proposti mill-Kummissjoni u jqis li huma konformi mal-għan li jitħeġġeġ it-tressiq ta' programmi f'pajjiżi terzi u l-programmi multi. Madankollu, jipproponi li, f'każ ta' programmi multi f'pajjiżi terzi, il-kofinanzjament ikun ogħla – 75 %. Dan il-persentaġġ jista' japplika anke għall-SMEs, f'każ ta' programmi ta' interess speċjali;

28.

huwa konxju li l-politika ta' promozzjoni li saret s'issa għenet biex tinkiseb lura l-fiduċja tal-konsumaturi f'sitwazzjonijiet ta' kriżi, iżda l-istrumenti ta' informazzjoni u l-azzjonijiet ta' promozzjoni għandhom ikomplu jkunu flessibbli u effikaċi;

29.

jipproponi li ssir riflessjoni fuq żieda fil-kofinanzjament Ewropew, speċjalment għall-azzjonijiet ta' promozzjoni u informazzjoni f'każijiet ta' kriżijiet agrikoli, bil-għan li ma jinħolqux sitwazzjonijiet diskriminatorji bejn il-produtturi;

30.

jesprimi l-bżonn li fil-Proposta għal Regolament jiġi ċċarat kif huwa previst li tittejjeb il-kapaċità ta' reazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' kriżi biex tkun tista' tittieħed azzjoni malajr u effikaċi;

Il-possibbiltà li l-Istati Membri jiġu esklużi mill-finanzjament tal-programmi

31.

jitlob li l-Istati Membri jitħallew jikkofinanzjaw il-programmi mal-Kummissjoni b'mod volontarju, għax dan jista' jkun neċessarju f'każ ta' setturi produttivi li mhumiex żviluppati ħafna jew b'kapaċità ekonomika baxxa;

Rakkomandazzjonijiet finali

32.

jirrakkomanda lill-Kummissjoni li tagħti rikonoxximent akbar lir-reġjuni Ewropej u lir-rwol fundamentali tagħhom fil-produzzjoni ta' prodotti agrikoli u agroalimentari ta' kwalità, billi tagħmilha aktar faċli li jieħdu sehem fl-għażla tal-programmi;

33.

jirrakkomanda lill-Kummissjoni tiffinanzja l-azzjonijiet ta' promozzjoni fis-suq intern bil-għan li jiżdied il-bejgħ tal-prodotti agrikoli u alimentari li jkunu ġejjin mill-Unjoni Ewropea u li huma koperti minn skemi ta' kwalità rikonoxxuti jew tal-agrikoltura organika tradizzjonali u reġjonali. It-tixrid u l-promozzjoni tal-prodotti tradizzjonali jwasslu għal tibdil fit-tendenzi ta' konsum minħabba l-globalizzazzjoni tas-suq Ewropew.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU L-EMENDI

Emenda 1

Premessa 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(2)

L-għan ta’ dawn l-azzjonijiet huwa li tissaħħaħ il-kompetittività tal-agrikoltura Ewropea, kemm fis-suq intern kif ukoll fil-pajjiżi terzi, billi jiżdied il-livell tal-għarfien tal-konsumaturi dwar il-merti tal-prodotti agrikoli u tal-prodotti alimentari bbażati fuq il-prodotti agrikoli tal-Unjoni kif ukoll billi jinfetħu u jiġu żviluppati swieq ġodda. Dawn jikkomplementaw u jsaħħu b’mod utli l-azzjonijiet mmexxija mill-Istati Membri.

(2)

L-għan ta’ dawn l-azzjonijiet huwa li tissaħħaħ il-kompetittività tal-agrikoltura Ewropea, kemm fis-suq intern kif ukoll fil-pajjiżi terzi, billi jiżdied il-livell tal-għarfien tal-konsumaturi dwar il-merti tal-prodotti agrikoli u tal-prodotti alimentari bbażati fuq il-prodotti agrikoli tal-Unjoni, waqt li jitqiesu l-iskemi ta' kwalità rikonoxxuti fil-livell Ewropew li jagħtu valur miżjud lill-produzzjonijiet Ewropej, kif ukoll billi jinfetħu u jiġu żviluppati swieq ġodda. Dawn jikkomplementaw u jsaħħu b’mod utli l-azzjonijiet mmexxija mill-Istati Membri.

Raġuni

Il-konsumaturi Ewropej ġeneralment ma jkunux jafu dwar ir-regoli u l-istandards għoljin ta' kwalità li jridu jirrispettaw il-produtturi Ewropej. Biex tinstab soluzzjoni għal dan, hemm bżonn li jintwera li l-prodotti Ewropej jirrispettaw l-istandards stretti tas-sigurtà tal-ikel, tas-sanità u l-benesseri tal-annimali, u tas-sanità tal-pjanti u l-ambjent. Għaldaqstant, il-politika ta' informazzjoni u promozzjoni tal-prodotti agrikoli hija importanti biex tispjega u tgħarraf lill-konsumaturi Ewropej li l-prodotti Ewropej jirrispettaw tabilħaqq dawn ir-rekwiżiti.

Barra minn hekk, għandha tingħata attenzjoni lil dawk il-prodotti koperti mill-iskemi ta' kwalità rikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea.

Emenda 2

Premessa 7

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(7)

L-informazzjoni u l-promozzjoni tal-inbejjed tal-Unjoni hija waħda mill-miżuri ewlenin tal-programmi ta’ għajnuna fis-settur tal-inbid previsti fil-PAK. Konsegwentement, l-eliġibbiltà ta’ nbid għal azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni previsti skont din l-iskema għandha tkun limitata biss għal inbid li huwa assoċjat ma’ ieħor agrikolu jew prodott tal-ikel.

(7)

L-informazzjoni u l-promozzjoni tal-inbejjed tal-Unjoni hija waħda mill-miżuri ewlenin tal-programmi ta’ għajnuna fis-settur tal-inbid previsti fil-PAK. Konsegwentement, l-eliġibbiltà ta’ nbid għal azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni previsti skont din l-iskema għandha tkun limitata biss għal inbid li huwa assoċjat ma’ ieħor agrikolu jew prodott tal-ikel.

Raġuni

Is-settur tal-inbid m'għandux jiġi trattat b'mod differenti mill-prodotti agrikoli l-oħrajn u għandu jiġi inkluż bis-sħiħ fil-lista tal-prodotti eliġibbli u mhux biss f'kampanji ġenerali u b'rabta ma' prodotti oħra. L-inbid huwa l-uniku prodott Ewropew li ma jkunx jista' jgawdi minn kampanji maħsubin esklużivament għal dan is-settur. Ma jistax jiġi eskluż settur daqstant importanti tal-produzzjoni Ewropea.

Emenda 3

Premessa 8

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(8)

Għall-perjodu 2001-2011, bilkemm 30 % tal-baġit allokat għall-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 3/2008 intefaq fuq misuri għall-pajjiżi terzi, meta dawn is-swieq joffru potenzjal kbir għat-tkabbir. Għalhekk huma meħtieġa arranġamenti speċifiċi sabiex jitħeġġu, bil-għan li jintlaħaq 75 % tan-nefqa stmata, għadd akbar ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni favur il-prodotti agrikoli tal-Unjoni fil-pajjiżi terzi, l-aktar permezz ta’ aktar appoġġ finanzjarju.

(8)

Għall-perjodu 2001-2011, bilkemm 30 % tal-baġit allokat għall-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 3/2008 intefaq fuq misuri għall-pajjiżi terzi, meta dawn is-swieq joffru potenzjal kbir għat-tkabbir. Għalhekk huma meħtieġa arranġamenti speċifiċi sabiex jitħeġġu, bil-għan li jintlaħaq 75 % tan-nefqa stmata, għadd akbar ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni favur il-prodotti agrikoli tal-Unjoni fil-pajjiżi terzi, l-aktar permezz ta’ aktar appoġġ finanzjarju.

Raġuni

Illum il-ġurnata, il-prodotti Ewropej iridu jikkompetu ma' prodotti minn pajjiżi terzi kemm fis-suq intern kif ukoll f'dak estern, u fl-istess ħin huma obbligati jirrispettaw l-għadd kbir ta' standards Komunitarji esiġenti. Ma' dan kollu jridu jiżdiedu l-forom u l-kundizzjonijiet differenti tal-produzzjoni li jeżistu kemm fl-UE kif ukoll barra minnha, li ma jistgħux jintesew.

M'għandhomx jiġu stabbiliti persentaġġi ta' nfiq destinati għat-twettiq ta' azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni tal-prodotti agrikoli tal-Unjoni fil-pajjiżi terzi.

Emenda 4

Premessa 9

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(9)

Biex jiġi ggarantit l-impatt tal-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni implimentati, dawn għandhom jiġu żviluppati fil-kuntest ta’ programmi ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni. Programmi bħal dawn s’issa ġew sottomessi minn organizzazzjonijiet professjonali jew interprofessjonali. Sabiex jiżdied in-numru u sabiex tittejjeb il-kwalità tal-azzjonijiet proposti, il-firxa ta’ benefiċjarji għandha titwessa’ biex tinkludi organizzazzjonijiet tal-produtturi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tissupplimenta l-programmi billi timplimenta l-azzjonijiet fuq l-inizjattiva tagħha stess, partikolarment biex dan jikkontribwixxi għall-ftuħ ta’ swieq ġodda.

(9)

Biex jiġi ggarantit l-impatt tal-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni implimentati, dawn għandhom jiġu żviluppati fil-kuntest ta’ programmi ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni. Programmi bħal dawn s’issa ġew sottomessi minn organizzazzjonijiet professjonali jew interprofessjonali. Sabiex jiżdied in-numru u sabiex tittejjeb il-kwalità tal-azzjonijiet proposti, il-firxa ta’ benefiċjarji għandha titwessa’ biex tinkludi organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-SMEs li jiffurmaw parti minnhom, bil-kundizzjoni li jimmiraw il-promozzjoni għall-iskemi ta' kwalità rikonoxxuti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tissupplimenta l-programmi billi timplimenta l-azzjonijiet fuq l-inizjattiva tagħha stess, partikolarment biex dan jikkontribwixxi għall-ftuħ ta’ swieq ġodda.

Raġuni

L-SMEs m'għandhomx jiġu ttraskurati bħala benefiċjarji għax dawn jirrappreżentaw madwar 90 % tal-industrija agroalimentari tal-Unjoni Ewropea u peress li, barra minn hekk, dawn in-negozji għandhom rabta aktar mill-qrib mal-ambjent rurali u reġjonali, għandhom ikunu huma li jibbenefikaw l-aktar minn dawn l-azzjonijiet.

Emenda 5

Premessa 11

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(11)

Sabiex jiġi żgurat li azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni huma implimentati b’mod effettiv, dawn għandhom jiġu fdati lil korpi ta’ implimentazzjoni magħżula kif xieraq.

(11)

Sabiex jiġi żgurat li azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni huma implimentati b’mod effettiv, dawn għandhom jiġu fdati lil korpi ta’ implimentazzjoni magħżula kif xieraq, li jkollhom persunal kwalifikat u speċjalizzat biex tiġi garantita l-implimentazzjoni effettiva msemmija.

Raġuni

Huwa importanti li l-korpi ta' implimentazzjoni magħżula jkollhom persunal speċjalizzat biex joffri appoġġ tekniku li jkun ta' għajnuna biex jiġu żviluppati l-programmi ta' promozzjoni, li s'issa kien isir mill-Istati Membri.

Emenda 6

Premessa 14

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(14)

L-Unjoni hija ħerqana li tissemplifika l-ambjent regolatorju tal-PAK. Dan l-approċċ għandu jiġi applikat ukoll għar-Regolament dwar għoti ta’ informazzjoni u miżuri ta’ promozzjoni għal prodotti agrikoli. B’mod partikolari, il-prinċipji ta’ tmexxija amministrattiva tal-programmi ta’ informazzjoni u promozzjoni għandhom jiġu riveduti bil-għan li jiġu semplifikati u li jippermettu lill-Kummissjoni tistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri li japplikaw il-preżentazzjoni u l-għażla ta’ proposti għal programmi.

(14)

L-Unjoni hija ħerqana li tissemplifika l-ambjent regolatorju tal-PAK. Dan l-approċċ għandu jiġi applikat ukoll għar-Regolament dwar għoti ta’ informazzjoni u miżuri ta’ promozzjoni għal prodotti agrikoli. B’mod partikolari, il-prinċipji ta’ tmexxija amministrattiva tal-programmi ta’ informazzjoni u promozzjoni għandhom jiġu riveduti bil-għan li jiġu semplifikati u li jippermettu lill-Kummissjoni tistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri li japplikaw il-preżentazzjoni u l-għażla ta’ proposti għal programmi, bil-possibbiltà li jiġu stabbiliti atti ta' implimentazzjoni li jippermettu lill-Istati Membri jieħdu sehem bil-kooperazzjoni tar-reġjuni Ewropej.

Raġuni

Il-Kummissjoni trid tiddefinixxi mal-Istati Membri u r-reġjuni Ewropej l-istandards u l-proċeduri li jreġġu t-tressiq u l-għażla tal-proposti għal programmi, peress li l-Istati Membri u r-reġjuni Ewropej ser iqisu kriterji aktar speċifiki skont is-sitwazzjonijiet u l-kundizzjonijiet differenti fit-territorji tagħhom. Ma nemmnux li biex nissemplifikaw il-proċess tal-għażla jridu jiġu esklużi l-Istati Membri.

