7.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 261/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2022/1854

tas-6 ta’ Ottubru 2022

dwar intervent ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 122(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Minn Settembru 2021 ġew osservati prezzijiet għoljin ħafna fis-swieq tal-elettriku. Kif stabbilit mill-Aġenzija tal-UE għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) stabbilita bir-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fil-valutazzjoni finali tagħha tad-disinn tas-suq tal-elettriku bl-ingrossa tal-Unjoni f’April 2022, dan huwa prinċipalment konsegwenza tal-prezz għoli tal-gass, li jintuża bħala input għall-ġenerazzjoni tal-elettriku. L-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-gass naturali spiss ikunu meħtieġa biex jissodisfaw id-domanda għall-elettriku meta d-domanda tkun fl-ogħla livell tagħha binhar jew meta l-volumi tal-elettriku ġġenerat minn teknoloġiji oħra bħall-enerġija nukleari, l-enerġija idroelettrika jew sorsi tal-enerġija rinnovabbli varjabbli ma jkunux biżżejjed biex ikopru d-domanda. L-eskalazzjoni tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, Parti Kontraenti għat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija (2), minn Frar 2022 wasslet għal tnaqqis sinifikanti fil-provvisti tal-gass. Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna kkawżat ukoll inċertezza rigward il-provvista ta’ prodotti primarji oħra, bħall-faħam iebes u l-petroleum grezz, li jintużaw minn impjanti li jiġġeneraw l-enerġija. Dan irriżulta f’żidiet addizzjonali sostanzjali u f’volatilità fil-prezz tal-elettriku.

(2)

Il-livelli reċenti sostanzjalment aktar baxxi tal-forniment tal-gass u ż-żieda tal-interruzzjonijiet fil-provvista tal-gass mir-Russja jindikaw li jeżisti riskju sinifikanti ta’ waqfien totali tal-provvisti tal-gass mir-Russja fil-futur qarib. Sabiex tiżdied is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2022/1369 (3) li jipprevedi tnaqqis volontarju fid-domanda għall-gass naturali b’mill-inqas 15 % bejn l-1 ta’ Awwissu 2022 u l-31 ta’ Marzu 2023 u jagħti l-possibbiltà lill-Kunsill li jiddikjara allert tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass, li jiskatta t-tnaqqis mandatorju fid-domanda għall-gass mal-Unjoni kollha.

(3)

B’mod parallel, it-temperaturi eċċezzjonalment għoljin osservati matul is-sajf tal-2022 żiedu d-domanda għall-elettriku għat-tkessiħ, u dan żied il-pressjoni fuq il-ġenerazzjoni tal-elettriku filwaqt li, fl-istess ħin, il-ġenerazzjoni tal-elettriku minn ċerti teknoloġiji kienet ferm taħt il-livelli storiċi minħabba ċirkostanzi tekniċi u li jiddependu mit-temp. Dan huwa prinċipalment dovut għal nixfa eċċezzjonali li wasslet għal: (i) nuqqas fil-produzzjoni tal-elettriku mill-impjanti tal-enerġija nukleari fi Stati Membri differenti kkawżat min-nuqqas ta’ ilma disponibbli għat-tberrid; (ii) ġenerazzjoni skarsa tal-enerġija idroelettrika; u (iii) livelli baxxi ta’ ilma fix-xmajjar ewlenin li affettwaw b’mod negattiv it-trasport tal-prodotti primarji li jintużaw bħala fjuwil tal-input għall-ġenerazzjoni tal-elettriku. Din is-sitwazzjoni bla preċedent tfisser li l-volumi tal-elettriku ġġenerat mill-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-gass naturali baqgħu għoljin b’mod persistenti, u dan ikkontribwixxa għall-prezzijiet tal-elettriku bl-ingrossa eċċezzjonalment u anormalment għoljin. Minkejja d-disponibbiltà mnaqqsa tal-kapaċitajiet ta’ ġenerazzjoni f’xi Stati Membri, l-iskambji tal-elettriku bejn l-Istati Membri għenu biex jiġu evitati inċidenti ta’ sigurtà tal-provvista u kkontribwew biex itaffu l-volatilità tal-prezzijiet fis-swieq tal-Unjoni, u b’hekk saħħew ir-reżiljenza ta’ kull Stat Membru għax-xokkijiet fil-prezzijiet.

(4)

Iż-żieda fil-prezzijiet fis-swieq tal-elettriku bl-ingrossa wasslet għal żidiet drastiċi fil-prezzijiet bl-imnut tal-elettriku, li huma mistennija li jkomplu sal-istaġun tat-tisħin li ġej u gradwalment ser ikollhom effett fuq il-biċċa l-kbira tal-kuntratti tal-konsumaturi. Iż-żieda drastika fil-prezzijiet tal-gass u fid-domanda li tirriżulta minnha għal fjuwils alternattivi wasslet ukoll għal żieda fil-prezzijiet ta’ prodotti primarji oħra bħal dawk tal-petroleum grezz u tal-faħam.

(5)

L-Istati Membri kollha ġew affettwati b’mod negattiv mill-kriżi attwali tal-enerġija, għalkemm b’mod differenti. Iż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija qed tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-inflazzjoni ġenerali fiż-żona tal-euro u qed tnaqqas ir-ritmu tat-tkabbir ekonomiku fl-Unjoni.

(6)

Għalhekk huwa meħtieġ rispons rapidu u kkoordinat fil-livell tal-Unjoni. L-istabbiliment ta’ intervent ta’ emerġenza jippermetti mitigazzjoni temporanja tar-riskju li l-prezzijiet tal-elettriku u l-kost tal-elettriku għall-klijenti finali jilħqu livelli saħansitra inqas sostenibbli u li l-Istati Membri jadottaw miżuri nazzjonali mhux ikkoordinati, li jistgħu jipperikolaw is-sigurtà tal-provvista fil-livell tal-Unjoni u jpoġġu piż addizzjonali fuq l-industrija u l-konsumaturi tal-Unjoni. Fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, huwa meħtieġ sforz ikkoordinat mill-Istati Membri matul l-istaġun tax-xitwa 2022-23 biex jittaffa l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija u jiġi żgurat li l-kriżi attwali ma twassalx għal ħsara dejjiema għall-konsumaturi u għall-ekonomija, filwaqt li tiġi ppreservata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi.

(7)

L-interruzzjonijiet attwali ta' provvisti tal-gass, id-disponibbiltà mnaqqsa ta’ ċerti impjanti li jiġġeneraw l-enerġija, u l-impatti li jirriżultaw minnha fuq il-prezzijiet tal-gass u tal-elettriku, jikkostitwixxu diffikultà serja fil-provvista ta’ prodotti tal-enerġija tal-gass u tal-elettriku skont it-tifsira tal-Artikolu 122(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Hemm riskju serju li s-sitwazzjoni tiddeterjora aktar fl-istaġun tax-xitwa 2022-23 f’każ ta’ aktar interruzzjonijiet fil-provvisti tal-gass u ta’ staġun kiesaħ tax-xitwa li jżid id-domanda għall-gass u għall-elettriku. Tali deterjorament ulterjuri jista’ jwassal għal aktar pressjoni ’l fuq fuq il-prezzijiet tal-gass u ta’ prodotti primarji oħra tal-enerġija b’impatt konsegwenti fuq il-prezzijiet tal-elettriku.

(8)

It-tfixkil fis-suq tal-enerġija, ikkawżat minn wieħed mill-atturi ewlenin tas-suq li naqqas b'mod artifiċjali l-provvista tal-gass fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, u l-gwerra ibrida li qed titwettaq b'riżultat ta' dan, ħolqu sitwazzjoni ta' kriżi li teħtieġ l-adozzjoni ta’ sett ta’ miżuri urġenti, temporanji u eċċezzjonali ta’ natura ekonomika biex jiġu indirizzati l-effetti li l-konsumaturi u l-kumpaniji ma jifilħux għalihom. Jekk ma tiġix indirizzata malajr, is-sitwazzjoni ta' kriżi jista' jkollha effetti detrimentali serji fuq l-inflazzjoni, fuq il-likwidità tal-operaturi tas-suq u fuq l-ekonomija kollha kemm hi.

(9)

Rispons konġunt u kkoordinat tajjeb fl-Unjoni kollha huwa meħtieġ biex tiġi indirizzata ż-żieda drastika fil-prezzijiet tal-elettriku u l-impatt tagħhom fuq l-unitajiet domestiċi u l-industrija. Miżuri nazzjonali mhux ikkoordinati jistgħu jaffettwaw il-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija, jipperikolaw is-sigurtà tal-provvista u jwasslu għal aktar żidiet fil-prezzijiet fl-aktar Stati Membri milquta mill-kriżi. Għalhekk, is-salvagwardja tal-integrità tas-suq intern tal-elettriku hija kruċjali biex tiġi ppreservata u tissaħħaħ is-solidarjetà neċessarja bejn l-Istati Membri.

(10)

Filwaqt li xi Stati Membri jistgħu jkunu aktar esposti għall-effetti ta’ interruzzjoni fil-provvisti tal-gass mir-Russja u għaż-żidiet fil-prezzijiet li jirriżultaw minnha, l-Istati Membri kollha jistgħu jikkontribwixxu biex jillimitaw il-ħsara ekonomika kkawżata minn tali interruzzjoni billi jieħdu miżuri xierqa għat-tnaqqis fid-domanda. It-tnaqqis fid-domanda għall-elettriku fil-livell nazzjonali jista’ jkollu effett pożittiv għall-Unjoni kollha fuq il-prezzijiet tal-elettriku, peress li s-swieq tal-elettriku huma akkoppjati u b’hekk l-iffrankar fi Stat Membru wieħed ikun ta’ benefiċċju wkoll għal Stati Membri oħra.

(11)

Limiti massimi mhux ikkoordinati fuq id-dħul mis-suq mill-elettriku prodott minn ġeneraturi b’kostijiet marġinali aktar baxxi bħall-enerġija rinnovabbli, l-enerġija nukleari, u l-linjite (‘ġeneraturi inframarġinali’) jistgħu jwasslu għal distorsjonijiet sinifikanti bejn il-ġeneraturi fl-Unjoni, peress li l-ġeneraturi jikkompetu madwar l-Unjoni kollha f’suq tal-elettriku akkoppjat. Impenn favur limitu massimu konġunt għall-Unjoni kollha fuq id-dħul mis-suq minn ġeneraturi inframarġinali jenħtieġ li jippermetti li jiġu evitati tali distorsjonijiet. Barra minn hekk, mhux l-Istati Membri kollha jistgħu jsostnu lill-konsumaturi bl-istess mod minħabba riżorsi finanzjarji limitati, filwaqt li fl-istess ħin, xi ġeneraturi tal-elettriku jistgħu jkomplu jgawdu minn surplus tad-dħul sinifikanti. Is-solidarjetà bejn l-Istati Membri, permezz tal-limitu massimu tal-Unjoni fuq id-dħul mis-suq jenħtieġ li tiġġenera dħul għall-Istati Membri biex jiffinanzjaw miżuri ta’ sostenn għall-klijenti finali tal-elettriku, bħall-unitajiet domestiċi, l-intrapriżi żgħar u medji (‘SMEs’) u l-industriji intensivi fl-użu tal-enerġija, filwaqt li fl-istess ħin jippreservaw is-sinjali tal-prezzijiet fis-swieq madwar l-Unjoni u jippreservaw il-kummerċ transfruntier.

(12)

Fid-dawl taż-żieda estrema fil-prezzijiet bl-imnut tal-gass u tal-elettriku, l-interventi tal-Istat u dawk pubbliċi biex jipproteġu lill-konsumaturi huma ta’ importanza partikolari. Madankollu, l-impatt tan-nuqqasijiet fil-provvista tal-gass fuq il-prezzijiet tal-elettriku, kif ukoll il-possibbiltà li jiġu ffinanzjati miżuri ta’ sostenn mill-baġit tal-Istat, ivarjaw bejn l-Istati Membri. Li kieku xi Stati Membri biss b’riżorsi suffiċjenti jistgħu jipproteġu lill-klijenti u l-fornituri, dan iwassal għal distorsjonijiet serji fis-suq intern. Obbligu uniformi li s-surplus tad-dħul jingħadda lill-konsumaturi jippermetti lill-Istati Membri kollha jipproteġu lill-konsumaturi tagħhom. L-effett pożittiv fuq il-prezzijiet tal-enerġija jkollu impatt pożittiv fuq is-suq tal-enerġija interkonness tal-Unjoni u jgħin ukoll biex titnaqqas ir-rata tal-inflazzjoni. Għalhekk, fi spirtu ta’ solidarjetà, jenħtieġ li l-miżuri adottati fi Stat membru wieħed fis-suq interkonness tal-Unjoni jkollhom effett pożittiv ukoll fi Stati Membri oħra.

(13)

Jidher xieraq fis-sitwazzjoni attwali li tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni billi tiġi introdotta kontribuzzjoni ta’ solidarjetà għall-kumpanniji u stabbilimenti permanenti tal-Unjoni b’attivitajiet fis-settur tal-petroleum grezz, tal-gass naturali, tal-faħam u tar-raffineriji sabiex jittaffew l-effetti ekonomiċi diretti tal-prezzijiet tal-enerġija li dejjem qed jogħlew għall-baġits tal-awtoritajiet pubbliċi, il-klijenti finali u l-kumpaniji madwar l-Unjoni. Tali kontribuzzjoni ta’ solidarjetà jenħtieġ li tkun eċċezzjonali u strettament temporanja.

(14)

Il-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà hija mezz xieraq biex jiġi indirizzat is-surplus tal-profitti, f’każ ta’ ċirkostanzi mhux previsti. Dawk il-profitti ma jikkorrispondux għal xi profitt regolari li kumpanniji jew stabbilimenti permanenti tal-Unjoni b’attivitajiet fis-settur tal-petroleum grezz, tal-gass naturali, tal-faħam u tar-raffineriji kienu jew setgħu jistennew li jiksbu f’ċirkostanzi normali, kieku ma seħħewx l-avvenimenti imprevedibbli fis-swieq tal-enerġija. Għalhekk, l-introduzzjoni ta’ kontribuzzjoni ta’ solidarjetà tikkostitwixxi miżura konġunta u kkoordinata li tippermetti, fi spirtu ta’ solidarjetà, li jiġu ġġenerati rikavati addizzjonali għall-awtoritajiet nazzjonali biex jipprovdu sostenn finanzjarju lill-unitajiet domestiċi u lill-kumpaniji li huma affettwati ħafna mill-prezzijiet tal-enerġija li dejjem qed jogħlew, filwaqt li jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni madwar l-Unjoni. Din jenħtieġ li tiġi applikata b’mod parallel mat-taxxi korporattivi regolari imposti minn kull Stat Membru fuq il-kumpaniji kkonċernati.

(15)

Sabiex tiġi żgurata l-koerenza fl-oqsma tal-politika tal-enerġija, il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li jaħdmu bħala pakkett interdipendenti, fejn isaħħu lil xulxin. L-Istati Membri kollha jenħtieġ li jkunu jistgħu jsostnu lill-konsumaturi, b’mod immirat, bis-surplus tad-dħul li jinkiseb mil-limitu massimu fuq id-dħul tas-suq , bit-tnaqqis tad-domanda għall-elettriku, li jikkontribwixxi għal tnaqqis fil-prezzijiet tal-enerġija, u bir-rikavati miksuba minn kontribuzzjoni ta’ solidarjetà imposta fuq il-kumpaniji u l-istabbilimenti permanenti tal-Unjoni b’attivitajiet fis-setturi tal-petroleum grezz, tal-gass naturali, tal-faħam u tar-raffineriji. Fl-istess ħin, jenħtieġ li tnaqqis fid-domanda jħalli effetti pożittivi fejn jidħol it-tnaqqis tar-riskji għas-sigurtà tal-provvista, f’konformità mal-objettivi stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(16)

Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jistinkaw biex inaqqsu l-konsum gross totali tal-elettriku tagħhom minn fost il-konsumaturi kollha inkluż dawk li għadhom mhumiex mgħammra b’sistemi ta’ kejl intelliġenti jew apparati li jippermettulhom jimmonitorjaw il-konsum tagħhom matul ħinijiet speċifiċi tal-ġurnata.

(17)

Sabiex jiġu ppreservati l-istokkijiet tal-fjuwil għall-ġenerazzjoni tal-elettriku u jiġu mmirati b’mod speċifiku l-aktar ħinijiet għoljin fil-prezz jew intensivi fil-konsum tal-elettriku, meta l-ġenerazzjoni tal-enerġija minn impjanti li jaħdmu bil-gass tkun tħalli impatt partikolarment sinifikanti fuq il-prezz marġinali, kull Stat Membru jenħtieġ li jnaqqas il-konsum gross tal-elettriku tiegħu matul il-ħinijiet l-aktar intensivi identifikati.

(18)

Abbażi tal-profil tipiku tal-konsum tal-elettriku fil-ħinijiet l-aktar intensivi, mira ta’ tnaqqis tad-domanda vinkolanti ta’ 5 % matul il-ħinijiet l-aktar intensivi tiżgura li l-Istati Membri jindirizzaw b’mod aktar speċifiku lill-konsumaturi li jistgħu jipprovdu flessibbiltà permezz ta’ offerti ta’ tnaqqis fid-domanda fuq bażi ta’ kull siegħa, inkluż permezz ta’ aggregaturi indipendenti. Għalhekk, tnaqqis attiv fid-domanda għall-elettriku ta’ mill-inqas 5 % matul il-ħinijiet magħżula jenħtieġ li jikkontribwixxi għal tnaqqis fil-konsum tal-fjuwil u għal tqassim aktar faċli tad-domanda fil-ħinijiet kollha, li jħalli impatt fuq il-prezzijiet tas-suq fis-siegħa.

(19)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom id-diskrezzjoni li jagħżlu l-miżuri xierqa biex jiksbu l-miri tat-tnaqqis fid-domanda biex ikunu jistgħu jirriflettu l-ispeċifiċitajiet nazzjonali. Meta jkunu qed ifasslu l-miżuri tat-tnaqqis fid-domanda għall-elettriku, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li dawk il-miżuri jitfasslu b’tali mod li ma jdgħajfux l-objettivi tal-elettrifikazzjoni tal-Unjoni kif stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Lulju 2020 dwar "Nixprunaw Ekonomija Newtrali għall-Klima: Strateġija tal-UE dwar l-Integrazzjoni tas-Sistema tal-Enerġija. L-elettrifikazzjoni hija kruċjali biex tonqos id-dipendenza tal-Unjoni fuq il-fjuwils fossili u tiġi żgurata l-awtonomija strateġika fit-tul tal-Unjoni Ewropea billi din twassal biex titrażżan l-iskala ta’ din il-kriżi tal-enerġija u tipprevjeni kriżi tal-enerġija futura. Fost il-miżuri biex jonqos il-konsum gross tal-elettriku jista’ jkun hemm kampanji nazzjonali ta’ sensibilizzazzjoni, il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni mmirata dwar is-sitwazzjoni prevista fis-sistema tal-elettriku, miżuri regolatorji li jillimitaw il-konsum tal-enerġija mhux essenzjali, u inċentivi mmirati biex jonqos il-konsum tal-elettriku.

(20)

Meta jidentifikaw miżuri xierqa tat-tnaqqis fid-domanda fil-ħinijiet l-aktar intensivi, l-Istati Membri jenħtieġ li b’mod partikolari jikkunsidraw miżuri bbażati fuq is-suq bħal irkantijiet jew skemi ta’ offerti, li permezz tagħhom ikunu jistgħu jinċentivaw tnaqqis fil-konsum b’mod ekonomikament effiċjenti. Għall-effiċjenza u għal implimentazzjoni rapida, l-Istati Membri jistgħu jużaw l-inizjattivi eżistenti u jwessgħu l-iskemi eżistenti biex jipprovdu rispons fin-naħa tad-domanda. Fost il-miżuri li jistgħu jittieħdu fil-livell nazzjonali jista' jkun hemm ukoll inċentivi finanzjarji jew kumpens lill-parteċipanti fis-suq affettwati jekk, minbarra l-konsum normali mistenni, jinkiseb tnaqqis tanġibbli fid-domanda.