Emenda 7

Premessa 16

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(16)

Jeħtieġ li jiġu ddefiniti l-kriterji tal-finanzjament tal-azzjonijiet. Bħala regola ġenerali, l-Unjoni għandha tkopri biss parti mill-ispejjeż tal-programmi, bil-għan li l-organizzazzjonijiet proponenti interessati jieħdu f’idejhom ir-responsabbiltà. Ċerti spejjeż amministrattivi u tal-persunal li mhumiex marbuta mal-implimentazzjoni tal-PAK jiffurmaw parti integrali ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni u jistgħu jkunu eliġibbli għal finanzjament mill-Unjoni.

(16)

Jeħtieġ li jiġu ddefiniti l-kriterji tal-finanzjament tal-azzjonijiet. Bħala regola ġenerali, l-Unjoni għandha tkopri biss parti mill-ispejjeż tal-programmi, bil-għan li l-organizzazzjonijiet proponenti interessati jieħdu f’idejhom ir-responsabbiltà. Ċerti spejjeż amministrattivi u tal-persunal li mhumiex marbuta mal-implimentazzjoni tal-PAK jiffurmaw parti integrali ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni u jistgħu jkunu eliġibbli għal finanzjament mill-Unjoni. L-Istati Membri wkoll ser ikunu jistgħu jikkofinanzjaw b'mod volontarju parti mill-ispejjeż tal-programmi.

Raġuni

L-Istati Membri u r-reġjuni Ewropej għandhom ikunu jistgħu jikkofinanzjaw il-programmi sempliċi, peress li ċerti atturi importanti tas-settur mhux dejjem ikollhom ir-riżorsi baġitarji neċessarji biex iwettqu dawn it-tipi ta' kampanji ta' promozzjoni. Barra minn hekk, bil-mod kif inhi miktuba l-premessa jistgħu jibbenefikaw primarjament il-produtturi Ewropej li għandhom l-ikbar riżorsi ekonomiċi għall-programmi ta' promozzjoni.

Emenda 8

Artikolu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Azzjonijiet fis-suq intern

Azzjonijiet fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi

It-tipi ta’ azzjonijiet eliġibbli fis-suq intern huma dawn li ġejjin:

a)

l-azzjonijiet ta’ informazzjoni bil-għan li jenfasizzaw il-karatteristiċi speċifiċi tal-metodi tal-produzzjoni agrikola tal-Unjoni, partikolarment f’termini ta’ sigurtà tal-ikel, tal-awtentiċità, tal-aspetti nutrittivi u tas-saħħa, tal-benesseri tal-annimali u tar-rispett għall-ambjent;

b)

l-azzjonijiet ta’ informazzjoni dwar it-temi rilevanti għall-Unjoni, imsemmija fl-Artikolu 5(4).

It-tipi ta’ azzjonijiet eliġibbli fis-suq intern huma dawn li ġejjin:

a)

l-azzjonijiet ta’ informazzjoni bil-għan li jenfasizzaw il-karatteristiċi speċifiċi tal-metodi tal-produzzjoni agrikola agrarja tal-Unjoni, partikolarment f’termini ta’ sigurtà tal-ikel, tal-awtentiċità, ta' tikkettar, tal-aspetti nutrittivi u tas-saħħa, tal-benesseri tal-annimali u tar-rispett għall-ambjent;

b)

l-azzjonijiet ta’ informazzjoni dwar it-temi rilevanti għall-Unjoni, imsemmija fl-Artikolu 5(4).

Raġuni

M'hemmx għalfejn issir distinzjoni bejn l-azzjonijiet maħsubin għas-suq intern u dawk li jsiru fil-pajjiżi terzi. Aħna nipproponu li l-Artikoli 2 u 3 jingħaqdu f'wieħed.

Emenda 9

Artikolu 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Azzjonijiet fis-suq intern

Azzjonijiet fis-suq intern

It-tipi ta’ azzjonijiet eliġibbli fis-suq intern huma dawn li ġejjin:

a)

l-azzjonijiet ta’ informazzjoni bil-għan li jenfasizzaw il-karatteristiċi speċifiċi tal-metodi tal-produzzjoni agrikola tal-Unjoni, partikolarment f’termini ta’ sigurtà tal-ikel, tal-awtentiċità, tal-aspetti nutrittivi u tas-saħħa, tal-benesseri tal-annimali u tar-rispett għall-ambjent;

b)

l-azzjonijiet ta’ informazzjoni dwar it-temi rilevanti għall-Unjoni, imsemmija fl-Artikolu 5(4).

It-tipi ta’ azzjonijiet eliġibbli fis-suq intern huma dawn li ġejjin:

a)

l-azzjonijiet ta’ informazzjoni bil-għan li jenfasizzaw il-karatteristiċi speċifiċi tal-metodi tal-produzzjoni agrikola tal-Unjoni, partikolarment f’termini ta’ sigurtà tal-ikel, tal-awtentiċità, tal-aspetti nutrittivi u tas-saħħa, tal-benesseri tal-annimali u tar-rispett għall-ambjent;

b)

l-azzjonijiet ta’ informazzjoni dwar it-temi rilevanti għall-Unjoni, imsemmija fl-Artikolu 5(4).

Raġuni

M'hemmx għalfejn issir distinzjoni bejn l-azzjonijiet maħsubin għas-suq intern u dawk li jsiru fil-pajjiżi terzi. Aħna nipproponu li l-Artikoli 2 u 3 jingħaqdu f'wieħed.

Emenda 10

Artikolu 5

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

1.   Il-prodotti li ġejjin jistgħu jkunu s-suġġett ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni msemmija fl-Artikolu 3 u juru l-metodi tal-produzzjoni u t-temi msemmija fl-Artikolu 2 u fil-punt (a) tal-Artikolu 3:

1.   Il-prodotti li ġejjin jistgħu jkunu s-suġġett ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni msemmija fl-Artikolu 3 u juru l-metodi tal-produzzjoni u t-temi msemmija fl-Artikolu 2 u fil-punt (a) tal-Artikolu 3:

a)

il-prodotti agrikoli elenkati fl-Anness I tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn’ il quddiem imsejjaħ “it-Trattat”), esklużi l-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru [COM (2011)416] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u t-tabakk;

a)

il-prodotti agrikoli agrarji elenkati fl-Anness I tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn’ il quddiem imsejjaħ “it-Trattat”), esklużi l-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru [COM (2011)416] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u t-tabakk;

b)

il-prodotti tal-ikel ibbażati fuq prodotti agrikoli elenkati fil-paragrafu I tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

b)

il-prodotti tal-ikel ibbażati fuq prodotti agrikoli agrarji elenkati fil-paragrafu I tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

c)

xorb spirituż (spirti tax-xorb) b’indikazzjoni ġeografika protetta skont ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

c)

xorb spirituż (spirti tax-xorb) b’indikazzjoni ġeografika protetta skont ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

 

d)

l-inbid b'denominazzjoni tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetta f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif ukoll l-inbid li ġej mill-agrikoltura organika jistgħu jibbenefikaw minn azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni.

2.   L-inbid jista’ jkun is-suġġett ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni sakemm prodotti oħra kif imsemmija fil-paragrafu 1(a) jew (b) huma wkoll koperti mill-programm inkwistjoni.

2     L-inbid jista’ jkun is-suġġett ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni sakemm prodotti oħra kif imsemmija fil-paragrafu 1(a) jew (b) huma wkoll koperti mill-programm inkwistjoni.

Raġuni

Is-settur tal-inbid m'għandux jiġi trattat b'mod differenti mill-bqija tal-prodotti agrikoli. Is-settur tal-inbid Ewropew huwa settur rikonoxxut li għandu jiġi protett għall-importanza tiegħu fis-suq intern Ewropew u anke barra mill-Unjoni.

Emenda 11

Artikolu 8

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

1.   L-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni għandhom jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-agrikoltura Ewropea kemm fis-suq intern kif ukoll fil-pajjiżi terzi. L-għanijiet li għandhom jintlaħqu se jiġu stabbiliti fil-programm ta’ ħidma msemmi fil-paragrafu 2.

1.   L-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni għandhom jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-agrikoltura Ewropea kemm fis-suq intern kif ukoll fil-pajjiżi terzi. L-għanijiet li għandhom jintlaħqu se jiġu stabbiliti fil-programm ta’ ħidma msemmi fil-paragrafu 2.

2.   Permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni tadotta programm ta’ ħidma li jistabbilixxu l-għanijiet li jiġu segwiti, il-prijoritajiet, ir-riżultati mistennija, l-arranġamenti ta’ implimentazzjoni u l-ammont totali tal-pjan ta’ finanzjament. Dan jinkludi wkoll il-kriterji prinċipali għall-evalwazzjoni, deskrizzjoni tal-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati, indikazzjoni tal-ammont allokat għal kull azzjoni, skeda indikattiva tal-implimentazzjoni u fil-każ tal-għotjiet, ir-rata massima ta’ kofinanzjament.

2.   Permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni tadotta programm ta’ ħidma li jistabbilixxu l-għanijiet li jiġu segwiti, il-prijoritajiet, ir-riżultati mistennija, l-arranġamenti ta’ implimentazzjoni u l-ammont totali tal-pjan ta’ finanzjament. Dan jinkludi wkoll il-kriterji prinċipali għall-evalwazzjoni, deskrizzjoni tal-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati, indikazzjoni tal-ammont allokat għal kull azzjoni, skeda indikattiva tal-implimentazzjoni u fil-każ tal-għotjiet, ir-rata massima ta’ kofinanzjament.

 

Hi u tfassal dan il-programm, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-iżvantaġġi naturali speċifiċi tar-reġjuni muntanjużi, dawk ultraperiferiċi u l-gżejjer.

L-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu huwa adottat skont il-proċedura ta’ konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 24(3).

L-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu huwa adottat skont il-proċedura ta’ konsultazzjoni eżami msemmija fl-Artikolu 24(3 2).

3.   Il-programm ta’ ħidma msemmi fil-paragrafu 1 huwa implimentat permezz tal-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni:

a)

għall-programmi sempliċi, sejħa għal proposti li tindika, notevolment il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni u l-kriterji ewleni għall-valutazzjoni.

b)

għall-programmi multi, ta’ sejħa għal proposti skont it-Titolu VI tal-Parti I tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

3.   Il-programm ta’ ħidma msemmi fil-paragrafu 1 huwa implimentat permezz tal-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni:

a)

għall-programmi sempliċi, sejħa żewġ sejħiet għal proposti li tindika jindikaw, notevolment il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni u l-kriterji ewlenin għall-valutazzjoni.

b)

għall-programmi multi, ta’ sejħa żewġ sejħiet għal proposti skont it-Titolu VI tal-Parti I tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

 

Is-sejħiet għal proposti msemmija fil-punti a) u b) hawn fuq għandhom jikkunsidraw l-iżvantaġġi naturali speċifiċi tar-reġjuni muntanjużi, dawk ultraperiferiċi u l-gżejjer.

Raġuni

Rigward il-programm ta' ħidma, il-Kummissjoni tassumi setgħat eċċessivi fil-proċedura ta' deċiżjoni. Ir-regolament attwali jawtorizza żewġ sejħiet għal proposti, ħalli l-kandidati jkollhom inqas żmien x'jistennew qabel ikunu jistgħu jġeddu l-proposta tagħhom.

Emenda 12

Artikolu 12

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

1.   Il-Kummissjoni għandha tevalwa u tagħżel proposti għal programmi sempliċi wara s-sejħa għal proposti msemmija fl-Artikolu 8(3)(a).

1.   Il-Kummissjoni għandha tevalwa u tagħżel proposti għal programmi sempliċi wara s-sejħa għal proposti msemmija fl-Artikolu 8(3)(a).

2.   Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni tiddeċiedi dwar il-programmi sempliċi magħżula, dwar it-tibdiliet li għandhom isiru lilhom, u dwar il-baġits korrispondenti. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni huma adottati skont il-proċedura tal-eżami msemmija fl-Artikolu 24(2).

2.   Il-Kummissjoni ser tadotta atti ta' implimentazzjoni li jippermettu lill-Istati Membri u lir-reġjuni Ewropej jieħdu sehem fil-valutazzjoni u l-għażla tal-proposti tal-programmi sempliċi.

 

3.   Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni tiddeċiedi dwar il-programmi sempliċi magħżula, dwar it-tibdiliet li għandhom isiru lilhom, u dwar il-baġits korrispondenti. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni huma adottati skont il-proċedura tal-eżami msemmija fl-Artikolu 24(2).

Raġuni

L-Istati Membri ma jistgħux jiġu esklużi mill-valutazzjoni u l-għażla tal-programmi sempliċi. Il-gvernijiet nazzjonali għandhom jagħmlu parti attiva minn din l-għażla peress li, skont l-Artikolu 14, ser ikunu huma li jimplimentaw, jissorveljaw u jikkontrollaw dawn il-programmi.

Emenda 13

Artikolu 13

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Wara sejħa għall-offerti kompetittiva bil-proċedura xierqa, l-organizzazzjoni proponenti għandha tagħżel il-korpi li se jimplimentaw programmi sempliċi magħżula bil-ħsieb, b’mod partikolari, biex jiġi żgurat li l-miżuri huma implimentati b’mod effikaċi.

Wara sejħa għall-offerti kompetittiva bil-proċedura xierqa, l-organizzazzjoni proponenti għandha tagħżel il-korpi speċjalizzati li se jimplimentaw programmi sempliċi magħżula bil-ħsieb, b’mod partikolari, biex jiġi żgurat li l-miżuri huma implimentati b’mod effikaċi.

 

L-aġenziji reġjonali ta' promozzjoni jew is-servizzi ta' promozzjoni tar-reġjuni ser ikunu jistgħu jirrikonoxxu l-azzjonijiet kollettivi nazzjonali marbutin mat-territorji reġjonali u l-azzjonijiet ta' komunikazzjoni dwar l-oriġini.