(21)

Sabiex tassisti u tipprovdi gwida lill-Istati Membri biex iwettqu t-tnaqqis neċessarju fid-domanda stabbilit f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiffaċilita l-kondiviżjoni tal-aqwa prattiki bejn l-Istati Membri.

(22)

Minħabba ż-żieda straordinarja u għal għarrieda fil-prezzijiet tal-elettriku u r-riskju imminenti ta’ aktar żidiet, huwa neċessarju li l-Istati Membri jistabbilixxu minnufih il-miżuri meħtieġa biex jiksbu tnaqqis fil-konsum gross tal-elettriku sabiex jiffaċilitaw it-tnaqqis rapidu fil-prezzijiet u jnaqqsu kemm jista’ jkun l-użu tal-fjuwils fossili.

(23)

Fis-suq bl-ingrossa ta’ ġurnata bil-quddiem, l-ewwel ma jintużaw huma l-orħos impjanti tal-enerġija, iżda l-prezz li jirċievu l-parteċipanti kollha fis-suq jistabbilih l-aħħar impjant meħtieġ biex ikopri d-domanda, li huwa l-impjant bl-akbar kostijiet marġinali, meta s-suq jikklerja. Iż-żieda reċenti fil-prezz tal-gass u tal-faħam iebes issarrfet f’żieda eċċezzjonali u dejjiema fil-prezzijiet offruti mill-faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija li jaħdmu bil-gass u bil-faħam fis-suq bl-ingrossa ta’ ġurnata bil-quddiem. Dak imbagħad wassal għal prezzijiet eċċezzjonalment għoljin fis-suq ta’ ġurnata bil-quddiem madwar l-Unjoni, peress li dawn spiss ikunu l-impjanti bl-akbar kostijiet marġinali meħtieġa biex jissodisfaw id-domanda għall-elettriku.

(24)

Minħabba r-rwol tal-prezz fis-suq ta’ ġurnata bil-quddiem bħala referenza għall-prezz fi swieq oħra tal-elettriku bl-ingrossa, u l-fatt li l-parteċipanti kollha fis-suq jirċievu l-prezz tal-ikklerjar, it-teknoloġiji b’kostijiet marġinali ferm aktar baxxi ilhom mill-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna fi Frar 2022 jirreġistraw b’mod konsistenti dħul għoli, ferm iżjed mill-aspettattivi tagħhom meta ddeċidew li jinvestu.

(25)

F'sitwazzjoni fejn il-konsumaturi jkunu esposti għal prezzijiet estremament għoljin li jagħmlu ħsara wkoll lill-ekonomija tal-Unjoni, huwa neċessarju li b’mod temporanju jiġi limitat id-dħul straordinarju tas-suq tal-produtturi b’kostijiet marġinali aktar baxxi, billi jiġi applikat limitu massimu fuq id-dħul tas-suq miksub mill-bejgħ tal-elettriku fl-Unjoni.

(26)

Sabiex tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni tal-applikazzjoni tal-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu miżuri effettivi biex jiżguraw li l-limitu massimu tad-dħul mis-suq jiġi applikat b’mod effettiv f’sitwazzjonijiet fejn il-produtturi jkunu parti minn grupp ta’ kumpaniji.

(27)

Il-livell li fih il-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq jiġi stabbilit jenħtieġ li ma jipperikolax il-kapaċità li l-produtturi inkwistjoni, inkluż il-produtturi tal-enerġija rinnovabbli, jirkupraw l-investiment u l-kostijiet operatorji tagħhom u jenħtieġ li jippreserva u jinċentiva investimenti futuri bil-kapaċità meħtieġa għal sistema tal-elettriku dekarbonizzata u affidabbli. Il-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq, li huwa limitu massimu uniformi madwar l-Unjoni, hu l-aħjar mod biex jiġi ppreservat il-funzjonament tas-suq intern tal-elettriku, għaliex dan iżomm kompetizzjoni bbażata fuq il-prezzijiet bejn il-produtturi tal-elettriku abbażi ta’ teknoloġiji differenti, b’mod partikolari s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli.

(28)

Filwaqt li l-livelli massimi okkażjonali u għal terminu qasir jistgħu jitqiesu bħala karatteristika normali f’suq tal-elettriku u jistgħu jkunu utli għal xi investituri biex jirkupraw l-investiment fil-ġenerazzjoni tagħhom, iż-żieda estrema u dejjiema fil-prezzijiet osservata minn Frar 2022 'l hawn hija ferm differenti minn sitwazzjoni normali tas-suq ta’ livelli massimi okkażjonali tal-prezzijiet. Għalhekk, il-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq jenħtieġ li ma jiġix stabbilit inqas mill-aspettattivi raġonevoli tal-parteċipanti fis-suq fir-rigward tal-livell medju tal-prezzijiet tal-elettriku fil-ħinijiet bl-akbar domanda għall-elettriku, qabel il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Qabel Frar 2022, minkejja d-differenzi fil-prezzijiet tal-elettriku bejn ir-reġjuni fl-Unjoni, fl-aħħar deċennji l-prezzijiet għoljin medji fis-suq tal-elettriku bl-ingrossa kienu ferm u konsistentement mistennija inqas minn EUR 180 għal kull MWh madwar l-Unjoni. Peress li d-deċiżjoni ta’ investiment inizjali tal-parteċipanti fis-suq ittieħdet abbażi ta’ aspettattiva li, bħala medja, il-prezzijiet ikunu aktar baxxi minn dak il-livell matul il-ħinijiet l-aktar intensivi, l-iffissar ta’ limitu massimu fuq id-dħul mis-suq ta’ EUR 180 għal kull MWh jikkostitwixxi livell ferm ogħla minn dawk l-aspettattivi inizjali tas-suq. Billi jitħalla marġni fuq il-prezz li l-investituri setgħu raġonevolment jistennew, huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq ma jmurx kontra l-valutazzjoni inizjali tal-profittabbiltà tal-investiment.

(29)

Barra minn hekk, il-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq ta’ EUR 180 għal kull MWh huwa konsistentement ogħla, inkluż marġni raġonevoli, mill-kost livellat tal-produzzjoni ta' enerġija (LCOE) attwali għat-teknoloġiji ta’ ġenerazzjoni rilevanti kollha, u dan jippermetti lill-produtturi li għalihom japplika jkopru l-investimenti u l-kostijiet operatorji tagħhom. Meta jitqies li l-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq iħalli marġni konsiderevoli bejn l-LCOE raġonevoli u l-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq, dan għalhekk ma jistax ikun mistenni li jfixkel l-investiment f’kapaċitajiet inframarġinali ġodda.

(30)

Il-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq jenħtieġ li jiġi stabbilit fuq id-dħul mis-suq aktar milli fuq id-dħul totali tal-ġenerazzjoni (li jinkludi sorsi potenzjali oħra ta’ dħul bħall-primjum garantit), sabiex ikun evitat impatt sinifikanti fuq il-profittabbiltà mistennija inizjali ta’ proġett. Irrispettivament mill-forma kuntrattwali ta’ kif iseħħ il-kummerċ tal-elettriku, il-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq jenħtieġ li japplika biss għad-dħul mis-suq realizzat. Dan hu neċessarju biex tkun evitata ħsara lill-produtturi li effettivament mhumiex jibbenefikaw mill-prezzijiet għoljin attwali tal-elettriku għaliex kienu ħħeġġjaw id-dħul tagħhom kontra l-fluttwazzjonijiet fis-suq tal-elettriku bl-ingrossa. Għalhekk, sa fejn l-obbligi kuntrattwali eżistenti jew futuri, bħal ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija rinnovabbli u tipi oħra ta’ ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija jew ħeġġijiet bil-quddiem, iwasslu għal dħul mis-suq mill-produzzjoni tal-elettriku sal-livell tal-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq, jenħtieġ li dan id-dħul jibqa' ma jiġix affettwat minn dan ir-Regolament. Għalhekk, il-miżura li tintroduċi l-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq jenħtieġ li ma tiskoraġġix lill-parteċipanti fis-suq milli jidħlu f'obbligi kuntrattwali bħal dawn.

(31)

Filwaqt li l-applikazzjoni tal-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq tista' tkun aktar effiċjenti meta t-tranżazzjonijiet jiġu saldati, din tista' ma tkunx dejjem possibbli, pereżempju minħabba differenzi fil-mod kif is-swieq tal-elettriku bl-ingrossa jiġu organizzati fl-Istati Membri u f’perjodi ta’ żmien differenti. Biex jitqiesu l-ispeċifiċitajiet nazzjonali u tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom id-diskrezzjoni li jiddeċiedu jekk japplikawhx waqt is-saldu tal-iskambju tal-elettriku jew inkella wara. Jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu wkoll ħielsa li jiffinanzjaw minn qabel il-miżuri ta’ appoġġ lill-klijenti finali tal-elettriku u jiġbru d-dħul mis-suq fi stadju aktar tard. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi gwida lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ dik il-miżura.

(32)

Il-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq jenħtieġ li japplika għal teknoloġiji b’kostijiet marġinali aktar baxxi mil-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq, bħal pereżempju l-enerġija mir-riħ, mix-xemx, nukleari jew il-linjite.

(33)

Il-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq jenħtieġ li ma japplikax għal teknoloġiji b’kostijiet marġinali għoljin fir-rigward tal-prezz tal-fjuwil tal-input neċessarju għall-produzzjoni tal-elettriku, bħal impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-gass u bil-faħam iebes, billi l-kostijiet operatorji tagħhom ikunu ferm ogħla mil-livell tal-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq u l-applikazzjoni tiegħu tipperikola l-vijabbiltà ekonomika tagħhom. Biex jinżammu l-inċentivi għal tnaqqis kumplessiv tal-konsum tal-gass, il-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq lanqas ma jenħtieġ li japplika għat-teknoloġiji li jikkompetu direttament mal-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-gass biex joffru flessibbiltà lis-sistema tal-elettriku u jressqu offerta fis-suq tal-elettriku abbażi tal-kostijiet tal-għażla tagħhom, bħar-rispons fin-naħa tad-domanda u l-ħżin.

(34)

Il-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq jenħtieġ li ma japplikax għat-teknoloġiji li bħala input jużaw fjuwils sostituti għall-gass naturali, bħall-bijometan, sabiex ma tiġix ipperikolata l-konverżjoni tal-impjanti tal-enerġija eżistenti li jaħdmu bil-gass f’konformità mal-objettivi ta' REPowerEU stabbiliti b’mod partikolari fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Mejju 2022 dwar Pjan REPowerEU (‘il- Pjan REPowerEU).

(35)

Sabiex jiġu ppreservati l-inċentivi għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji innovattivi, il-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq jenħtieġ li ma jkunx japplika għal proġetti ta’ dimostrazzjoni.

(36)

F’xi Stati Membri, id-dħul miksub minn xi ġeneraturi diġà hu limitat b’xi miżuri tal-Istat u pubbliċi fosthom b’tariffi garantiti u b’kuntratti bidirezzjonali għad-differenza. Dawn il-ġeneraturi ma jibbenefikawx minn żieda fid-dħul minħabba ż-żieda qawwija reċenti fil-prezzijiet tal-elettriku. Għalhekk, il-produtturi eżistenti soġġetti għal dak it-tip ta’ miżuri tal-Istat, li ma ġewx adottati bħala reazzjoni għall-kriżi attwali tal-enerġija, jenħtieġ li jiġu esklużi mill-applikazzjoni tal-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq. B’mod simili, il-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq jenħtieġ li ma japplikax għall-produtturi li d-dħul mis-suq tagħhom ikun soġġett għal miżuri regolatorji oħra meħuda mill-awtoritajiet pubbliċi li permezz tagħhom id-dħul jiġi ttrasferit direttament lill-konsumaturi.

(37)

Sabiex jiġi żgurat infurzar effettiv tal-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq, il-produtturi, l-intermedjarji u l-parteċipanti rilevanti fis-suq jenħtieġ li jipprovdu d-data neċessarja lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u, fejn xieraq, lill-operaturi tas-sistema u lill-operaturi nominati tas-suq tal-elettriku. Minħabba l-għadd kbir ta' tranżazzjonijiet individwali li għalihom l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jiżguraw l-infurzar tal-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq, dawk l-awtoritajiet jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jużaw stimi raġonevoli għall-kalkolu tal-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq.

(38)

Biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet fejn l-applikazzjoni tal-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq tista’ taffettwa l-inċentivi tal-parteċipanti fis-suq biex jipprovdu enerġija ta’ bbilanċjar jew ridispaċċ u skambju kumpensatorju, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq miksub mill-bejgħ tal-elettriku fis-suq tal-enerġija tal-ibbilanċjar u mill-kumpens finanzjarju għad-dispaċċ mill-ġdid u l-iskambju kumpensatorju.

(39)

Sabiex jitqies it-tħassib dwar is-sigurtà tal-provvista, l-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jistabbilixxu limitu massimu fuq id-dħul mis-suq b’mod li jippermetti lill-produtturi tal-elettriku jżommu 10 % tas-surplus tad-dħul ogħla mil-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq.

(40)

Peress li t-taħlita tal-ġenerazzjoni u l-istruttura tal-kostijiet tal-faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija jvarjaw ħafna fost l-Istati Membri, jenħtieġ li jitħallew iżommu jew jintroduċu miżuri nazzjonali ta’ kriżi taħt kondizzjonijiet speċifiċi.

(41)

B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Istati Membri jżommu l-possibbiltà li jillimitaw aktar id-dħul tal-produtturi li għalihom japplika l-limitu massimu tad-dħul mis-suq u li jistabbilixxu limitu massimu speċifiku fuq id-dħul mis-suq miksub mill-bejgħ tal-elettriku prodott mill-faħam iebes, li l-prezz tiegħu jista’ jkun ferm aktar baxx mill-prezz ta’ teknoloġiji marġinali f’xi Stati Membri. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew ukoll iżommu jew jintroduċu miżuri nazzjonali ta' kriżi, li jillimitaw id-dħul mis-suq tal-produtturi għajr dawk soġġetti għal-limitu massimu tad-dħul mis-suq fl-Unjoni kollha.

(42)

Sabiex jiġu evitati riskji għas-sigurtà tal-provvista, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jistabbilixxu limitu massimu tad-dħul mis-suq ogħla għall-produtturi li altrimenti jkunu soġġetti għal-limitu massimu tad-dħul mis-suq fl-Unjoni kollha, meta l-kostijiet operatorji u ta' investiment tagħhom ikunu ogħla mil-limitu massimu tad-dħul mis-suq fl-Unjoni kollha.

(43)

Iż-żieda fil-flussi kummerċjali bejn iż-żoni tal-offerti minħabba differenzi kbar fil-prezzijiet relatati mal-kriżi bejn żoni bħal dawn wasslet għal żieda konsiderevoli fir-redditi mill-konġestjoni f'xi Stati Membri. Id-dħul tal-introjtu mill-konġestjoni jenħtieġ li jkompli jiġi allokat biex jiġu ssodisfati l-objettivi prijoritarji stabbiliti fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Madankollu, f'każijiet debitament ġustifikati u taħt il-kontroll tal-awtoritajiet regolatorji tagħhom, l-Istati Membri jenħtieġ li b'mod eċċezzjonali jingħataw il-possibbiltà li jqassmu s-surplus tad-dħul li jifdal direttament lill-klijenti finali tal-elettriku minflok jużawhom esklużivament għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 19(3) ta' dak ir-Regolament.

(44)

Minħabba li bl-applikazzjoni tal-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq mhux l-Istati Membri kollha jistgħu jsostnu lill-klijenti finali tagħhom bl-istess mod minħabba ċirkostanzi relatati mad-dipendenza tagħhom fuq l-importazzjonijiet tal-elettriku minn pajjiżi oħra, huwa neċessarju li l-Istati Membri b’importazzjonijiet netti tal-elettriku ta’ 100 % jew aktar ikollhom aċċess għal ftehimiet biex jaqsmu s-surplus tad-dħul mal-Istat Membru ewlieni fi spirtu ta’ solidarjetà. Tali ftehimiet ta’ solidarjetà huma mħeġġa wkoll, b’mod partikolari, biex jirriflettu r-relazzjonijiet kummerċjali żbilanċjati.

(45)

Il-prattiki kummerċjali u l-qafas regolatorju fis-settur tal-elettriku huma ferm differenti mis-settur tal-fjuwils fossili. Peress li l-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq għandu l-għan li jissimula l-eżitu tas-suq li l-produtturi setgħu jistennew li kieku l-ktajjen tal-provvista dinjin iffunzjonaw b’mod normali mingħajr interruzzjonijiet fil-provvista tal-gass minn Frar 2022 'l hawn, huwa neċessarju li l-miżura li tikkonċerna l-produtturi tal-elettriku tapplika għad-dħul li jirriżulta mill-ġenerazzjoni tal-elettriku. Min-naħa l-oħra, peress li l-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà timmira lejn il-profittabbiltà tal-kumpanniji u l-istabbilimenti tal-Unjoni b’attivitajiet fis-setturi tal-petroleum grezz, tal-gass naturali, tal-faħam u tar-raffineriji li żdiedet b’mod sinifikanti meta mqabbla mas-snin preċedenti, huwa neċessarju li din tapplika għall-profitti tagħhom.

(46)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li s-surplus tad-dħul li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-limitu massimu fuq is-suq mid-dħul fil-qasam tal-elettriku jingħadda lill-klijenti finali tal-elettriku biex jittaffa l-impatt ta' prezzijiet eċċezzjonalment għoljin tal-elettriku. Is-surplus tad-dħul jenħtieġ li jiġi mmirat lejn il-klijenti, inkluż l-unitajiet domestiċi u l-kumpaniji, li huma partikolarment affettwati mill-prezzijiet għoljin tal-elettriku. Mingħajr il-miżuri proposti, hemm riskju li l-Istati Membri aktar sinjuri biss ikollhom ir-riżorsi biex jipproteġu lill-konsumaturi tagħhom, u dan iwassal għal distorsjonijiet serji fis-suq intern.

(47)

Id-dħul mil-limitu massimu sjenħtieġ li jgħin lill-Istati Membri jiffinanzjaw miżuri bħal trasferimenti tal-introjtu, roħs fil-kontijiet, kumpens lill-fornituri għal provvisti bi prezz orħos mill-kost, kif koll investimenti li jwasslu għal tnaqqis strutturali fil-konsum, b’mod partikolari mill-elettriku ġġenerat mis-sorsi tal-fjuwils fossili. Meta jingħata sostenn lill-klijenti mhux domestiċi, dawk jenħtieġ li jaħdmu biex iwettqu investimenti f’teknoloġiji tad-dekarbonizzazzjoni, inkluż f’enerġiji rinnovabbli, pereżempju bi ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija jew b’investimenti diretti fil-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, jew biex iwettqu investimenti fl-effiċjenza enerġetika.

(48)

L-interventi pubbliċi fl-iffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-elettriku jikkostitwixxu, fil-prinċipju, miżura li tfixkel is-suq. Għaldaqstant, interventi bħal dawn jistgħu jsiru biss bħala obbligi ta’ servizz pubbliku u jenħtieġ li jkunu soġġetti għal kondizzjonijiet speċifiċi. Attwalment, skont id-Direttiva (UE) 2019/944, il-prezzijiet jistgħu jiġu regolati għall-unitajiet domestiċi u għall-mikroimpriżi, filwaqt li għall-klijenti foqra u vulnerabbli tal-enerġija jistgħu jiġu regolati inqas mill-kost. Madankollu, minħabba ż-żieda eċċezzjonali attwali fil-prezzijiet tal-elettriku, is-sett tal-miżuri disponibbli għall-Istati Membri biex isostnu lill-konsumaturi jenħtieġ li jiġi estiż temporanjament billi tingħata l-possibbiltà li l-prezzijiet regolati jiġu estiżi għall-SMEs u billi jitħallew isiru prezzijiet regolati inqas mill-kost. Estensjoni bħal din tista' tiġi ffinanzjata mil-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq.