Raġuni

Huwa importanti li nisħqu fuq il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri u l-kooperazzjoni tar-reġjuni fl-azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni, u għaldaqstant qed jiġi propost li tiżdied l-għajnuna tal-aġenziji u tas-servizzi ta' promozzjoni fir-reġjuni. Dawn l-aġenziji qed jiġu proposti bħala strumenti effikaċi u flessibbli biex tiġi finanzjata u megħjuna l-implimentazzjoni tal-programmi, u mhux bil-għan li jiġi finanzjati huma stess b'dawn il-fondi.

Emenda 14

Artikolu 15(1)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal programmi sempliċi ma għandhiex taqbeż il-50 % tal-infiq eliġibbli għall-għajnuna. In-nefqa li tibqa’ titħallas esklussivament mill-organizzazzjonijiet proponenti.

1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal programmi sempliċi ma għandhiex taqbeż il-50 % tal-infiq eliġibbli għall-għajnuna. Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għandha tilħaq il-75 % għall-programmi tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni.

 

L-Istati Membri, flimkien mar-reġjuni Ewropej, ser ikunu jistgħu wkoll ikopru b'mod volontarju parti oħra mill-ispejjeż tal-programmi sa 20 %. In-nefqa li tibqa’ titħallas esklussivament mill-organizzazzjonijiet proponenti.

Raġuni

M'għandix tiġi eskluża l-possibbiltà ta' kofinanzjament mill-Istati Membri għall-programmi sempliċi, peress li ċerti atturi ewlenin tas-settur mhux dejjem ikollhom ir-riżorsi baġitarji neċessarji biex iwettqu dawn it-tipi ta' kampanji ta' promozzjoni, li jistgħu jiswew ħafna flus lin-negozji. L-SMEs huma dawk li jintlaqtu l-aktar minn dawn l-ispejjeż u minħabba dan jista' jiġri li jieħdu sehem biss in-negozji l-kbar. Barra minn hekk, dan jista' jwassal għal tnaqqis fil-parteċipazzjoni fil-programmi, li jmur kontra l-għan. Nemmnu li 20 % huwa livell adegwat għax dan ifisser li ma jkunx hemm ħafna differenza bejn l-ispejjeż għall-promozzjoni minn Stat Membru għal ieħor.

Emenda 15

Artikolu 23(2)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

2.   Is-setgħa li jiġu adottati l-atti ta’ delega msemmija f’dan ir-Regolament għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien mhux determinat mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

2.   Is-setgħa li jiġu adottati l-atti ta’ delega msemmija f’dan ir-Regolament għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien mhux determinat mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Raġuni

Ma naħsbux li l-Kummissjoni għandha tingħata perjodu ta' żmien mhux determinat biex tadotta atti ddelegati, għalhekk din il-parti tas-sentenza aħjar titneħħa.

Emenda 16

Artikolu 27

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Qabel il-31 ta’ Diċembru [2020], il-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, akkumpanjat minn proposti xierqa, skont il-każ.

Qabel il-31 ta’ Diċembru [2020], il-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, akkumpanjat minn proposti xierqa, skont il-każ. Barra minn hekk, ser jiġi ppreżentat rapport intermedju qabel il-31 ta' Diċembru 2017.

Raġuni

Nemmnu li huwa tajjeb li l-Kummissjoni tippreżenta rapport intermedju dwar il-progress u s-sitwazzjoni tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, biex, f'każ li jkun hemm bżonn ta' titjib jew aġġustamenti, ikun hemm perjodu ta' żmien koerenti biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti għall-aħħar tal-2020.

Brussell, 2 ta’ April 2014

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


7.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 174/36


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Qafas ta' Kwalità għall-Apprendistati

2014/C 174/07

Relatur

Is-Sur Andrius Kupčinskas (LT/PPE), Sindku ta' Kaunas

Dokument ta' referenza

Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas tal-Kwalità għall-Apprendistati

COM(2013) 857 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

Il-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jilqa' b'sodisfazzjon ir-rakkomandazzjoni li adotta l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal Qafas tal-Kwalità għall-Apprendistati (QFT, Quality Framework for Traineeships), li l-ħolqien tiegħu kien diġà ntalab f'opinjonijiet preċedenti, iżda jiddispjaċih ħafna li l-Kummissjoni għażlet li tippreżenta dan il-Qafas fil-forma ta' rakkomandazzjoni tal-Kunsill minflok direttiva;

2.

fid-dawl tal-fatt li l-perjodu ta' żmien bejn il-preżentazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni (4 ta' Diċembru 2013) u l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (10 ta' Marzu 2014) kien qasir wisq biex il-Kumitat tar-Reġjuni jifformula opinjoni skont il-proċedura normali, jinnota bi tħassib li la l-Kummissjoni Ewropea hija u tfassal ir-Rakkomandazzjoni għal qafas ta' kwalità għall-apprendistati u lanqas il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa u jadotta r-Rakkomandazzjoni ma kkonsultaw lill-Assemblea tal-UE tar-rappreżentanti reġjonali u lokali tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea;

3.

jiddispjaċih li fl-UE, speċjalment f'ċerti reġjuni, għad hemm ħafna qgħad fost iż-żgħażagħ, u jenfasizza kemm hu importanti li jittieħdu passi attivi fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ. Sabiex jintlaħaq l-għan tal-Istrateġija Ewropa 2020, jiġifieri li fl-2020 ir-rata tal-impjieg tkun 75 % għall-persuni bejn l-20 u l-64 sena, jeħtieġ li titjieb l-edukazzjoni taż-żgħażagħ, jiġifieri li tkun immirata aħjar lejn it-talbiet tas-suq tax-xogħol u għandhom jinħolqu kundizzjonijiet aktar favorevoli għad-dħul fis-suq tax-xogħol;

4.

huwa tal-opinjoni li kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew għandu jsir aktar biex iż-żgħażagħ jitħeġġu jaspiraw għall-professjonijiet tal-ġejjieni. Għal dan il-għan, għandhom jitfasslu studji li jbassru t-tendenzi minn fażi bikrija, li jinfluwenzaw u jipprevedu l-bidliet fid-domanda għax-xogħol fis-setturi u l-gruppi professjonali differenti, l-għadd ta' apprendisti għall-professjonijiet speċifiċi u l-impjiegi emerġenti, kif ukoll il-ħtieġa probabbli għal postijiet ta' taħriġ immirati lejn iż-żgħażagħ;

5.

peress li t-taħriġ huwa parti kruċjali mill-Garanzija għaż-Żgħażagħ, itenni l-appoġġ tiegħu għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ (1) tat-22 ta' April 2013 (2), li għandha tiżgura “li ż-żgħażagħ kollha taħt l-età ta' 25 sena jirċievu offerta ta' xogħol ta' kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew taħriġ fi żmien erba' xhur minn meta jsiru qiegħda jew minn meta jwaqqfu l-edukazzjoni formali”. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jaqdu rwol fundamentali fl-implimentazzjoni tal-iskemi ta' garanzija għaż-żgħażagħ;

6.

jilqa' l-QFT bħala miżura utli li għandha tiggarantixxi li l-apprendistati jiffaċilitaw b'mod effiċjenti t-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għad-dinja tax-xogħol u b'hekk iżżid l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ;

7.

iqis li fit-taħriġ għandha ssir enfasi pożittiva fuq il-mudell ta' “mgħallem-apprendist” fejn il-kompetenzi jiġu mgħoddija minn ġenerazzjoni għall-oħra;

8.

jaqbel mal-aspetti l-ġodda stabbiliti fil-QFT għaliex dan għandu jiggarantixxi t-trasparenza tal-apprendistati u jpoġġi l-għanijiet tat-tagħlim fuq quddiem nett; fl-istess ħin jinsab iddiżappuntat li fil-Qafas ta' Kwalità ma tissemma l-ebda rakkomandazzjoni biex l-Istati Membri jipprevedu kwistjonijiet importanti bħas-sigurtà soċjali jew il-ħlas għall-apprendisti; jiddispjaċih li l-objettivi tal-QFT ma jaqblux ma' dawk tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ peress li l-QFT ikopri biss l-hekk imsejjaħ taħriġ tas-suq miftuħ u jeskludi taħriġ imwettaq fil-qafas ta' kors ta' studju, edukazzjoni formali jew taħriġ vokazzjonali;

9.

ifakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol importanti fl-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-miżuri għall-ġlieda kontra l-qgħad, kif ukoll fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw dan ir-rwol u jisfruttaw l-opportunitajiet assoċjati miegħu biex il-professjonisti żgħażagħ ikollhom passaġġ aktar iffokat u ħafif mid-dinja tal-edukazzjoni għal dik tax-xogħol, fid-dawl tar-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jipprovdu s-servizzi tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjieg; jiddispjaċih, għalhekk, li r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ma tindirizzax ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-QFT;

10.

jitlob lill-Istati Membri biex jipprevedu kooperazzjoni attiva tal-imsieħba soċjali, u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jiżguraw li s-sistema tiġi implimentata b'suċċess;

11.

u biex jiddiskutu taħt liema direttivi u kundizzjonijiet oħra il-QFT jista' jiġi traspost mill-Istati Membri fi prassi nazzjonali u/jew fil-leġislazzjoni nazzjonali;

Kummenti preliminari

12.

huwa mħasseb dwar il-qgħad kbir fost iż-żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea u minħabba f'hekk ir-riskju attwali tal-faqar fost iż-żgħażagħ; dwar dan jitkellem ukoll ir-Rapport Annwali tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Impjieg u l-Iżviluppi Soċjali 2012 (3);

13.

jisħaq fuq l-importanza ta' miżuri effettivi biex tissolva problema li qed tikber fl-Ewropa, jiġifieri li ż-żgħażagħ la jkollhom xogħol u lanqas ma jkunu qed isegwu taħriġ, u jiġbed l-attenzjoni għar-riskji u l-konsegwenzi soċjali, ekonomiċi u demografiċi marbutin man-nuqqas ta' awtonomija ta' dawn iż-żgħażagħ;

14.

jaqbel mal-Kummissjoni dwar l-importanza tal-apprendistati, u jiġbed l-attenzjoni li permezz tal-apprendistati ta' kwalità tajba ż-żgħażagħ jingħataw il-possibbiltà li jiksbu għarfien, ħiliet u esperjenzi professjonali siewja u b'dan il-mod ikollhom ċans akbar li jsibu impjieg, u b'hekk ikunu jistgħu jistabbilixxu ruħhom malajr u għat-tul fis-suq tax-xogħol;

15.

l-istess bħall-Kummissjoni, huwa mħasseb li kultant isir abbuż mill-apprendistati għaliex jintużaw bħala possibbiltà biex jiġu impjegati ħaddiema bi ħlas baxx jew saħansitra mingħajr ħlas. Għaldaqstant, l-isfidi ewlenin huma li jiġi stabbilit b'mod ċar perjodu massimu għall-apprendistati u li titjieb il-kwalità tagħhom sabiex iservu ta' esperjenza siewja għad-dħul fis-suq tax-xogħol;

16.

jindika li l-aħjar riżultati b'rabta mal-impjieg taż-żgħażagħ inkisbu f'pajjiżi u reġjuni fejn iż-żgħażagħ għandhom l-opportunità li jwettqu apprendistat jew taħriġ ta' kwalità tajba, u fejn il-pjani tal-apprendistati u l-prattika fuq ix-xogħol huma stabbiliti bħala parti inseparabbli mis-sistema tal-edukazzjoni u r-reklutaġġ; huwa importanti li l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni jikkollaboraw mad-dinja tal-intraprenditorija biex jiżguraw li jintlaħqu l-benefiċċji reċiproċi minn programm ta' taħriġ;

Aspetti ġenerali tar-Rakkomandazzjoni

17.

jaqbel mal-prinċipju tal-QFT, u jinnota li kemm il-proċess tat-tagħlim, li bis-saħħa tiegħu wieħed ikun jista' jiffamiljarizza ruħu mal-impjieg, kif ukoll l-għanijiet ċari tat-tagħlim u l-għażla ta' sorveljant adatt li jiggwida lill-apprendisti matul l-apprendistat huma importanti;

18.

jappoġġja l-appell li jsir fil-QFT biex l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi li jiksbu l-apprendisti jiġu ċċertifikati b'mod uffiċjali mill-fornituri tal-apprendistati permezz ta' ċertifikat ta' apprendistat li jkun sar. Dan huwa indispensabbli sabiex jiġi żgurat li l-valur tal-apprendistat jiġi rikonoxxut b'mod formali bħala strument li jgħin liż-żgħażagħ jidħlu fis-suq tax-xogħol u jsibu impjieg ta' kwalità tajba;

19.

jiddispjaċih li r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ma tagħmilx referenza għall-apprendistati li jsiru bħala parti minn kurrikula akkademiċi, ta' edukazzjoni formali jew kors vokazzjonali; għaldaqstant jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq proposta separata għal qafas ta' kwalità għal dawn l-apprendistati;

20.

japprova l-appoġġ previst fil-QFT għall-miżuri tal-Istati Membri permezz tal-fondi tal-UE (finanzjament tal-iskemi tal-apprendistati mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ), l-iskambju ta' prassi tajba u l-miżuri ta' monitoraġġ; madankollu jitlob li jiġi żgurat li l-fondi Ewropej ma jissostitwuwx il-fondi privati;

Kundizzjonijiet tax-xogħol u trasparenza

21.