(49)

Hu importanti li, meta jkunu inqas mill-kost, il-prezzijiet bl-imnut regolati ma jiddiskriminawx bejn il-fornituri jew ma jimponux kostijiet inġusti fuqhom. Għalhekk, il-fornituri jenħtieġ li jiġu kkumpensati b’mod ġust għall-kostijiet li jġarrbu meta jfornu bi prezzijiet regolati, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Il-kost tal-prezzijiet regolati inqas mill-kostijiet jenħtieġ li jiġi ffinanzjat mid-dħul li jinkiseb mill-applikazzjoni tal-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq. Biex jiġi evitat li tali miżuri jżidu d-domanda għall-elettriku, filwaqt li xorta waħda jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-enerġija tal-konsumaturi, il-prezzijiet regolati inqas mill-kostijiet jenħtieġ li jkunu jkopru biss ammont limitat ta’ konsum. Is-sistemi tal-fornitur tal-aħħar għażla, u l-għażla mill-Istati Membri tal-fornitur tal-aħħar għażla, jenħtieġ li jibqgħu ma jiġux affettwati minn dan ir-Regolament.

(50)

Mingħajr ma biddlu b'mod sostanzjali l-istruttura tal-kost tagħhom u mingħajr ma żiedu l-investimenti tagħhom, il-kumpaniji tal-Unjoni u l-istabbilimenti permanenti li jiġġeneraw mill-inqas 75 % tal-fatturat b’attivitajiet fis-setturi tal-petroleum grezz, tal-gass naturali, tal-faħam u tar-raffineriji, kellhom żidiet fil-profitti tagħhom minħabba ċ-ċirkostanzi għal għarrieda u imprevedibbli tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, tnaqqis fil-provvista tal-enerġija u żieda fid-domanda minħabba temperaturi għoljin rekord.

(51)

Il-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà jenħtieġ li taġixxi bħala miżura ta’ distribuzzjoni mill-ġdid biex jiġi żgurat li l-kumpaniji kkonċernati li jkunu kisbu surplus tal-profitt bħala riżultat taċ-ċirkostanzi mhux mistennija, jikkontribwixxu b’mod proporzjonat għat-titjib tal-kriżi tal-enerġija fis-suq intern.

(52)

Il-bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà huma l-profitti taxxabbli tal-kumpaniji u tal-istabbilimenti permanenti residenti għal finijiet ta' taxxa fl-Unjoni fil-qasam tas-setturi tal-petroleum grezz, tal-gass naturali, tal-faħam u tar-raffineriji kif determinat fit-trattati bilaterali jew fil-liġijiet tat-taxxa nazzjonali tal-Istati Membri għas-sena fiskali li tibda fl-1 ta’ Jannar 2022 jew wara u/jew fl-1 ta’ Jannar 2023 u għad-durata sħiħa tagħhom. L-Istati Membri li jintaxxaw biss il-profitti korporattivi distribwiti jenħtieġ li japplikaw il-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà għall-profitti kkalkulati irrispettivament mid-distribuzzjoni tagħhom. Is-sena fiskali hija ddeterminata b’referenza għar-regoli fis-seħħ skont il-liġi nazzjonali tal-Istati Membri.

(53)

Huma biss il-profitti fl-2022 u/jew fl-2023 li jaqbżu ż-żieda ta' 20 % tal-medja tal-profitti taxxabbli ġġenerati fl-erba' snin fiskali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2018, li jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-kontribuzzjoni ta' solidarjetà.

(54)

Dan l-approċċ ikun jiżgura li parti mill-marġni ta' profitt, li mhijiex dovuta għall-iżviluppi imprevedibbli fis-swieq tal-enerġija wara l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja fl-Ukrajna, tkun tista' tintuża mill-kumpaniji u mill-istabbilimenti permanenti tal-Unjoni kkonċernati għal investiment futur jew biex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja tagħhom matul il-kriżi tal-enerġija li għaddejja attwalment inkluż għall-industrija intensiva fl-użu tal-enerġija. Dan l-approċċ għad-determinazzjoni tal-bażi tal-kalkolu jkun jiżgura li l-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà fi Stati Membri differenti tkun proporzjonata. Fl-istess ħin, l-iffissar ta' rata minima jenħtieġ li jiżgura li l-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà tkun ġusta kif ukoll proporzjonata. L-Istati Membri jenħtieġ li jibqgħu ħielsa li japplikaw rata ogħla minn 33 % għall-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà tagħhom. B'hekk dawn l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jistabbilixxu r-rata ppreferuta tagħhom li jqisu aċċettabbli u xierqa skont is-sistemi legali nazzjonali tagħhom.

(55)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa tal-kontribuzzjoni ta' solidarjetà prevista minn dan ir-Regolament u jenħtieġ li jkunu jistgħu jagħmlu arranġamenti għall-aġġustamenti neċessarji fil-liġi nazzjonali, b'mod partikolari sabiex jiżguraw il-ġbir f'waqtu tal-kontribuzzjoni ta' solidarjetà, inkluż abbażi tad-dħul nett li fil-konfront tiegħu tista' tiġi kkumpensata l-kontribuzzjoni ta' solidarjetà, biex tkopri d-deduċibbiltà jew in-nuqqas ta' deduċibbiltà tal-kontribuzzjoni ta' solidarjetà, jew biex tkopri t-trattament tat-telf fis-snin fiskali preċedenti, għat-trattament konsistenti ta' snin fiskali mqassra għall-kumpaniji maħluqa fl-2022 u/jew fl-2023, jew għar-ristrutturar jew fużjonijiet tan-negozji, għall-fini tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ta' solidarjetà.

(56)

Il-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà jenħtieġ li tintuża għal: i) miżuri ta’ sostenn finanzjarju lill-klijenti tal-enerġija finali, u b’mod partikolari lill-unitajiet domestiċi vulnerabbli, sabiex jittaffew l-effetti tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija; ii) miżuri ta’ sostenn finanzjarju biex jgħinu fit-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija; iii) miżuri ta’ sostenn finanzjarju biex isostnu l-kumpaniji f’industriji intensivi fl-użu tal-enerġija; u iv) miżuri ta’ sostenn finanzjarju biex tiġi żviluppata l-awtonomija enerġetika tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu wkoll jassenjaw sehem mir-rikavati tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà għall-finanzjament komuni. Dawk il-miżuri jeħtieġu flessibbiltà sostanzjali biex jittieħed kont tal-proċessi baġitarji tal-Istati Membri.

(57)

L-użu tar-rikavati għal dawk l-iskopijiet jirrifletti n-natura eċċezzjonali u temporanja tal-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà bħala miżura maħsuba biex tnaqqas u ttaffi l-effetti dannużi tal-kriżi tal-enerġija għall-unitajiet domestiċi u l-kumpaniji madwar l-Unjoni bl-objettiv li tipproteġi s-suq intern u tipprevjeni r-riskju ta’ aktar frammentazzjoni. Il-prezzijiet tal-enerġija li dejjem qed jogħlew jaffettwaw lill-Istati Membri kollha. Madankollu, minħabba d-differenzi fit-taħlit tal-enerġija rispettivi tagħhom, l-Istati Membri mhux kollha jintlaqtu bl-istess mod u mhux kollha għandhom l-istess spazju fiskali biex jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipproteġu lill-unitajiet domestiċi u lill-kumpanniji vulnerabbli. Fin-nuqqas ta’ miżura tal-Unjoni bħal kontribuzzjoni ta’ solidarjetà, hemm riskju għoli ta’ tfixkil tas-suq intern u frammentazzjoni ulterjuri, li jkun ta’ detriment għall-Istati Membri kollha, minħabba l-integrazzjoni tas-swieq tal-enerġija u tal-ktajjen tal-valur. Anki l-azzjonijiet li jindirizzaw il-faqar enerġetiku u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi tal-enerġija, b'mod partikolari biex jiġu protetti l-ħaddiema f'industriji esposti, huma kwistjoni ta' solidarjetà bejn l-Istati Membri. Sabiex jiġi massimizzat l-impatt tagħha, l-użu tar-rikavati tal-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà jenħtieġ li jsir b’mod ikkoordinat u/jew permezz ta’ strumenti ta’ finanzjament tal-Unjoni fi spirtu ta’ solidarjetà.

(58)

B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Istati Membri jimmiraw il-miżuri ta’ sostenn finanzjarju għall-unitajiet domestiċi u għall-kumpaniji l-aktar vulnerabbli, li huma l-aktar affettwati mill-prezzijiet tal-enerġija li dejjem qed jogħlew. B’hekk jiġi ppreservat l-inċentiv tal-prezz li titnaqqas id-domanda għall-enerġija u tiġi ffrankata l-enerġija. Barra minn hekk, l-immirar lejn l-aktar unitajiet domestiċi vulnerabbli u limitati mil-likwidità jħalli effett pożittiv fuq il-konsum kumplessiv (peress li jevita l-esklużjoni eċċessiva tal-infiq fuq l-oġġetti mhux tal-enerġija) peress li dak il-grupp ta’ unitajiet domestiċi għandu propensità b’introjtu qawwi li jikkonsma. Barra minn hekk, ir-rikavati tal-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà jenħtieġ li jintużaw għat-trawwim tat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li tali rikavati jintużaw, pereżempju, bl-iskop li jsiru rkantijiet jew skemi ta’ offerti għat-tnaqqis tad-domanda, jonqsu l-kostijiet tax-xiri tal-enerġija tal-klijenti finali tal-enerġija għal ċerti volumi ta’ konsum tal-enerġija, jew jiġu promossi investimenti mill-klijenti finali tal-enerġija, kemm l-unitajiet domestiċi u kif ukoll l-kumpaniji vulnerabbli, f’sorsi tal-enerġija rinnovabbli, f’investimenti fl-effiċjenza enerġetika jew f’teknoloġiji oħra tad-dekarbonizzazzjoni. Ir-rikavati mill-kontribuzzjoni ta' solidarjetà jenħtieġ li jintużaw ukoll biex jingħata sostenn finanzjarju lill-kumpaniji fl-industriji intensivi fl-enerġija, u f'reġjuni li jiddependu fuq dawk l-industriji. Il-kostijiet fl-industriji intensivi fl-użu tal-enerġija, bħall-industrija tal-fertilizzanti, qed jiżdiedu ferm minħabba fil-prezzijiet tal-enerġija li dejjem qed jogħlew. Il-miżuri ta’ sostenn finanzjarju għandhom isiru bil-kondizzjoni li jsiru investimenti fl-enerġiji rinnovabbli, fl-effiċjenza enerġetika, jew f’teknoloġiji oħra ta’ dekarbonizzazzjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu sostnuti b'investimenti wkoll miżuri li jgħinu lill-Unjoni ssir aktar awtonoma fil-qasam tal-enerġija, f'konformità mal-objettivi stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Marzu 2022 dwar REPowerEU: Azzjoni Ewropea Konġunta għal enerġija aktar affordabbli, sikura u sostenibbli (‘l-Azzjoni Ewropea Konġunta REPowerEU’) u fil-Pjan REPowerEU, b'mod partikolari għal proġetti b'dimensjoni transfruntiera.