jitlob li sabiex jiġi żgurat li l-apprendistati jkunu ta' kwalità tajba, b'użu iktar mifrux tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni jiġu promossi l-iskambji tal-aħjar prattiki fl-Ewropa u b'hekk l-Istati Membri jingħataw għajnuna fit-tfassil ta' rekwiżiti minimi komuni dwar l-apprendistati li fuqhom ikunu bbażati dawn il-prattiki;

22.

jilqa' r-rekwiżiti msemmijin fil-QFT dwar it-trasparenza fl-avviżi ta' postijiet battala ta' apprendistat, iżda jiġbed l-attenzjoni li minkejja l-importanza tat-trasparenza, din waħedha mhix biżżejjed biex tiggarantixxi l-kwalità tal-apprendistati;

23.

b'rabta ma' dan, jiddispjaċih li l-QFT ma jirrakkomandax lill-fornituri tal-apprendistati biex jiżguraw kopertura tas-sigurtà soċjali u assigurazzjoni tas-saħħa xierqa, iżda huma mitluba biss li fl-avviż tal-apprendistat jindikaw jekk il-post jipprevedix dan it-tip ta' assigurazzjoni;

24.

jilqa' l-pożizzjoni li l-QFT għandu jipprevedi li l-avviżi ta' postijiet battala ta' apprendistat jispeċifikaw l-ammont tar-remunerazzjoni u/jew tal-kumpens għall-apprendistat, u jilqa' r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill biex fl-avviżi ta' postijiet battala u l-avviżi dwar l-apprendistat jiddaħħal il-livell ta' kwalunkwe remunerazzjoni jew kumpens. Fl-istess ħin, fil-fehma tal-Kumitat, l-obbligu tal-informazzjoni ma għandux ikun ta' piż amministrattiv kbir wisq għall-impjegaturi li joffru l-apprendistati, u li r-regolazzjoni m'għandhiex ixxekkel iżda tippromovi l-ħolqien tal-apprendistati fis-setturi kollha tas-suq tax-xogħol;

25.

jiġbed l-attenzjoni li l-QFT ma jindirizzax il-kwistjoni tal-apprendistati mingħajr ħlas jew bi ħlas parzjali. Ir-riżultati ta' sondaġġ reċenti tal-Ewrobarometru (4) juru li tlieta minn kull ħames apprendisti jew ma ngħatawx kumpens finanzjarju jew il-kumpens finanzjarju li ngħataw tant kien żgħir li f'inqas minn nofs il-każi serva biex ikopri l-ispejjeż tal-ħajja. Dan joħloq ir-riskju li l-aċċess għall-apprendistati jiġi limitat biss għal dawk li jistgħu jaffordjawhom finanzjarjament, u dan min-naħa tiegħu jwassal għal tnaqqis fin-numru ta' apprendistati u l-valur ekonomiku tagħhom u fl-istess ħin iżid l-inugwaljanza;

26.

Il-mira li jiġu żgurati apprendistati ta' kwalità tajba permezz tal-obbligu li jinħolqu r-rekwiżiti ta' assigurazzjoni u kumpens u/jew remunerazzjoni xierqa għall-apprendisti kollha tista' twassal għal tnaqqis fin-numru ta' apprendistati offruti minħabba l-piż finanzjarju kbir wisq sew għall-awtoritajiet lokali u reġjonali u sew għall-intrapriżi. Peress li għalhekk probabbilment ħafna fl-Ewropa ma rnexxilhomx joħolqu mudell wieħed għall-entitajiet kollha, il-KtR jilqa' l-isforz biex tinħoloq sistema effettiva għall-finanzjament parzjali jew sħiħ tal-apprendistati minn taħlita ta' diversi sorsi;

27.

jinnota li r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ma tiddefinixxix b'mod adegwat ir-rwol tas-sorveljant għall-apprendisti, u għalhekk, filwaqt li huwa konxju li r-regolazzjoni tal-kwistjoni fl-aħħar mill-aħħar taqa' taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, jappella lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali u ekonomiċi biex jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar ir-regolazzjoni tar-rwol tas-superviżuri tal-apprendist, il-kompiti u r-responsabbiltajiet tagħhom kif ukoll kwistjonijiet oħra rilevanti, sabiex jiġi żviluppat fehim gradwali ta' x'inhi l-aħjar prattika Ewropea u biex il-prinċipju tal-governanza f'diversi livelli jiġi applikat fil-prattika;

Apprendistati transkonfinali

28.

jilqa' l-impatt pożittiv tal-QFT li jiffaċilita l-apprendistati transkonfinali li għadhom rari, u li jtejjeb l-aċċess għall-informazzjoni;

29.

peress li l-Artikolu 153 tat-TFUE, bħala bażi legali għall-QFT, jipprevedi li l-Unjoni Ewropea tappoġġja u tikkomplementa l-azzjoni tal-Istati Membri, jissuġġerixxi li minflok ma nimmiraw għal deċiżjoni fil-livell tal-UE dwar l-armonizzazzjoni tar-regoli, għandu jsir sforz pan-Ewropew biex tinġabar u tinxtered informazzjoni dwar ir-regoli dwar l-apprendistati sabiex tiġi promossa l-mobbiltà tal-apprendisti, billi jkun iktar faċli għaż-żgħażagħ li jwettqu apprendistat barra minn pajjiżhom jekk ikollhom aċċess faċli għall-informazzjoni dwar x'jistgħu jistennew;

30.

madankollu jiġbed l-attenzjoni li ħafna drabi l-apprendistat ma jinvolvi l-ebda kumpens jew li dan ma jkunx biżżejjed, u li ma tkunx provduta akkomodazzjoni, li jista' jkun ostaklu għall-apprendistati transkonfinali peress li apprendisti potenzjali ħafna drabi ma jkunux jistgħu jipparteċipaw f'apprendistat b'riżultat ta' sitwazzjoni finanzjarja diffiċli fi Stat Membri ieħor;

31.

jenfasizza li l-ħolqien ta' kundizzjonijiet iktar ġusti għall-apprendistati transkonfinali jista' jkollu bosta effetti pożittivi, pereżempju żieda fiċ-ċans tal-apprendistati li jsibu xogħol u iktar integrazzjoni fis-suq tax-xogħol;

32.

jilqa' l-idea stabbilita fil-QFT li l-EURES jibda japplika wkoll għall-apprendistati hekk kif talab il-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet (5) ta' Ġunju 2012; jilqa' wkoll is-suġġeriment li dan in-netwerk jibda jintuża għat-tixrid tal-informazzjoni dwar l-apprendistati;

33.

jaqbel li l-EURES għandu jintuża sabiex jiġi żgurat l-aċċess għall-informazzjoni dwar opportunitajiet ta' apprendistati u jirrakkomanda li l-EURES jintuża wkoll bħala strument ta' feedback li jippermetti lill-apprendisti li jivvalutaw l-esperjenzi tagħhom tal-apprendistati;

34.

jiġbed l-attenzjoni li l-għadd ta’ apprendistati transnazzjonali huwa baxx ħafna, minkejja rati għolja ta’ mobilità fost l-istudenti, pereżempju fil-programm Erasmus (6). Dan ifisser li qed nitilfu l-opportunità li nnaqqsu l-qgħad fost iż-żgħażagħ permezz tal-mobilità: apprendistat f'pajjiż ieħor jista' jkun fattur determinanti fil-ħajja ta' dawk iż-żgħażagħ li jixtiequ xogħol fi Stat Membru ieħor; jilqa' għalhekk it-tnedija tal-programm Erasmus + li jista' jżid in-numru ta' apprendistati barra l-pajjiż.

35.

L-opportunità li ż-żgħażagħ jiksbu esperjenzi f'kundizzjonijiet differenti tagħtihom iċ-ċans imprezzabbli li jżidu n-numru tal-impjegaturi potenzjali fl-Istati Membri differenti. Għalhekk jeħtieġ li kemm jista' jkun isir sforz biex l-appoġġ li jingħataw l-apprendistati transkonfinali jiġi garantit u jkun effettiv billi jinstabu soluzzjonijiet li jippermettu t-tnaqqis tal-ispejjeż għall-apprendisti biex jirrilokaw u billi jingħataw informazzjoni rilevanti biex jiġi żgurat li l-apprendisti ma jġarrbux diffikultajiet ekonomiċi, u b'kunsiderazzjoni tal-ispejjeż tal-ħajja fil-pajjiż li fih ikun qed isir l-apprendistat. Il-fornitur tal-apprendistat għandu jagħti l-informazzjoni meħtieġa kollha dwar ir-regoli amministrattivi applikabbli fil-pajjiż ikkonċernat (bħal pereżempju permessi ta' xogħol u residenza, jew fejn applikabbli ċertifikat ta' reġistrazzjoni, eċċ.);

Implimentazzjoni tal-QFT

36.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li jkun aħjar jekk l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu inklużi fil-proċess kollu tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' inizjattivi ġodda billi jingħataw il-finanzi meħtieġa għal din l-implimentazzjoni, peress li huma jistgħu jevalwaw l-aħjar il-kundizzjonijiet u l-bżonnijiet differenti fil-livell lokali;

37.

jiddispjaċih li r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ma tipproponix li l-awtoritajiet u l-intrapriżi lokali u reġjonali jiġu konsultati aktar bis-sħiħ dwar il-ħolqien u t-titjib tal-programmi ta' taħriġ sabiex jitqiesu l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol u sabiex jitħarrġu professjonisti fl-oqsma li hemm bżonn;

38.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ħafna drabi huma l-awtoritajiet lokali u reġjonali li jkunu responsabbli mill-implimentazzjoni tal-miżuri fl-oqsma tal-impjieg, l-edukazzjoni u t-taħriġ, u li l-aspetti territorjali ta' din il-politika huma importanti ħafna;

39.

jilqa' l-promozzjoni tal-''involviment attiv tas-servizzi tal-impjieg, l-istituzzjonijiet edukattivi u l-fornituri tat-taħriġ fl-implimentazzjoni tal-Qafas tal-Kwalità għall-Apprendistati'' u jenfasizza r-rwol importanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tliet oqsma kollha;

40.

jenfasizza li, bħala impjegaturi, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għadhom jiġu involuti fl-implimentazzjoni b'suċċess tal-QFT u jiddispjaċih li r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ma tirreferix b'mod speċifiku għall-kompetenzi u l-esperjenzi tagħhom; iqis li huwa importanti li jiġi stabbilit qafas legali sabiex l-istituzzjonijiet pubbliċi jkunu jistgħu jirċievu apprendisti u jxerrdu l-aħjar prattiki tal-awtoritajiet pubbliċi;

41.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu iktar miżuri biex tiġbor u xxerred l-informazzjoni u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkompletaw b'mod adatt id-dispożizzjonijiet legali tagħhom biex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet legali tal-apprendistati jilħqu aħjar l-istennijiet tal-persuni interessati;

42.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala impjegaturi u fornituri tal-apprendistati importanti jistgħu jservu ta' eżempju tajjeb fl-implimentazzjoni tar-regoli għal apprendistati ta' kwalità tajba; iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex kemm jista' jkun joffru apprendistati ta' kwalita tajba;

43.

jenfasizza kemm huwa importanti li jkun possibbli li l-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili attiva, b'mod partikolari ż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, ikunu involuti fil-fażi ta' implimentazzjoni tal-QFT, fost oħrajn permezz tal-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati, il-pjattaforma ta' kooperazzjoni li waqqfet il-Kummissjoni f'Lulju tal-2013;

44.

jenfasizza l-importanza tas-settur privat, b'mod partikolari l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs mejdu, fl-implimentazzjoni b'suċċess tal-QFT;

45.

jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom mal-istituzzjonijiet tat-taħriġ u l-impjegaturi lokali biex joħolqu programmi ta' appoġġ tal-kompetenzi tal-istudenti u biex jistabbilixxu boroż ta' studju u offerta ta' apprendistati mħallsa għall-aqwa studenti; barra minn hekk, jenfasizza kemm hu importanti li fl-UE kollha jinfirxu l-aħjar prattiki żviluppati fid-diversi Stati Membri;

Dispożizzjonijiet finali

46.

jilqa' r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għall-appoġġ ta' kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni rapida tal-QFT u jenfasizza mill-ġdid ir-rwol importanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f'dan il-qasam;

47.

iħeġġeġ lill-Istati Membri jsegwu r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u waqt li jimplimentaw fil-prattika l-QFT, jivvalutawh u jtejbu l-effikaċja tiegħu biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti mill-politiki nazzjonali għall-impjieg taż-żgħażagħ

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU L-EMENDI

Emenda 1

Premessa 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Iż-żgħażagħ intlaqtu partikolarment ħażin matul il-kriżi. Ir-rati ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ laħqu l-ogħla livelli storiċi fis-snin li għaddew f’diversi Stati Membri, mingħajr ebda sinjal ta’ tnaqqis fuq medda qasira ta’ żmien. It-trawwim tal-impjegabbiltà u l-produttività taż-żgħażagħ huwa kruċjali biex jersqu lejn is-suq tax-xogħol.

Iż-żgħażagħ intlaqtu partikolarment ħażin matul il-kriżi. Ir-rati ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ laħqu l-ogħla livelli storiċi fis-snin li għaddew f’diversi Stati Membri, mingħajr ebda sinjal ta’ tnaqqis fuq medda qasira ta’ żmien. Id-differenzi kbar fir-rati tal-qgħad bejn ir-reġjuni taffettwa l-għanijiet tal-koeżjoni soċjali u territorjali tal-Unjoni Ewropea. It-trawwim tal-impjegabbiltà u l-produttività taż-żgħażagħ huwa kruċjali biex jersqu lejn is-suq tax-xogħol.