(59)

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll li jassenjaw parti mir-rikavati mill-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà għall-finanzjament komuni ta’ miżuri maħsuba biex inaqqsu l-effetti dannużi tal-kriżi tal-enerġija, inkluż sostenn li jipproteġi l-impjiegi, u t-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol, jew maħsuba biex jippromwovu investimenti fl-effiċjenza enerġetika u fl-enerġija rinnovabbli, inkluż fi proġetti transfruntieri. L-aspett ta' finanzjament komuni jkopri kemm il-kondiviżjoni tal-kostijiet ibbażata fuq il-proġetti bejn l-Istati Membri u d-direzzjoni permezz ta' strument tal-Unjoni abbażi ta' Stati Membri li volontarjament jassenjaw id-dħul għall-baġit tal-Unjoni fi spirtu ta' solidarjetà.

(60)

Monitoraġġ u rapportar regolari u effettivi lill-Kummissjoni huma essenzjali għall-valutazzjoni tal-progress li jkun sar mill-Istati Membri fil-ksib tal-miri tat-tnaqqis fid-domanda, l-implimentazzjoni tal-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq, l-użu tas-surplus tad-dħul, u l-applikazzjoni ta’ prezzijiet irregolati.

(61)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà fit-territorji rispettivi tagħhom, kif ukoll dwar kwalunkwe emenda li jagħmlu għall-oqfsa legali nazzjonali tagħhom għal dak l-għan, inkluż leġiżlazzjoni addizzjonali li tista’ tkun meħtieġa biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni domestika konsistenti tal-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà.

(62)

L-Istati Membri jenħtieġ li jirrapportaw ukoll dwar l-użu tar-rikavati mill-kontribuzzjoni ta' solidarjetà. B’mod partikolari, dan biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jużaw ir-rikavati f’konformità mal-użu previst f’dan ir-Regolament.

(63)

Jenħtieġ li l-Istati Membri japplikaw il-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà stabbilita minn dan ir-Regolament fit-territorji rispettivi tagħhom sakemm ma jkunux ippromulgaw miżuri nazzjonali ekwivalenti. L-objettiv tal-miżura nazzjonali jenħtieġ li jitqies simili għall-objettiv ġenerali tal-kontribuzzjoni ta' solidarjetà stabbilita minn dan ir-Regolament meta jkun jikkonsisti mill-kontribuzzjoni għall-affordabbiltà tal-enerġija. Miżura nazzjonali jenħtieġ li titqies soġġetta għal regoli simili għall-kontribuzzjoni ta' solidarjetà meta tkopri attivitajiet fis-setturi tal-petroleum grezz, tal-gass naturali, tal-faħam u tar-raffineriji, tiddetermina bażi, tipprevedi rata, u tiżgura li r-rikavat tal-miżura nazzjonali jintuża għal finijiet li huma komparabbli ma’ dawk tal-kontribuzzjoni ta' solidarjetà.

(64)

Il-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà u l-qafas legali tal-Unjoni li jirregolaha jenħtieġ li jkunu ta’ natura temporanja biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni eċċezzjonali u urġenti li feġġet fl-Unjoni b’rabta mal-prezzijiet tal-enerġija li dejjem qed jogħlew. Il-kontribuzzjoni ta' solidarjetà jenħtieġ li tkun applikabbli biex tkopri s-surplus tal-profitti ġġenerati fl-2022 u/jew fl-2023 biex jiġu indirizzati u mmitigati l-effetti dannużi tal-kriżi tal-enerġija attwali għall-unitajiet domestiċi u l-kumpaniji. L-applikazzjoni tal-kontribuzzjoni ta' solidarjetà għas-sena fiskali sħiħa jenħtieġ li tippermetti l-użu tal-profitti eċċessivi għall-perjodu rilevanti, fl-interess pubbliku li jittaffew il-konsegwenzi tal-kriżi tal-enerġija, filwaqt li titħalla parti xierqa tal-profitti għall-kumpaniji kkonċernati.

(65)

Il-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà jenħtieġ li tapplika biss għas-sena fiskali 2022 u/jew 2023. Sal-15 ta' Ottubru 2023 u l-15 ta' Ottubru 2024, meta l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom opinjoni dwar il-ġbir tal-kontribuzzjoni ta' solidarjetà, il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrieżamina s-sitwazzjoni u tressaq rapport lill-Kunsill.

(66)

F’każ li Stat Membru jesperjenza diffikultajiet fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u, b'mod partikolari, tal-kontribuzzjoni temporanja ta' solidarjetà, dan jenħtieġ li jikkonsulta, fejn xieraq, lill-Kummissjoni Ewropea f'konformità mal-Artikolu 4 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

(67)

Minħabba s-sitwazzjoni strutturali soċjali u ekonomika tagħhom kif ukoll il-karatteristiċi fiżiċi tagħhom, ir-reħjuni ultraperiferiċi fit-tifsira tal-Artikolu 349 TFUE ma jistgħux jiġu interkonnessi mas-swieq tal-elettriku tal-Unjoni. Għalhekk jenħtieġ li dawn ma jkollhomx japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar it-tnaqqis tal-konsum gross tal-elettriku matul il-ħinijiet l-aktar intensivi u l-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jeskludu l-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet għall-elettriku ġġenerat f’sistemi iżolati żgħar jew sistemi konnessi żgħar kif definit fid-Direttiva (UE) 2019/944. Barra min hekk, Ċipru u Malta ma japplikawx kompletament l-acquis tas-suq tal-enerġija tal-Unjoni. . Ċipru huwa kompletament iżolat min-networks tal-enerġija trans-Ewropej, filwaqt li Malta għandha biss interkonnessjoni limitata magħhom. Peress li approċċ differenzjat għal dawk l-Istati Membri jkollu biss effett limitat fuq is-suq intern tal-enerġija, Ċipru u Malta jenħtieġ li jkunu jistgħu japplikaw fuq bażi volontarja d-dispożizzjonijiet relatati mat-tnaqqis tal-konsum gross tal-elettriku tagħhom matul il-ħinijiet l-aktar intensivi u l-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq. Barra minn hekk, jekk Ċipru jiddeċiedi li japplika d-dispożizzjonijiet dwar il-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq, u sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema tal-elettriku tiegħu, jenħtieġ li ma jkollux għalfejn japplika l-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq għall-elettriku prodott minn prodotti tal-petroleum grezz.

(68)

Il-volatilità fil-prezzijiet tal-gass sottostanti qed toħloq diffikultajiet għad-ditti tal-enerġija attivi fis-swieq tal-futuri tal-elettriku, b’mod partikolari biex ikollhom aċċessa għal kollateral adattat. Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq u l-Awtorità Bankarja Ewropea, qed tivvaluta kwistjonijiet relatati mal-eliġibbiltà tal-kollateral u l-marġnijiet, u modi possibbli biex tiġi limitata l-volatilità eċċessiva fl-istess jum.

(69)

Barra minn hekk, il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konsistenti mal-ħidma komplementari u kontinwa tal-Kummissjoni dwar id-disinn tas-suq fit-tul kif imħabbar fil-Komunikazzjoni tagħha tat-18 ta' Mejju 2022 dwar l-Interventi fis-Suq tal-Enerġija fi Żmien Qasir u Titjib fuq Medda Itwal ta' Żmien fid-Disinn tas-Suq tal-Elettriku li nħarġet flimkien mal-Pjan REPowerEU.

(70)

Meta jitqiesu l-iskala tal-kriżi tal-enerġija, il-livell tal-impatt soċjali, ekonomiku u finanzjarju tagħha u l-ħtieġa li tittieħed azzjoni mill-aktar fis possibbli, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(71)

Minħabba n-natura eċċezzjonali tal-miżuri stabbiliti f'dan ir-Regolament, u l-ħtieġa li jiġu applikati b'mod partikolari tul l-istaġun tax-xitwa 2022-23, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika sal-31 ta’ Diċembru 2023.

(72)

Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment ta’ intervent ta’ emerġenza biex jiġu jittaffew l-effetti ta’ prezzijiet għoljin tal-enerġija, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala jew l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

Suġġett u definizzjonijiet

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi intervent ta’ emerġenza biex jittaffew l-effetti tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija permezz ta’ miżuri eċċezzjonali, immirati u limitati fiż-żmien. Dawk il-miżuri għandhom l-għan li jnaqqsu l-konsum tal-elettriku, jintroduċu limitu fuq id-dħul mis-suq li ċerti produtturi jirċievu mill-ġenerazzjoni tal-elettriku u jqassmu mill-ġdid lill-klijenti finali tal-elettriku b'mod immirat, biex jippermettu lill-Istati Membri japplikaw miżuri ta' interventi pubbliċi fl-iffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-elettriku għall-klijenti ta’ unitajiet domestiċi u għall-SMEs, u li jistabbilixxu regoli għal kontribuzzjoni temporanja ta' solidarjetà obbligatorja minn kumpaniji u stabbilimenti permanenti tal-Unjoni b'attivitajiet fis-setturi tal-petroleum grezz, tal-gass naturali, tal-faħam u tar-raffineriji biex jikkontribwixxu għall-affordabbiltà tal-enerġija għall-unitajiet domestiċi u għall-kumpaniji.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/943 u fl-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944. Barra minn hekk, japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

"intrapriża żgħira u ta' daqs medju" jew "SME" tfisser intrapriża kif definit fl-Artikolu 2 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (6);

(2)

“konsum gross tal-elettriku” tfisser il-provvista kumplessiva tal-elettriku għall-attivitajiet fit-territorju ta’ Stat Membru;