Emenda 2

Premessa 16

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Il-programmi tal-Istati Membri li jippromwovu u joffru apprendistati għaż-żgħażagħ jistgħu jiġu appoġġati finanzjarjament mill-Fondi Ewropej. Barra minn hekk, l-Inizjattiva għall-Impjieg taż-Żgħażagħ se tappoġġa l-apprendistati fil-kuntest tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, filwaqt li żżomm fil-mira ż-żgħażagħ mir-reġjuni tal-Unjoni li huma l-aktar milquta mill-qgħad fost iż-żgħażagħ u li se jiġu kofinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE) 2014-20. Il-FSE kif ukoll l-Inizjattiva għall-Impjieg taż-Żgħażagħ tista’ tintuża biex jiżdied l-għadd u l-kwalità tal-iskemi ta’ apprendistat tal-Istati Membri. Dan jinvolvi possibiltà ta' kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-apprendistati inkluża, taħt ċerti kundizzjonijiet, parti mir-remunerazzjoni. Barra minn hekk, huma jistgħu wkoll jappoġġaw l-ispejjeż ta’ taħriġ ieħor li ż-żgħażagħ jistgħu jsegwu lil hinn mill-apprendistat tagħhom, eż. korsijiet tal-lingwa.

Il-programmi tal-Istati Membri li jippromwovu u joffru apprendistati għaż-żgħażagħ jistgħu jiġu appoġġati finanzjarjament mill-Fondi Ewropej. Barra minn hekk, l-Inizjattiva għall-Impjieg taż-Żgħażagħ se tappoġġa l-apprendistati fil-kuntest tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, filwaqt li żżomm fil-mira ż-żgħażagħ mir-reġjuni tal-Unjoni li huma l-aktar milquta mill-qgħad fost iż-żgħażagħ u li se jiġu kofinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE) 2014-20. Il-FSE kif ukoll l-Inizjattiva għall-Impjieg taż-Żgħażagħ tista’ tintuża biex jiżdied l-għadd u l-kwalità tal-iskemi ta’ apprendistat tal-Istati Membri. Dan jinvolvi possibiltà ta' kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-apprendistati inkluża, taħt ċerti kundizzjonijiet, parti mir-remunerazzjoni , flimkien mal-adozzjoni tal-miżuri meħtieġa sabiex dawn il-fondi pubbliċi ma jieħdux post il-fondi privati . Barra minn hekk, huma jistgħu wkoll jappoġġaw l-ispejjeż ta’ taħriġ ieħor li ż-żgħażagħ jistgħu jsegwu lil hinn mill-apprendistat tagħhom, eż. korsijiet tal-lingwa.

Emenda 3

Premessa 29

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Din ir-Rakkomandazzjoni ma tkoprix kollokamenti f’postijiet għall-esperjenza tax-xogħol bħala parti ta’ kurrikula akkademiċi, ta' edukazzjoni formali jew kors vokazzjonali. Apprendistati li l-kontenut tagħhom huwa regolat skont il-liġi nazzjonali u li t-tlestija hija rekwiżit biex jinkiseb grad universitarju jew aċċess għal professjoni speċifika (eż. mediċina, arkitettura, eċċ.) mhumiex koperti minn din ir-Rakkomandazzjoni.

Din ir-Rakkomandazzjoni ma tkoprix kollokamenti f’postijiet għall-esperjenza tax-xogħol bħala parti ta’ kurrikula akkademiċi, ta' edukazzjoni formali jew kors vokazzjonali. Apprendistati li l-kontenut tagħhom huwa regolat skont il-liġi nazzjonali u li t-tlestija hija rekwiżit biex jinkiseb grad universitarju jew aċċess għal professjoni speċifika (eż. mediċina, arkitettura, eċċ.) mhumiex koperti minn din ir-Rakkomandazzjoni ; dan it-tieni tip ta' apprendistati se jkun trattat fi proposta oħra tal-Kummissjoni .

Emenda 4

Rakkomandazzjoni 5

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Iħeġġu lill-fornituri tal-apprendistati biex jinnominaw sorveljant għall-apprendisti li jiggwida lill-apprendist fil-kompiti assenjati, u jissorvelja l-progress tiegħu/tagħha;

Iħeġġu Jiċċekkjaw li lill-fornituri tal-apprendistati biex jinnominaw sorveljant għall-apprendisti li jiggwida lill-apprendist fil-kompiti assenjati, u jissorvelja l-progress tiegħu/tagħha;

Emenda 5

Rakkomandazzjoni 13

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Għarfien xieraq tal-apprendistati

(13)

Jinkoraġġixxu lill-fornituri tal-apprendistati biex jiċċertifikaw permezz ta’ ċertifikat jew ittra ta’ referenza l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba waqt l-apprendistati;;

Għarfien xieraq tal-apprendistati

(13)

Jinkoraġġixxu Jesiġu li lil l-fornituri tal-apprendistati biex jiċċertifikaw permezz ta’ ċertifikat jew ittra ta’ referenza l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba waqt l-apprendistati;

Emenda 6

Rakkomandazzjoni 25

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Taħdem mal-Istati Membri, l-imsieħba soċjali, is-servizzi tal-impjieg, u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-apprendisti biex iġġib 'il quddiem din ir-Rakkomandazzjoni;

Taħdem mal-Istati Membri, l-imsieħba soċjali, is-servizzi tal-impjieg, u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-apprendisti u l-komunitajiet territorjali biex iġġib 'il quddiem din ir-Rakkomandazzjoni;

Emenda 7

Rakkomandazzjoni 26

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Tinkoraġġixxi u tappoġġja lill-Istati Membri, inkluż permezz tal-promozzjoni tal-iskambju tal-aħjar prassi bejniethom, biex jużaw il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jew Fondi oħra Ewropej għall-perjodu ta’ pprogrammar 2014-2020 biex jiżdiedu l-għadd u l-kwalità tal-apprendistati;

Tinkoraġġixxi u tappoġġja lill-Istati Membri u  l-komunitajiet territorjali , inkluż permezz tal-promozzjoni tal-iskambju tal-aħjar prassi bejniethom, biex jużaw il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jew Fondi oħra Ewropej għall-perjodu ta’ pprogrammar 2014-2020 biex jiżdiedu l-għadd u l-kwalità tal-apprendistati;

Emenda 8

Rakkomandazzjoni ġdida wara rakkomandazzjoni 28

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

(29)

biex aktar tard tipprovdi qafas għall-apprendistati bħala parti ta' kurrikula akkademiċi, ta' edukazzjoni formali jew kors vokazzjonali.

Brussell, 3 ta' April 2014

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  COM(2012) 729 final, 5.12.2012.

(2)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ, 2013/C 120/01, 22 ta' April 2013.

(3)  Employment and Social Developments Review 2012 (Analiżi tal-Impjieg u l-Iżviluppi Soċjali 2012).

(4)  Ewrobarometru: “The experience of a Traineeship in the EU” [L-esperjenza ta' apprendistat fl-UE], 2013.

(5)  www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_Data/docs/pressdata/en/ec/131388.pdf

(6)  Is-sondaġġ tal-Ewrobarometru tal-2013 żvela li 9 % biss tal-apprendistati seħħew barra l-pajjiż.


7.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 174/43


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Proposta għal Direttiva dwar il-basktijiet tal-plastik ħfief

2014/C 174/08

Relatur

Is-Sinjura Linda Gillham, Membru tal-Kunsill tal-Borough ta' Runnymede (UK/AE)

Dokument ta' referenza

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ biex tnaqqas il-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief

COM(2013) 761 final – 2013/0371 (COD)

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kuntest ġenerali

1.

jirrikonoxxi li l-karatteristiċi li wasslu għas-suċċess kummerċjali tal-basktijiet tal-plastik – ħeffa, saħħa u reżistenza għad-degradazzjoni – ikkontribwixxew ukoll għall-proliferazzjoni tagħhom. Huwa stmat li fl-2010 kull ċittadin tal-UE uża 198 basket tal-plastik, li xi 90 % minnhom huwa stmat li kienu basktijiet ħfief; dawn jintużaw mill-ġdid inqas ta' spiss minn basktijiet eħxen u x'aktarx jintremew aktar;

2.

jinnota li, mil-lat kummerċjali, il-vantaġġi li għandhom il-basktijiet tal-plastik ħfief ta' ħxuna ta' inqas minn 50 mikron (ħeffa, saħħa u reżistenza għad-degradazzjoni) kienu u għadhom sal-lum ir-raġuni għalfejn ftit li xejn jiġu riċiklati u jniġġsu l-art u l-ilmijiet mad-dinja kollha;

3.

jinnota li l-iskart tal-basktijiet tal-plastik fl-ekosistemi tal-ilma ma jolqotx biss il-pajjiżi b'kosta tal-baħar, iżda wkoll pajjiżi b'lagi kbar minħabba li ammont konsiderevoli tal-iskart mill-art jispiċċa fix-xmajjar. Ladarba mormija, il-basktijiet tal-plastik jippersistu għal mijiet ta' snin, l-aktar f'biċċiet żgħar, u n-numru kumulattiv ta' basktijiet tal-plastik mormija jiżdied biż-żmien u huwa rikonoxxut bħala sfida globali kbira;

4.

jinnota li l-basktijiet tal-plastik jitqiesu bħala imballaġġ taħt id-Direttiva dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (Direttiva 94/62/KE). Il-basktijiet tal-plastik jistgħu jitqiegħdu fis-suq biss jekk jikkonformaw ma' rekwiżiti essenzjali għall-imminimizzar tal-imballaġġ, it-tnaqqis ta' sustanzi perikolużi u l-adegwatezza għal użu mill-ġdid u rkupru, inkluż ir-riċiklaġġ, l-irkupru tal-enerġija, l-ikkompostjar u il-bijodegradazzjoni. Madankollu, ma hemm l-ebda leġislazzjoni jew politika tal-UE mmirata speċifikament għall-basktijiet tal-plastik;

5.

jirrikonoxxi li l-Istati Membri implimentaw diversi azzjonijiet biex inaqqsu l-użu tal-basktijiet tal-plastik, li jvarjaw minn ftehimiet volontarji, miżuri fiskali (il-Belġju, l-Irlanda, id-Danimarka), sa projbizzjoni diretta tal-basktijiet mhux bijodegradabbli, kif inhu l-każ fl-Italja. Xi Stati Membri diġa kisbu riżultati eċċellenti f'termini ta' tnaqqis fl-użu tagħhom tal-basktijiet tal-plastik, li jvarjaw minn madwar 4 basktijiet tal-plastik għal kull ċittadin fid-Danimarka u l-Finlandja, sa madwar 466 fil-Polonja, il-Portugall u s-Slovakkja;

6.

ifaħħar dawk l-Istati Membri li naqqsu l-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief għal kull persuna. Jidher ċar li hemm lok biex nitgħallmu mill-azzjoni li rnexxiet f'għadd ta' Stati Membri u jħeġġeġ il-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali madwar id-dinja biex jinnotaw dawn il-miżuri;

7.

jenfasizza li l-iskart tal-plastik kollu għandu jiġi ġestit bħala riżorsa kif previst mill-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'użu effiċjenti tar-riżorsi sabiex jintlaħqu l-għanijiet għall-2020;

Il-livell ta' ambizzjoni fid-Direttiva proposta

8.

fid-dawl tal-Opinjonijiet reċenti tiegħu (1), il-KtR jemmen li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea mhijiex ambizzjuża biżżejjed għall-prevenzjoni tal-basktijiet tal-plastik ħfief, u jistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jikkunsidraw:

bidla fid-definizzjoni/kamp ta' applikazzjoni biex, meta japplikaw l-istrumenti ekonomiċi, jinkludu l-basktijiet magħmulin mill-karta jew mil-lamtu li jintużaw darba, u biex jinkludu il-basktijiet li jintużaw diversi drabi;

mira vinkolanti għat-tnaqqis/prevenzjoni fil-livell tal-UE, minflok il-miri nazzjonali volontarji tat-tnaqqis, kif ukoll mandat addizzjonali għall-Kummissjoni Ewropea sabiex tesplora projbizzjoni Ewropea tal-basktijiet ħfief sal-2020;

obbligu għall-Istati Membri biex jużaw strumenti ekonomiċi, minbarra l-approċċ voluntarju.

9.

jemmen li taħlita ta' dawn il-miżuri, inkluż l-possibbiltà ssuġġerita biex l-Istati Membri japplikaw restrizzjonijiet tas-suq b'deroga mill-Artikolu 18, tirrappreżenta approċċ aktar effettiv. Il-miżuri jkunu ta' appoġġ reċiproku, flimkien mal-istrumenti ekonomiċi li jiġu implimentati bl-aħjar mod fuq livell nazzjonali u reġjonali, iżda hija importanti mira ambizzjuża fil-livell tal-UE biex tiżgura l-implimentazzjoni u s-sensibilizzazzjoni (2);

Definizzjoni/kamp ta' applikazzjoni

10.

jappoġġja d-definizzjoni proposta bbażata fuq ħxuna tal-plastik ta' 50 mikron bħala parametru xieraq sabiex tiskoraġġixxi l-użu tal-basktijiet tal-plastik ħfief mingħajr ma taffettwa ħażin il-basktijiet tal-plastik li jintużaw diversi drabi magħrufin bħala “basktijiet għal dejjem”. Il-basktijiet tal-plastik bi ħxuna ta' inqas minn 50 mikron, li huma stmati li jirrappreżentaw 90 % tan-numru totali tal-basktijiet tal-plastik kkunsmati fl-Unjoni, jintużaw mill-ġdid anqas ta' spiss u huma aktar suxxettibbli għar-rimi (3);

11.

jenfasizza l-importanza tad-definizzjoni/kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva proposta biex jiġu evitati konsegwenzi mhux intenzjonati, bħalma hija l-bidla għal materjali oħrajn, eħxen, għad li xorta jkunu basktijiet tal-plastik li jintużaw darba, u forom oħra ta' basktijiet tal-plastik b'funzjoni simili, li jistgħu ma jagħtux ir-riżultati ambjentali mixtieqa u għandhom il-potenzjal li jżidu l-volum tal-imballaġġ prodott;

12.

jappoġġja l-esklużjoni ta' basktijiet li jintużaw diversi drabi mill-miri tat-tnaqqis u mill-projbizzjonijiet possibbli, madankollu, jemmen li l-istrumenti ekonomiċi għandhom japplikaw ukoll għall-basktijiet li jintużaw diversi drabi, u jitlob l-inklużjoni tagħhom fid-definizzjoni/kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva għal dan l-għan speċifiku;

13.

jinnota li l-“basktijiet għal dejjem” huma ta' spiss sostitwiti mill-bejjiegħ bl-imnut mingħajr spejjeż, u dan għandu jitħeġġeġ. Din il-miżura tista' tkun ta' ġid għar-riżorsi naturali u ġġib il-bidla fl-imġiba biex il-basktijiet ma jitqiesux skart;

14.

jitlob kjarifika dwar jekk il-basktijiet tal-plastik ħfief ħafna (inqas minn 10 mikron) li jintużaw għall-ikel frisk jew mhux ipproċessat għall-konsum mill-bniedem jew mill-annimali jkunux inklużi skont id-definizzjoni proposta. Dawn huma ġeneralment esklużi mill-politiki tal-basktijiet tal-plastik għal raġunijiet ta' prattiċità, iġjene jew sikurezza tal-ikel (speċjalment meta jintużaw għal laħam nej). Madankollu, mira tal-UE għat-tnaqqis/prevenzjoni jaf tkun teħtieġ li jiġu inklużi sabiex jiġi evitat tibdil mhux intenzjonat fl-imġiba tal-konsumatur (4);

15.

jitlob ukoll kjarifika għalfejn id-definizzjoni tal-basktijiet tal-plastik ħfief ġiet limitata għall-basktijiet tal-plastik, pjuttost milli ma tkunx definizzjoni selettiva għal materjali speċifiċi u tkun tinkludi wkoll basktijiet mill-karta, mill-materjal ibbażat fuq il-pjanti jew mill-lamtu li jintużaw darba, u b'hekk jiġu indirizzati t-tendenzi insostenibbli tal-konsum u l-effiċjenza tar-riżorsi;

16.

jinnota, f'dan ir-rigward, li l-valutazzjoni tal-impatt li wettqet il-Kummissjoni Ewropea tissuġġerixxi li għal kull 1,000 basket tal-plastik li jintużaw darba u li jiġu ffrankati, in-nies jużaw medja ta' 127 basket tal-karta. Din tassumi li 50 % tal-basktijiet tal-plastik kkonsmati minn setturi mhux tas-supermarkets se jiġu sostitwiti bil-basktijiet tal-karta jekk dawn ma jkunux koperti mill-politika, kif pereżempju wriet l-esperjenza fl-Irlanda (5);

17.

jilqa' b'sodisfazzjon l-analiżi tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-politiki tal-iskart li qed jitħaddmu bħalissa u jistenna bil-ħerqa li jirċievi aktar kjarifiki dwar il-karatteristiċi ambjentali kemm pożittivi kif ukoll negattivi, li jirriżultaw minn teknoloġiji ġodda li jiddikjaraw li jipproduċu basktijiet, ossodegradabbli, bijodegradabbli jew kompostabbli. Huwa meħtieġ ukoll li jiġi mifhum l-impatt ta' dawn il-partiċelli mikroskopiċi fuq il-ħajja tal-baħar;

18.

joġġezzjona bil-qawwa għal kull eżenzjoni ta' basktijiet tal-plastik bijodegradabbli jew kompostabbli mid-definizzjoni/kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Il-KtR itenni t-tħassib tiegħu dwar it-tikkettar u d-definizzjonijiet qarrieqa u l-kredenzjali parzjalment ekoloġiċi ta' dawn il-basktijiet (6). Barra minn hekk, bidla lejn basktijiet bijodegradabbli mhix se tnaqqas in-numru ta' basktijiet mormija bħala skart. Għandha wkoll il-potenzjal li toħloq problemi għall-muniċipalitajiet fil-proċessi ta' riċiklaġġ tal-plastik u twassal għal konfużjoni dwar l-ikkompostjar domestiku jew kummerċjali;

19.

itenni t-talba tiegħu għal projbizzjoni tal-plastiks ossodegradabbli sakemm ir-riċerka ulterjuri tistabbilixxi l-valur miżjud ta' dawn il-prodotti;

20.

iqis li d-disinn tal-prodotti huwa kruċjali biex l-iskart jiġi minimizzat. jemmen li, filwaqt li d-Direttiva attwali dwar l-ekodisinn tiffoka fuq il-konsum tal-ilma u l-enerġija, ir-rieżami tagħha issa jista' jinkludi t-tħejjija għall-użu mill-ġdid, it-tiswija u r-riċiklaġġ tal-prodott flimkien ma' pariri lill-konsumatur dwar kemm iservi fit-tul il-basket tal-plastik;

21.

jirrakkomanda li d-disinni futuri jkollhom kontenut minimu ta' materjal riċiklat filwaqt li jrid ikun hemm fehim li ċerti użi għall-ikel u s-saħħa personali jeħtieġu standards speċifiċi tal-materjal;

Miri ta' tnaqqis u projbizzjonijiet nazzjonali jew tal-UE

22.

jappoġġja mira ta' tnaqqis li twassal għal konsum ta' mhux aktar minn 35 basket għal kull persuna fis-sena, li tkun tapplika għal kull Stat Membru u li tintlaħaq matul fażi ta' tranżizzjoni wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva. Dan jirrapreżenta tnaqqis ta' 80 % fil-medja tal-UE fl-2010 għall-konsum tal-basktijiet tal-plastik li jintużaw darba, u dan diġà ntlaħaq jew inqabeż minn xi Stati Membri;

23.

jilqa' b'sodisfazzjon id-dispożizzjoni proposta li tippermetti lill-Istati Membri jipprojbixxu l-basktijiet tal-plastik ħfief fit-territorju tagħhom, b'deroga mill-Artikolu 18 tad-Direttiva 94/62/KE. Din id-dispożizzjoni ġdida turi li aktar u aktar pajjiżi, reġjuni u bliet madwar id-dinja ipprojbixxew il-basktijiet tal-plastik ħfief jew qiesu l-introduzzjoni ta' projbizzjonijiet u dan in-numru għadu qed jiżdied;

24.

jirrikonoxxi li tali restrizzjonijiet nazzjonali għall-kummerċjalizzazzjoni huma soġġetti għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 34 sa 36 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dan ifisser li jridu jintlaħqu ċerti kundizzjonijiet – il-projbizzjoni ma tistax tkun diskriminatorja favur ċertu tip ta' basktijiet tal-plastik ħfief, u ma għandhiex isservi ta' restrizzjoni moħbija fil-kummerċ bejn l-Istati Membri. F'dan ir-rigward iqis li l-basktijiet ħfief kollha disponibbli attwalment għandhom jiġu soġġetti għal projbizzjoni sal-2020;

25.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tistħarreġ modi biex, sal-2020, tintroduċi projbizzjoni fuq il-basktijiet tal-plastik ħfief fis-servizz tal-bejgħ bl-imnut (7) fil-livell tal-UE. U jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tistudja l-kunflitti li jista' jkun hemm mar-regoli tas-suq intern u mal-liġi internazzjonali tal-kummerċ, il-bżonn għal bidla fil-bażi legali tad-Direttiva dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, it-tul tal-perjodu tranżitorju meħtieġ, u l-ħtieġa li l-projbizzjoni ssir flimkien ma' tariffi fuq basktijiet tal-plastik li jintużaw diversi drabi u miżuri oħra biex jiġu evitati konsegwenzi mhux intenzjonati;

26.

jirrakkomanda li l-Istati Membri għandhom jinkludu rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fi kwalunkwe kunsiderazzjoni dwar l-introduzzjoni ta' projbizzjonijiet bħal dawn;

Strumenti ekonomiċi

27.

jitlob li l-prinċipju ta' “min iniġġes iħallas” (8) jiġi implimentat bis-sħiħ u jinnota li l-Istati Membri li rnexxielhom inaqqsu l-konsum tal-basktijiet tal-plastik introduċew strumenti ekonomiċi (imposti/taxxi). Dan jidher pereżempju mir-riżultati inkoraġġanti tal-imposta fl-Irlanda jew it-taxxa fid-Danimarka fuq il-basktijiet tal-plastik (9);

28.

itenni li projbizzjoni fuq it-tqassim b'xejn tal-basktijiet tal-plastik ħfief u basktijiet oħra qed turi riżultati pożittivi f'għadd ta' reġjuni u għalhekk għandha tiġi kkunsidrata (10);

29.

iqis li l-inkoraġġiment tal-użu ta' strumenti bħal dawn kif qed jiġi propost mhux suffiċjenti u jitlob bidla fid-Direttiva proposta biex jiddaħħal obbligu għall-Istati Membri biex jużaw strumenti ekonomiċi sabiex jitnaqqas il-konsum u jiġi żgurat li l-basktijiet tal-plastik ma jingħatawx b'xejn. Dan l-obbligu jista' jkun ibbażat ukoll fuq l-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, li diġà tinkoraġġixxi l-użu ta' strumenti ekonomiċi b'mod ġenerali;

30.

jenfasizza li l-implimentazzjoni ta' strumenti ekonomiċi għandha titħalla f'idejn l-Istati Membri jew reġjuni bis-setgħat leġislattivi rilevanti;

31.

jenfasizza li xi fatturi fid-disinn huma kruċjali għall-effettività tal-istrumenti ekonomiċi:

livelli adatti tal-imposta/taxxa li jkunu jservu ta' diżinċentiv ġenwin għall-użu tal-basket tal-plastik: il-miżuri ekonomiċi introdotti minn xi Stati Membri b'anqas suċċess juru din il-ħtieġa;

ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu involuti f'kull rieżami dwar l-introduzzjoni ta' imposti/taxxi u dwar l-użu aħħari ta' dawn il-flus li jintużaw f'inizjattivi ta' tindif lokali;

l-imposta/taxxa għandha tkun kbira biżżejjed biex tkopri l-ispejjeż ambjentali u soċjali reali ġġenerati matul iċ-ċiklu tal-ħajja ta' basket tal-plastik ħafif;

fid-dawl tal-prinċipju tar-responsabbiltà tal-produttur, l-ispejjeż tal-ġbir u t-trattament tal-basktijiet tal-plastik ħfief għandhom ikunu koperti mill-prezz tal-basket;

kampanji ta' sensibilizzazzjoni b'enfasi fuq il-benefiċċji ambjentali bl-użu ta' programmi edukattivi, “inizjattivi ta' tindif”, l-inkoraġġiment ta' imġiba responsabbli fl-industrija tad-divertiment u t-turiżmu, u inizjattivi oħra f'kooperazzjoni mal-industrija tal-plastik u l-bejjiegħa bl-imnut;

ir-rwol li l-istituzzjonijiet edukattivi jaqdu biex jirresponsabilizzaw it-tfal u fit-tagħlim ta' mġiba responsabbli mill-ambjent;

infurzar effettiv mingħajr ma jiżdied il-piż fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali.

32.

jemmen li l-obbligu għall-introduzzjoni ta' strumenti ekonomiċi għandu jiġi applikat għat-tipi kollha ta' basktijiet tal-plastik, u mhux biss għal basktijiet ħfief, u b'hekk jitħeġġeġ aktar l-użu tal-basktijiet tal-plastik għal diversi drabi, u minħabba li fil-prattika huwa rari li l-basktijiet tal-plastik li jistgħu jintużaw diversi drabi jingħataw b'xejn. Madankollu, il-basktijiet tal-plastik li jistgħu jintużaw diversi drabi jistgħu jiġu sostitwiti b'xejn mill-bejjiegħ bl-imnut oriġinali.

33.

jemmen li l-inizjattivi volontarji fil-livell nazzjonali, inkluża r-responsabbiltà tal-bejjiegħa għat-teħid lura, jistgħu jgħinu biex jiġu trasferiti l-ispejjeż tal-awtoritajiet tal-iskart u dawk ambjentali għat-trattament ta' ċertu skart tal-plastik fil-katina tal-valur kollha.

34.

jenfasizza l-potenzjal tal-istrumenti ekonomiċi biex jiġġeneraw dħul għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, u li jkun jista' jintuża biex ipattu għall-ispejjeż amministrattivi marbutin mal-implimentazzjoni u l-infurzar, u biex jiddelimitaw fondi għal attivitajiet ta' tindif tal-iskart u għal proġetti ambjentali;

35.

itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea biex tistudja l-aħjar mod kif tista' tiddaħħal ir-responsabbiltà estiża tal-produttur fl-UE għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-iskart tal-plastik (11);

36.

jitlob li l-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra li tintroduċi referenza għar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur biex tinkludi l-internalizzazzjoni sħiħa tal-ispejjeż, u biex l-ispejjeż għat-trattament ta' dan it-tip ta' plastik, inklużi l-ispejjeż tal-skart, jgħaddu mill-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala ġestituri tal-iskart għal għand il-produtturi;

37.

jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissarju għall-Ambjent għal Inizjattiva ta' “Ġurnata Ewropea ta' tindif” fil-bidu ta' din is-sena;

38.

itenni l-appoġġ tiegħu għal din l-inizjattiva u oħrajn simili li jagħtu promimenza għall-isfida tal-iskart fl-ambjent li jiffaċċjaw l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Dan huwa prerekwiżit għall-bidla fl-imġiba biex jitnaqqas l-impatt ambjentali ta' żieda fil-ġenerazzjoni tal-iskart u għall-konservazzjonui tar-riżorsi naturali;

39.

jagħraf li filwaqt li l-akkumulazzjoni dejjem tikber ta' skart tal-plastik fl-ambjent tal-baħar madwar id-dinja hija sinjal ta' allarm, huwa rikonoxxut li l-maġġoranza ta' dan ir-rimi mhux kontrollat joriġina fuq l-art. Ir-rimi tal-basktijiet tal-plastik fi kwalunkwe ambjent huwa inaċċettabbli!