(3)

“perjodu ta’ referenza” tfisser il-perjodu mill-1 ta’ Novembru sal-31 ta’ Marzu fil-ħames snin konsekuttivi ta’ qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, li jibda bil-perjodu mill-1 ta’ Novembru 2017 sal-31 ta’ Marzu 2018;

(4)

"ħinijiet l-aktar intensivi" tfisser il-ħinijiet individwali tal-ġurnata fejn, abbażi tat-tbassir tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u, fejn applikabbli, tal-operaturi nominati tas-suq tal-elettriku, il-prezzijiet bl-ingrossa tal-elettriku ta' ġurnata bil-quddiem huma mistennija li jkunu l-ogħla, il-konsum gross tal-elettriku huwa mistenni li jkun l-ogħla jew il-konsum gross tal-elettriku ġġenerat minn sorsi għajr sorsi rinnovabbli kif imsemmi fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) huwa mistenni li jkun l-ogħla;

(5)

"dħul mis-suq" tfisser introjtu realizzat li produttur jirċievi bi skambju għall-bejgħ u l-konsenja tal-elettriku fl-Unjoni, irrispettivament mill-forma kuntrattwali li biha jsir dan l-iskambju, inkluż ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija u operazzjonijiet oħra ta' ħħeġġjar kontra l-fluttwazzjonijiet fis-suq tal-elettriku bl-ingrossa u bl-esklużjoni tas-sostenn mogħti mill-Istati Membri;

(6)

“saldu” tfisser pagament li jsir u jiġi riċevut bejn il-kontropartijiet, mal-konsenja u l-wasla tal-elettriku meta applikabbli, biex jitwettqu l-obbligi rispettivi tal-kontropartijiet skont tranżazzjoni tal-ikklerjar waħda jew aktar;

(7)

“awtorità kompetenti” tfisser awtorità kif definit fl-Artikolu 2(11) tar-Regolament (UE) 2019/941tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8);

(8)

"intermedjarji" tfisser entitajiet fis-swieq tal-operaturi tal-elettriku ta' Stati Membri li jikkostitwixxu gżira mhux konnessi ma' Stati Membri oħra b'offerti bbażati fuq l-unitajiet fejn l-awtorità regolatorja tkun awtorizzat lil dawk l-entitajiet jipparteċipaw fis-suq f'isem il-produttur, minbarra entitajiet li jittrasferixxu s-surplus tad-dħul direttament lill-klijenti finali tal-elettriku.

(9)

“surplus tad-dħul” tfisser differenza pożittiva bejn id-dħul mis-suq tal-produtturi għal kull MWh ta’ elettriku u l-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq ta’ EUR 180 għal kull MWh ta’ elettriku previst fl-Artikolu 6(1);

(10)

“skart” tfisser kwalunkwe sustanza jew oġġett li d-detentur jiskarta jew biħsiebu jew huwa meħtieġ li jiskarta, kif definit fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9);

(11)

"dipendenza fir-rigward tal-importazzjonijiet netti" tfisser, għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2021 sal-31 ta' Diċembru 2021, id-differenza bejn l-importazzjonijiet totali tal-elettriku u l-esportazzjonijiet totali tal-elettriku bħala perċentwal tal-produzzjoni grossa totali tal-elettriku fi Stat Membru;

(12)

“sena fiskali” tfisser sena tat-taxxa, sena kalendarja jew xi perjodu xieraq ieħor għall-iskopijiet ta’ taxxa kif definit fil-liġi nazzjonali;

(13)

“klijent finali tal-enerġija” tfisser klijent li jixtri l-enerġija għall-użu proprju;

(14)

“klijent finali tal-elettriku” tfisser klijent li jixtri l-elettriku għall-użu proprju;

(15)

"kumpanija tal-Unjoni" tfisser kumpanija stabbilita fi Stat Membru li, skont il-liġijiet tat-taxxa ta' dak l-Istat Membru, titqies bħala residenti f'dak l-Istat Membru għal skopijiet ta' taxxa u, skont it-termini ta' ftehim dwar it-tassazzjoni doppja konkluż ma' Stat terz, ma titqiesx bħala residenti barra mill-Unjoni għal skopijiet ta' taxxa;

(16)

"stabbiliment permanenti" tfisser post fiss tan-negozju li jinsab fi Stat Membru li minnu n-negozju ta' kumpanija stabbilita fi Stat ieħor iseħħ kompletament jew parzjalment sa fejn il-qligħ ta' dak il-post ta' negozju jkun suġġett għat-taxxa fl-Istat Membru fejn jinsab;

(17)

"Kumpaniji u stabbilimenti permanenti tal-Unjoni b'attivitajiet fis-setturi tal-petroleum grezz, fis-setturi tal-gass naturali, tal-faħam u tar-raffineriji" tfisser kumpaniji jew stabbilimenti permanenti tal-Unjoni li jiġġeneraw mill-inqas 75 % tal-fatturat tagħhom mill-attivitajiet ekonomiċi fil-qasam tal-estrazzjoni, tal-minjieri, tar-raffinar taż-żejt jew tal-manifattura ta' prodotti tal-forn tal-kokk, kif imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10);

(18)

"surplus tal-profitti" tfisser profitti taxxabbli, kif determinati skont ir-regoli tat-taxxa nazzjonali fis-sena fiskali 2022 u/jew is-sena fiskali 2023 u għad-durata sħiħa tagħhom, akkumulati minn attivitajiet imwettqa fil-livell ta' kumpaniji u stabbilimenti permanenti tal-Unjoni b'attivitajiet fis-setturi tal-petroleum grezz, tal-gass naturali, tal-faħam u tar-raffineriji li huma aktar minn 20% żieda tal-medja tal-profitti taxxabbli fl-erba' snin fiskali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2018 jew wara;

(19)

“kontribuzzjoni ta’ solidarjetà” tfisser miżura temporanja maħsuba biex tindirizza s-surplus tal-profitti ta’ kumpaniji u ta’ stabbilimenti permanenti tal-Unjoni b’attivitajiet fis-setturi tal-petroleum grezz, tal-gass naturali, tal-faħam u tar-raffineriji biex jittaffew l-iżviluppi eċċezzjonali tal-prezzijiet fis-swieq tal-enerġija għall-Istati Membri, għall-konsumaturi u għall-kumpaniji;

(20)

“surplus tad-dħul tal-introjtu mill-konġestjoni” tfisser id-dħul residwu li jibqa’ ma jintużax wara l-allokazzjoni tad-dħul tal-introjtu mill-konġestjoni f’konformità mal-objettivi prijoritarji stabbiliti fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament (UE) 2019/943;

(21)

“miżura nazzjonali ekwivalenti promulgata” tfisser miżura leġiżlattiva, regolatorja jew amministrattiva adottata u ppubblikata minn Stat Membru sal-31 ta’ Diċembru 2022 li tikkontribwixxi għall-affordabbiltà tal-enerġija.

KAPITOLU II

miżuri b’rabta mas-suq tal-elettriku

Taqsima 1

Tnaqqis tad-Domanda

Artikolu 3

Tnaqqis tal-konsum gross tal-elettriku

1.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jimplimentaw miżuri li jnaqqsu l-konsum gross totali tal-elettriku tagħhom fix-xahar b’10 % meta mqabbel mal-medja tal-konsum gross tal-elettriku fix-xhur korrispondenti tal-perjodu ta’ referenza.

2.   Meta jikkalkulaw it-tnaqqis tal-konsum gross tal-elettriku, l-Istati Membri jistgħu jqisu ż-żieda fil-konsum gross tal-elettriku li tirriżulta mill-ilħuq tal-miri ta' tnaqqis fid-domanda għall-gass u l-isforzi ġenerali tal-elettrifikazzjoni biex jiġu eliminati gradwalment il-fjuwils fossili.

Artikolu 4

Tnaqqis fil-konsum gross tal-elettriku matul il-ħinijiet l-aktar intensivi

1.   Kull Stat Membru għandu jidentifika l-ħinijiet l-aktar intensivi li jikkorrispondu b’kollox għal minimu ta’ 10 % tal-ħinijiet kollha tal-perjodu bejn l-1 ta’ Diċembru 2022 u l-31 ta’ Marzu 2023.

2.   Kull Stat Membru għandu jnaqqas il-konsum gross tal-elettriku tiegħu matul il-ħinijiet l-aktar intensivi identifikati. It-tnaqqis miksub matul il-ħinijiet l-aktar intensivi identifikati għandu jilħaq mill-inqas 5 % bħala medja fis-siegħa. Il-mira ta’ tnaqqis għandha tiġi kkalkulata bħala d-differenza bejn il-konsum gross reali tal-elettriku għall-ħinijiet l-aktar intensivi identifikati u l-konsum gross tal-elettriku previst mill-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni f’kooperazzjoni mal-awtorità regolatorji fejn applikabbli, mingħajr ma jitqies l-effett tal-miżuri stabbiliti biex tintlaħaq il-mira stabbilita f’dan l-Artikolu. It-tbassir tal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni jista’ jinkludi data storika tal-perjodu ta’ referenza.

3.   L-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li jimmira lejn perċentwal ta’ ħinijiet l-aktar intensivi li jkun differenti minn dak stabbilit fil-paragrafu 1, sakemm ikunu koperti mill-inqas 3 % tal-ħinijiet l-aktar intensivi, u sakemm l-enerġija ffrankata matul dawk il-ħinijiet l-aktar intensivi tkun mill-inqas ugwali għal dik li kienet tiġi ffrankata bil-parametri stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 5

Miżuri biex jinkiseb it-tnaqqis tad-domanda

L-Istati Membri għandhom ikunu liberi li jagħżlu l-miżuri xierqa biex inaqqsu l-konsum gross tal-elettriku sabiex jilħqu l-miri stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4, inkluż l-estensjoni ta’ miżuri nazzjonali diġà fis-seħħ. Il-miżuri għandhom ikunu definiti b’mod ċar, trasparenti, proporzjonati, immirati, nondiskriminatorji u verifikabbli, u għandhom b’mod partikolari jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

fejn il-kumpens finanzjarju jitħallas flimkien mad-dħul mis-suq, l-ammont ta’ dak il-kumpens għandu jiġi stabbilit permezz ta’ proċess kompetittiv miftuħ;

(b)

jinvolvu biss kumpens finanzjarju meta tali kumpens jitħallas għal elettriku addizzjonali mhux ikkunsmat meta mqabbel mal-konsum mistenni fis-siegħa kkonċernata mingħajr l-offerta;

(c)

ma jfixklux bla bżonn il-kompetizzjoni jew il-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-elettriku;

(d)

ma jkunux limitati bla bżonn għal klijenti jew gruppi ta’ klijenti speċifiċi, inkluż aggregaturi indipendenti, f’konformità mal-Artikolu 17 tad-Direttiva (UE) 2019/944; u

(e)

ma jwaqqfux bla bżonn il-proċess tas-sostituzzjoni tat-teknoloġiji tal-fjuwils fossili b’teknoloġiji li jużaw l-elettriku.