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU L-EMENDI

Emenda 1

COM(2013) 761 final – Premessa 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Il-Konsum tal-basktijiet tal-plastik jirriżulta f'livelli għoljin ta' skart u użu ineffiċjenti tar-riżorsi u huma mistenni li jiżdied jekk ma hija se tittieħed l-ebda azzjoni. L-iskart tal-basktijiet tal-plastik jikkontribwixxi għall-problema tal-iskart fil-baħar li qed thedded l-ekosistemi marittimi madwar id-dinja kollha.

Il-Konsum tal-basktijiet tal-plastik jirriżulta f'livelli għoljin ta' skart u użu ineffiċjenti tar-riżorsi u huma mistenni li jiżdied jekk ma hija se tittieħed l-ebda azzjoni. L-iskart tal-basktijiet tal-plastik jikkontribwixxi għall-problema tal-iskart fil-baħar li qed thedded l-ekosistemi marittimi u dawk tax-xmajjar u tal-korpi tal-ilma kbar madwar id-dinja kollha.

Raġuni

L-iskart tal-basktijiet tal-plastik ma jikkontribwixxix biss għall-problema tal-iskart fil-baħar, imma għandu konsegwenzi negattivi wkoll għall-ambjent ġenerali.

Emenda 2

COM(2013) 761 final – Premessa 5

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Sabiex jippromwovu tnaqqis simili tal-livell medju tal-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex inaqsu l-konsum tal-basktijiet tal-plastik bi ħxuna ta' inqas minn 50 microns f'konformità mal-għanijiet ġenerali tal-politika tal-UE dwar l-iskart u l-ġerarkija tal-UE dwar l-iskart kif tipprovdi d-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi7. Miżuri ta' tnaqqis bħal dawn għandhom iqiesu l-livelli tal-konsum attwali tal-basktijiet tal-plastik fl-Istati Membri individwali, fejn livelli iktar għoljin jirrikjedu sforzi iktar ambizzjużi. L-awtoritajiet nazzjonali se jipprovdu dejta dwar l-użu tagħhom skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 94/62/KE sabiex jimmonitorjaw il-progress fit-tnaqqis tal-użu tal-basktijiet tal-plastik.

Sabiex jippromwovu tnaqqis simili tal-livell medju tal-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex inaqsu sostanzjalment l-konsum tal-basktijiet tal-plastik bi ħxuna ta' inqas minn 50 microns f'konformità mal-għanijiet ġenerali tal-politika tal-UE dwar l-iskart u l-ġerarkija tal-UE dwar l-iskart kif tipprovdi d-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi7. Miżuri ta' tnaqqis bħal dawn għandhom iqiesu l-livelli tal-konsum attwali tal-basktijiet tal-plastik fl-Istati Membri individwali, fejn livelli iktar għoljin jirrikjedu sforzi iktar ambizzjużi. L-awtoritajiet nazzjonali se jipprovdu dejta dwar l-użu tagħhom skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 94/62/KE sabiex jimmonitorjaw il-progress fit-tnaqqis tal-użu tal-basktijiet tal-plastik.

Raġuni

Dan isaħħaħ il-lingwaġġ f'konformità mal-mira konkreta proposta għal tnaqqis ta' mill-inqas 80 % kif propost fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 94/62/KE.

Emenda 3

COM(2013) 761 final – Premessa 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri jistgħu jinvolvu l-użu ta' strumenti ekonomiċi bħat-taxxi u l-imposti, li taw prova li huma partikolarment effettivi biex inaqsu l-użu tal-basktijiet tal-plastik, kif ukoll ir-restrizzjonijiet kummerċjali bħal projbizzjonijiet b'deroga tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 94/62/KE, suġġett għar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 34 sa 36 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri jistgħu għandhom jinvolvu l-użu ta' strumenti ekonomiċi bħat-taxxi u l-imposti, li taw prova li huma partikolarment effettivi biex inaqsu l-użu tal-basktijiet tal-plastik, kif ukoll ir-restrizzjonijiet kummerċjali bħal projbizzjonijiet b'deroga tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 94/62/KE, suġġett għar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 34 sa 36 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Raġuni

L-aktar mod effettiv biex jitnaqqas l-użu tal-basktijiet tal-plastik huwa billi ma jibqgħux jingħataw b'xejn. Dan għandu jsir obbligu fl-Istati Membri kollha.

Emenda 4

COM(2013) 761 final, Artikolu 1, punt 1 (daħħal punt 1 ġdid) – Direttiva 94/62/KE, Artikolu 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Xejn.

Fl-Artikolu 3, jiddaħħal il-punt 2a li ġej::

“2.a   'basktijiet tal-plastik' għandha tfisser basktijiet li jingħataw lill-konsumaturi fil-punt tal-bejgħ sabiex l-oġġetti jew il-prodotti jkunu jistgħu jittieħdu jew jitwasslu.

Raġuni

Għandha tiddaħħal definizzjoni ġenerali għall-basktijiet tal-plastik qabel ma niddefinixxu basktijiet tal-plastik “ħfief”.

Emenda 5

COM(2013) 761 final, Artikolu 1, punt 1 – Direttiva 94/62/KE, Artikolu 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Fl-Artikolu 3, jiddaħħal il-punt 2a ġdid li ġej:

Fl-Artikolu 3, jiddaħħal il-punt 2a 2b ġdid li ġej:

"2a.   'basktijiet tal-plastik ħfief' għandha tfisser basktijiet magħmula minn materjali tal-plastik kif hemm definit fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 10/2011* bi ħxuna li hija inqas minn 50 microns u li huma fornuti lill-konsumaturi fil-punt tal-bejgħ tal-oġġetti jew prodotti.

"2a 2b.   'basktijiet tal-plastik ħfief' għandha tfisser basktijiet magħmula totalment jew parzjalment minn materjali tal-plastik kif hemm definit fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 10/2011* bi ħxuna li hija inqas minn 50 microns u li huma fornuti lill-konsumaturi fil-punt tal-bejgħ tal-oġġetti jew prodotti.

Raġuni

Sabiex tkun tinkludi basktijiet li fihom laminat jew partijiet tal-plastik.

Emenda 6

COM(2013) 761 final, Artikolu 1, punt 2 – Direttiva 94/62/EC, Artikolu 14

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(2)

Fl-Artikolu 4, jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

(2)

Fl-Artikolu 4, jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

'1a   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiksbu tnaqqis fil-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief fit-territorju tagħhom fi żmien sentejn tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

'1a   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jilħqu mira minima mal-UE kollha ta' tnaqqis għal 35 basket għal kull persuna fis-sena jiksbu tnaqqis f'konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief fit-territorju tagħhom fi żmien sentejn tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu l-użu ta' miri ta' tnaqqis nazzjonali, strumenti ekonomiċi kif ukoll restrizzjonijiet kummerċjali b'deroga mill-Artikolu 18 ta' din id-Direttiva.

Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu l-użu ta' miri ta' tnaqqis nazzjonali, strumenti ekonomiċi kif ukoll restrizzjonijiet kummerċjali b'deroga mill-Artikolu 18 ta' din id-Direttiva.

L-Istati Membri għandhom jirrapportaw dwar l-effetti ta' dawn il-miżuri fuq il-formazzjoni ġenerali tal-iskart tal-imballaġ meta jirrapportaw lill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 17 ta' din id-Direttiva.'

L-Istati Membri għandhom jirrapportaw dwar l-effetti ta' dawn il-miżuri fuq il-formazzjoni ġenerali tal-iskart tal-imballaġ meta jirrapportaw lill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 17 ta' din id-Direttiva.'

 

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri biex jitnaqqas il-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief ma għandhomx iwasslu għal żieda ġenerali fil-ġenerazzjoni tal-imballaġ."

Raġuni

Għandu jkun hemm mira ta' tnaqqis ċara għall-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief. Din hija bbażata fuq tnaqqis ta' 80 % fil-medja tal-konsum fl-UE sal-2010.

Id-dispożizzjoni fil-Premessa 7 tal-proposta tal-Kummissjoni għandha tiddaħħal fil-parti operattiva biex jiġu evitati effetti negattivi mhux previsti fil-mira ta' tnaqqis.

Brussell, 3 ta' April 2014

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  CdR 3751/2013 fin, CdR 1617/2013 fin.

(2)  BIO 09/2011.

(3)  BIO 09/2011.

(4)  SWD(2013) 444.

(5)  SWD(2013) 444.

(6)  CdR 3751/2013 fin.

(7)  Ara wkoll SWD(2013) 444.

(8)  CdR 3751/2013 fin.

(9)  BIO study 09/2011, ACR+/ACR+MED 2013.

(10)  CdR 3751/2013 fin.

(11)  CdR 3751/2013 fin.


7.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 174/50


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Emenda tad-Direttivi dwar esklużjonijiet għall-baħħara

2014/C 174/09

Relatur

Is-Sur Lindquist (SE/PPE), Sindku ta' Lidingö

Dokument ta' referenza

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-baħħara li temenda d-Direttivi 2008/94/KE, 2009/38/KE, 2002/14/KE, 98/59/KE u 2001/23/KE

COM(2013) 798 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tirrevedi r-regoli eżistenti dwar l-esklużjoni li jikkonċernaw l-implimentazzjoni ta' għadd ta' direttivi dwar il-liġi tax-xogħol għall-baħħara u b'mod ġenerali jappoġġja l-Proposta għal Direttiva;

Kummenti tal-Kumitat

2.

josserva li industrija marittima u suq tax-xogħol li jaħdmu tajjeb għall-baħħara huma ta' importanza kbira, b'mod partikolari għar-reġjuni kostali u l-abitanti tagħhom;

3.

jenfasizza l-importanza li r-regoli dwar il-protezzjoni marbutin mal-Artikolu 51 tat-TFUE jiġu applikati kemm jista' jkun bl-istess mod għall-kategoriji kollha tal-ħaddiema fl-Istati Membri, u għandu jkun hemm kundizzjonijiet ekwi għall-industrija marittima fi ħdan l-UE, hu liema hu l-Istat Membru li fih tkun qed issir l-attività inkwistjoni;

4.

huwa tal-fehma li l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jipprovdu għal esklużjonijiet mir-regoli dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema abbażi tal-leġislazzjoni tal-UE għal raġunijiet sodi u konkreti abbażi taċ-ċirkustanzi partikolari tal-attività;

5.

huwa tal-fehma li għandha tingħata attenzjoni partikolari lir-rekwiżit tat-trattament ugwali tal-impjegati fil-każ tad-drittijiet li huma rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Kif tosserva l-Kummissjoni, dan jinkludi r-regoli dwar id-dritt għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni u d-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti;

6.

huwa tal-fehma li wieħed mill-aspetti importanti biex jiġi evalwat jekk esklużjoni ta' dan it-tip tistax titqies bħala ġġustifikata huwa sa liema punt l-Istati Membri użaw kull possibbiltà u l-effetti li din kellha fuq, pereżempju, il-kompetizzjoni li tiffaċċja l-industrija marittima fl-Istati Membri li għażlu li jimplimentaw id-direttivi b'mod li r-regoli japplikaw ukoll għall-baħħara;

7.

josserva li l-ebda Stat Membru ma rrapporta effetti negattivi sinifikanti, rigward pereżempju tibdil fl-Istat tal-bandiera u l-ispejjeż ġenerali, minħabba li jkunu ġew applikati l-istess regoli għall-baħħara u l-ħaddiema fuq l-art. Lanqas ma huwa l-każ li Stati Membri li ma eskludewx lill-baħħara mill-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni u dispożizzjonijiet oħra dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema fid-direttivi attwali rrappurtaw xi żvantaġġi kompetittivi kontra pajjiżi oħra tal-UE li applikaw xi waħda mill-esklużjonijiet jew għadd minnhom;

8.

josserva li peress li ċerti Stati Membri biss użaw l-għażla li japplikaw esklużjonijiet jew derogi mir-regoli dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni, hemm regoli differenti għal min iħaddem fl-industrija marittima skont in-nazzjonalità tal-bandiera li jkun qed itajjar bastiment partikolari;

9.

huwa tal-fehma li xorta waħda għandha tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni partikolari tax-xogħol marittimu meta mqabbel ma' attivitajiet ibbażati fuq l-art, l-iżjed fejn jinqalgħu diffikultajiet ta' natura purament prattika biex jiġi applikat bis-sħiħ rekwiżit obbligatorju għall-protezzjoni tal-ħaddiema minħabba n-natura ta' attività partikolari, flimkien mal-effetti negattivi potenzjali marbutin mal-kompetizzjoni għall-kumpaniji tal-UE minħabba dan kollu;

10.

jiġbed l-attenzjoni għall-Konvenzjoni tal-2006 dwar ix-Xogħol Marittimu tal-ILO li daħlet fis-seħħ fit-30 ta' Awwissu 2013 u li diġà ġiet irratifikata minn bosta pajjiżi. Permezz tad-Direttiva 2009/13/KE, l-UE implimentat il-ftehim dwar il-Konvenzjoni konkluż mill-imsieħba soċjali fis-settur marittimu fil-livell tal-UE. Id-Direttiva stabbilixxiet standard minimu fil-livell dinji rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg fuq il-baħar u ħolqot is-sisien għal kundizzjonijiet ugwali fi ħdan is-settur marittimu inġenerali. Madankollu, id-Direttivi li l-Kummissjoni qed tipproponi li temenda jmorru lil hinn mill-Konvenzjoni u jinvolvu għadd akbar ta' regoli dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema;

Valutazzjoni tal-Kumitat

11.

josserva li l-użu tal-possibbiltà ta' esklużjoni mid-dispożizzjonijiet ta' protezzjoni tad-Direttiva 2008/94/KE għas-sajjieda bis-sehem ifisser li din il-kategorija ta' ħaddiema ma tibbenefikax mid-dritt għal salarju garantit li għandhom ħaddiema oħra fl-Istati Membri. Huwa tal-fehma li diskriminazzjoni ta' din ix-xorta ma tistax titqies bħala ġustifikata fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet speċjali tal-attività inkwistjoni u għalhekk għandha tiġi abolixxita;

12.