Taqsima 2

Limitu massimu fuq id-dħul mis-suq u distribuzzjoni tas-surplus tad-dħul u surplus tad-dħul tal-introjtu mill-konġestjoni lill-klijenti finali tal-elettriku

Artikolu 6

Limitu massimu obbligatorju fuq id-dħul mis-suq

1.   Id-dħul mis-suq tal-produtturi miksub mill-ġenerazzjoni tal-elettriku mis-sorsi msemmija fl-Artikolu 7(1) għandu jkun limitat għal massimu ta’ EUR 180 għal kull MWh ta’ elettriku prodott.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq ikun japplika għad-dħul kollu mis-suq tal-produtturi u, fejn rilevanti, l-intermedjarji li jipparteċipaw fis-swieq tal-operaturi tal-elettriku f’isem il-produtturi, irrispettivament mill-perjodu taż-żmien tas-suq meta ssir it-tranżazzjoni u minn jekk l-elettriku jiġix negozjat bilateralment jew f’suq ċentralizzat.

3.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ miżuri effettivi biex jipprevjenu ċ-ċirkomvenzjoni tal-obbligi fuq il-produtturi skont il-paragrafu 2. B'mod partikolari, huma għandhom, b’mod partikolari, jiżguraw li l-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq jiġi applikat b’mod effettiv f’każijiet fejn il-produtturi huma kkontrollati minn, jew huma parzjalment il-proprjetà ta', impriżi oħra, partikolarment fejn huma jkunu parti minn impriża integrata vertikalment.

4.   L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu jekk japplikawx il-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq fis-saldu tal-iskambju tal-enerġija jew wara.

5.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’dan l-Artikolu.

Artikolu 7

Applikazzjoni tal-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq tal-produtturi tal-elettriku

1.   Il-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq previst fl-Artikolu 6 għandu japplika għad-dħul mis-suq miksub mill-bejgħ tal-elettriku ġġenerat mis-sorsi li ġejjin:

(a)

l-enerġija mir-riħ;

(b)

l-enerġija solari (solari termali u fotovoltajka solari);

(c)

l-enerġija ġeotermali;

(d)

l-idroenerġija mingħajr ġibjuni;

(e)

il-fjuwils tal-bijomassa (fjuwils tal-bijomassa solidi jew gassużi) għajr il-bijometan;

(f)

l-iskart;

(g)

l-enerġija nukleari;

(h)

il-linjite;

(i)

prodotti tal-petroleum grezz;

(j)

pit.

2.   Il-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq previst fl-Artikolu 6(1) ma għandux japplika għal proġetti ta’ dimostrazzjoni jew għal produtturi li d-dħul tagħhom għal kull MWh ta’ elettriku prodott ikun diġà limitat bħala riżultat ta’ miżuri Statali jew pubbliċi mhux adottati skont l-Artikolu 8.

3.   L-Istati Membri jistgħu, b’mod partikolari f’każijiet fejn l-applikazzjoni tal-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq previst fl-Artikolu 6(1) twassal għal piż amministrattiv sinifikanti, jiddeċiedu li l-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq ma jkunx japplika għall-produtturi li jiġġeneraw l-elettriku f’faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija b’kapaċità installata sa 1 MW. L-Istati Membri jistgħu, b’mod partikolari f’każijiet fejn l-applikazzjoni tal-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq previst fl-Artikolu 6(1) twassal għal riskju ta’ żieda fl-emissjonijiet tas-CO2 u tnaqqis fil-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, jiddeċiedu li l-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq ma japplikax għall-elettriku prodott f’impjanti ibridi li jużaw ukoll sorsi tal-enerġija konvenzjonali.

4.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq ma japplikax għad-dħul miksub mill-bejgħ tal-elettriku fis-suq tal-enerġija tal-ibbilanċjar u mill-kumpens għad-dispaċċ mill-ġdid u l-iskambju kompensatorju.

5.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq japplika biss għal 90 % tad-dħul mis-suq li jaqbeż il-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq previst fl-Artikolu 6(1).

6.   Il-produtturi, l-intermedjarji u l-parteċipanti rilevanti tas-suq, kif ukoll l-operaturi tas-sistema fejn rilevanti, għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u fejn rilevanti, lill-operaturi tas-sistema u operaturi nominati tas-suq tal-elettriku, id-data kollha neċessarja għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6, inkluż dwar l-elettriku prodott u d-dħul mis-suq relatat, irrispettivament mill-perjodu ta’ żmien tas-suq li fih isseħħ it-tranżazzjoni u minn jekk l-elettriku jiġix innegozjat bilateralment, fi ħdan l-istess impriża jew inkella f’suq ċentralizzat.

Artikolu 8

Miżuri nazzjonali ta’ kriżi

1.   L-Istati Membri jistgħu:

(a)

iżommu jew jintroduċu miżuri li jillimitaw aktar id-dħul mis-suq tal-produtturi li jiġġeneraw l-elettriku mis-sorsi elenkati fl-Artikolu 7(1), inkluż il-possibbiltà li ssir distinzjoni bejn it-teknoloġiji, kif ukoll id-dħul mis-suq ta’ parteċipanti oħra fis-suq, inklużi dawk attivi fil-kambju tal-elettriku;

(b)

jistabbilixxu limitu massimu ogħla fuq id-dħul mis-suq għall-produtturi li jiġġeneraw l-elettriku mis-sorsi elenkati fl-Artikolu 7(1), dment li l-investimenti u l-kostijiet operattivi tagħhom jaqbżu l-massimu stabbilit fl-Artikolu 6(1);

(c)

iżommu jew jintroduċu miżuri nazzjonali biex jillimitaw id-dħul mis-suq tal-produtturi li jiġġeneraw l-elettriku minn sorsi mhux imsemmija fl-Artikolu 7(1);

(d)

jistabbilixxu limitu massimu speċifiku fuq id-dħul mis-suq miksub mill-bejgħ tal-elettriku prodott mill-faħam iebes;

(e)

jissoġġettaw lill-unitajiet idroelettriċi mhux imsemmija fl-Artikolu 7(1), il-punt (d), għal limitu massimu fuq id-dħul mis-suq, jew iżommu jew jintroduċu tali miżuri li jillimitaw aktar id-dħul mis-suq tagħhom, inkluż il-possibbiltà li ssir distinzjoni bejn it-teknoloġiji.

2.   Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom, f'konformità ma’ dan ir-Regolament:

(a)

ikunu proporzjonati u mhux diskriminatorji;

(b)

ma jipperikolawx is-sinjali ta’ investiment;

(c)

jiżguraw li l-investimenti u l-ispejjeż operattivi jkunu koperti;

(d)

ma jfixklux il-funzjonament tas-swieq tal-operaturi tal-elettriku, u b’mod partikolari, ma jaffettwawx l-ordni tal-mertu u l-formazzjoni tal-prezzijiet fis-suq tal-operaturi;

(e)

ikunu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

Artikolu 9

Distribuzzjoni tas-surplus tad-dħul tal-introjtu mill-konġestjoni li jirriżulta mill-allokazzjoni tal-kapaċità transżonali

1.   Permezz ta' deroga mir-regoli tal-Unjoni dwar l-introjtu mill-konġestjoni, Stati Membri jistgħu jużaw is-surplus tad-dħul tal-introjtu mill-konġestjoni li jirriżulta mill-allokazzjoni tal-kapaċità transżonali biex jiffinanzjaw miżuri b’appoġġ għall-klijenti finali tal-elettriku f’konformità mal-Artikolu 10.

2.   L-użu tas-surplus tad-dħul tal-introjtu mill-konġestjoni f’konformità mal-paragrafu 1 għandu jkun soġġett għall-approvazzjoni mill-awtorità regolatorja tal-Istat Membru kkonċernat.

3.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw l-użu tas-surplus tad-dħul tal-introjtu mill-konġestjoni f’konformità mal-paragrafu 1 lill-Kummissjoni fi żmien xahar mid-data tal-adozzjoni tal-miżura nazzjonali rilevanti.

Artikolu 10

Distribuzzjoni tas-surplus tad-dħul

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-surplus kollu tad-dħul miksub mill-applikazzjoni tal-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq jintuża biex jiffinanzja miżuri li jsostnu lill-klijenti finali tal-elettriku u li jtaffu l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-elettriku fuq dawk il-klijenti, b’mod immirat.

2.   Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu definiti b’mod ċar, trasparenti, proporzjonati, nondiskriminatorji u verifikabbli u ma għandhomx imorru kontra l-obbligu ta’ tnaqqis tal-konsum gross tal-elettriku previst fl-Artikoli 3 u 4.

3.   Meta d-dħul miksub direttament mill-implimentazzjoni tal-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq fit-territorju tagħhom u d-dħul miksub indirettament minn ftehimiet transfruntieri ma jkunux biżżejjed biex jappoġġaw b’mod adegwat lill-klijenti finali tal-elettriku, l-Istati Membri għandhom jitħallew jużaw mezzi xierqa oħra bħar-riżorsi baġitarji għall-istess skop u taħt l-istess kondizzjonijiet.

4.   Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu pereżempju jinkludu:

(a)

l-għoti ta’ kumpens finanzjarju lill-klijenti finali tal-elettriku talli jnaqqsu l-konsum tal-elettriku tagħhom, inkluż bi rkantijiet tat-tnaqqis tad-domanda jew bi skemi ta’ offerti;

(b)

trasferimenti diretti lill-klijenti finali tal-elettriku