Id-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni huwa dritt fundamentali b'konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Huwa tal-fehma li għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti ta' livell għoli b'relazzjoni mar-raġunijiet li jagħmluha possibbli li ċerti kategoriji ta' ħaddiema jiġu esklużi mid-drittijiet li ħaddiema oħra jibbenefikaw minnhom b'konformità mal-leġislazzjoni tal-UE f'dan il-qasam;

13.

jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li, fid-dawl, fost affarijiet oħra, tal-iżvilupp fil-qasam tal-ICT, ma hemmx ostakli li fil-prattika jistgħu jiġġustifikaw esklużjoni milli jiġu applikati għall-baħħara l-istess regoli rigward l-informazzjoni u l-konsultazzjoni;

14.

jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li għandha titneħħa l-possibbiltà ta' esklużjoni f'dak li jirrigwarda d-dritt għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni għall-baħħara fid-Direttivi attwali;

15.

huwa tal-fehma li l-kwistjoni tal-protezzjoni tal-ħaddiema f'dak li jirrigwarda t-trasferiment tal-impriżi u s-sensji kollettivi titlob kundizzjonijiet speċjali li jqisu n-natura tas-settur marittimu. Il-bejgħ u x-xiri tal-bastimenti spiss huma parti integrali mill-attività nnifisha u hija ħaġa komuni fis-suq internazzjonali li l-bastimenti jinbiegħu u jinxtraw mingħajr ekwipaġġ;

16.

josserva li r-rappreżentanti ta' min iħaddem u għadd ta' Stati Membri ġibdu l-attenzjoni għall-fatt li l-applikazzjoni obbligatorja tar-regoli ta' protezzjoni b'konformità mad-Direttivi 2001/23/KE u 98/59/KE tinvolvi spejjeż ogħla għas-settur marittimu u żvantaġġi kompetittivi fil-konfront ta' kumpaniji barra l-UE, l-iżjed meta l-bejgħ u x-xiri ta' bastimenti jagħmlu parti mill-attivitajiet kummerċjali. Ġie enfasizzat ukoll li l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' protezzjoni minn perspettiva prattika tinvolvi kumplikazzjonijiet serji;

17.

huwa tal-fehma li l-oġġezzjonijiet li jinvolvu r-riskju ta' żvantaġġi kompetittivi għall-kumpaniji tal-UE – anke jekk l-Istati Membri li japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi dwar il-protezzjoni tal-baħħara ma jkunu rrappurtaw l-ebda konsegwenza negattiva għall-kompetizzjoni – għandhom jittieħdu bis-serjetà. Kull Stat Membru jista' jagħmel l-aħjar valutazzjoni tal-impatt tal-implimentazzjoni obbligatorja ta' regola partikolari abbażi tal-prattiki u t-tradizzjonijiet tal-industrija tat-tbaħħir fil-pajjiż ikkonċernat;

18.

huwa tal-fehma li għandu jitħalla f'idejn l-Istati Membri biex, fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi reġjonali attwali, jiddeterminaw jekk, minbarra d-dritt għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni, għandhomx japplikaw – anke fil-każ tal-baħħara – ir-regoli dwar il-protezzjoni f'każ ta' trasferiment ta' impriża u sensji kollettivi u sa liema punt għandhom japplikaw;

19.

jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-esklużjonijiet fid-Direttivi 2001/23/KE u 98/59/KE għandhom jiġu limitati għal sitwazzjonijiet fejn it-trasferiment ta' impriża jinvolvi biss il-bejgħ ta' bastiment jew ikun hemm sensji kollettivi minħabba dan il-bejgħ imminenti ta' bastiment wieħed jew iżjed. Jaqbel ukoll mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tad-Direttiva dwar is-sensji kollettivi li għandu jkun hemm esklużjonijiet biss rigward it-tul tal-hekk imsejjaħ perjodu ta' cooling-off;

20.

għandu dubju dwar il-proposta li tiġi emendata d-Direttiva 98/59/KE f'dak li jirrigwarda r-referenza għall-kunċett ta' “trasferiment” fid-Direttiva 2001/23/KE. Ma jarax il-bżonn li jkun hemm derogi mil-lat tal-hekk imsejjaħ perjodu ta' cooling-off fid-Direttiva 98/59/KE fid-dawl tal-fatt li l-bejgħ ta' bastiment jikkostitwixxi trasferiment ta' impriża skont it-tifsira tad-Direttiva 2001/23/KE. Barra minn hekk, implimentazzjoni ta' dan it-tip twassal għal inċertezza legali sinifikanti peress li sikwit ikun diffiċli li jiġi vvalutat minn qabel jekk jeżistix jew le trasferiment ta' impriża skont it-tifsira tad-Direttiva 2001/23/KE;

21.

josserva li l-perjodu ta' tranżizzjoni propost fl-Artikolu 8 huwa pjuttost twil. Fid-dawl tal-fatt li l-proposta tikkonċerna l-implimentazzjoni ta' regoli dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema b'konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kull ħidma addizzjonali dwar il-proposta għandha tikkunsidra l-possibbiltà li l-perjodu ta' tranżizzjoni jitnaqqas;

Is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità

22.

josserva li d-Direttivi li jintlaqtu mill-proposta tal-Kummissjoni għandhom l-għan li jarmonizzaw għadd ta' regoli dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema fi ħdan l-UE u li joħolqu s-sisien għal kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-kumpaniji fi ħdan l-UE. Id-Direttivi jistgħu jiġu emendati biss fil-livell tal-UE. Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-emendi proposti huma konformi mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU L-EMENDI

Emenda 1

Premessa 5

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Fil-preżent, is-sitwazzjoni legali qed twassal biex ħaddiema fl-istess kategorija jingħataw trattament differenti minn Stati Membri differenti, u dan skont jekk japplikawx jew le l-eżenzjonijiet u d-derogi permessi minn din il-leġiżlazzjoni. Għadd importanti ta’ Stati Membri għamlu użu limitat mill-esklużjonijiet.

 

Raġuni

Jeħtieġ li tiġi kkunsidrata l-ħidma konġunta tal-imsieħba soċjali u l-UE bil-għan li tinġibed l-attenzjoni għall-protezzjoni tal-baħħara, u bil-għan li jinħolqu kundizzjonijiet ekwi fis-settur marittimu fil-livell dinji.

Emenda 2

Artikolu 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Id-Direttiva 98/59/KE tiġi emendata kif ġej:

Id-Direttiva 98/59/KE tiġi emendata kif ġej:

1.   L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

Fil-paragrafu 1, jiżdied il-punt (c) li ġej:

“(c)

‘trasferiment’ huwa interpretat fis-sens tad-Direttiva 2001/23/KE.”

Fl-Artikolu 1(2), il-punt (c) jitħassar.

1.   L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

Fil-paragrafu 1, jiżdied il-punt (c) li ġej:

“(c)

‘trasferiment’ huwa interpretat fis-sens tad-Direttiva 2001/23/KE.”

Fl-Artikolu 1(2), il-punt (c) jitħassar.

2.   Fl-Artikolu 3(1), it-tieni subparagrafu jiddaħħal mill-ġdid:

“Meta s-sensji kollettivi previsti jkunu jikkonċernaw lil membri tal-ekwipaġġ ta’ bastiment tat-tbaħħir, in-notifika ssir lill-awtorità kompetenti tal-Istat tal-bandiera li jtajjar il-bastiment.”

2.   Fl-Artikolu 3(1), it-tieni subparagrafu jiddaħħal mill-ġdid:

“Meta s-sensji kollettivi previsti jkunu jikkonċernaw lil membri tal-ekwipaġġ ta’ bastiment tat-tbaħħir, in-notifika ssir lill-awtorità kompetenti tal-Istat tal-bandiera li jtajjar il-bastiment.”

3.   F’Artikolu 4, jidħol il-paragrafu 1a li ġej:

3.“1a.   Meta s-sensji kollettivi previsti ta’ membri tal-ekwipaġġ isiru b’rabta ma’

trasferiment ta’ bastiment tat-tbaħħir jew jirriżultaw minn tali trasferiment, l-Istati Membri jistgħu, wara li jikkonsultaw mal-imsieħba soċjali, jagħtu d-dritt lill-awtorità pubblika kompetenti li tidderoga, jew bis-sħiħ, jew parzjalment, mill-perjodu stipulat fil-paragrafu 1 fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

l-oġġett tat-trasferiment ikun jikkonsisti esklużivament f’bastiment tat-tbaħħir wieħed jew iktar.

(b)

dak li jimpjega jħaddem bastiment wieħed biss.”

3.   F’Artikolu 4, jidħol il-paragrafu 1a li ġej:

3.“1a.   “1a. Meta s-sensji kollettivi previsti ta’ membri tal-ekwipaġġ isiru biss b’rabta ma’ trasferiment mal-bejgħ ta’ bastiment wieħed jew iżjed tat-tbaħħir jew jirriżultaw minn tali trasferiment, l-Istati Membri jistgħu, wara li jikkonsultaw mal-imsieħba soċjali, jagħtu d-dritt lill-awtorità pubblika kompetenti li tidderoga, jew bis-sħiħ, jew parzjalment, mill-perjodu stipulat fil-paragrafu 1. fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

l-oġġett tat-trasferiment ikun jikkonsisti esklużivament f’bastiment tat-tbaħħir wieħed jew iktar.

(b)

dak li jimpjega jħaddem bastiment wieħed biss.”

Raġuni

Skont id-dipożizzjonijiet tad-Direttiva dwar it-Trasferiment tal-Impriżi, jitqies li jkun sar trasferiment meta l-impriża żżomm l-identità tagħha wara li jkun sar it-trasferiment, ġaladarba jiġu analizzati ċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, meta jkun qed jiġi vvalutat jekk impriża żammitx l-identità tagħha wara t-trasferiment, għandhom jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi kollha relatati mal-każ inkwistjoni (ara b'mod partikolari l-kawża Spijker). Ma hemm l-ebda garanzija li ċ-ċirkustanzi li jikkonċernaw il-bejgħ ta' bastiment dejjem jimplikaw trasferiment skont it-tifsira tad-Direttiva dwar it-Trasferiment tal-Impriżi.

Ir-raġunijiet li jiġġustifikaw deroga mill-hekk imsejjaħ “perjodu ta' cooling-off” fid-Direttiva dwar is-Sensji Kollettivi ma għandhomx jiddependu minn jekk il-bejgħ ta' bastiment wieħed jew iżjed jikkostitwixxix trasferiment jew le skont it-tifsira tad-Direttiva dwar it-Trasferiment tal-Impriżi Il-formulazzjoni proposta mill-Kummissjoni tagħmilha diffiċli li, għal kull każ, tittieħed deċiżjoni minn qabel jekk l-esklużjoni tapplikax jew le. Għalhekk, jeħtieġ li l-possibbiltà ta' esklużjoni tiddependi b'mod espliċitu minn sensja kollettiva li tinvolvi biss il-bejgħ ta' bastiment wieħed jew iżjed, u għandha titneħħa r-referenza għall-kunċett ta' trasferiment skont it-tifsira tad-Direttiva dwar it-Trasferiment tal-Impriżi.

Emenda 3

Artikolu 5(3)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Għandu jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

Għandu jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

'4.   Wara li jikkonsultaw mal-imsieħba soċjali, l-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-Kapitolu II ta’ din id-Direttiva ma japplikax fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

l-oġġett tat-trasferiment ikun jikkonsisti esklużivament f’bastiment tat-tbaħħir wieħed jew iktar,

(b)

l-impriża jew in-negozju li se tiġi/jiġi ttrasferit(a) tħaddem bastiment wieħed biss.'

'4.   Wara li jikkonsultaw mal-imsieħba soċjali, l-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-Kapitolu II ta’ din id-Direttiva ma japplikax fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

l-oġġett tat-trasferiment ikun jikkonsisti esklużivament f’bastiment tat-tbaħħir wieħed jew iktar, .

(b)

l-impriża jew in-negozju li se tiġi/jiġi ttrasferit(a) tħaddem bastiment wieħed biss.'

Raġuni

Huwa pjuttost raġonevoli li l-impriżi jiġu ttrattati b'mod ugwali irrispettivament minn jekk għandhomx bastiment wieħed jew iktar.

Brussell, 3 ta' April 2014

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO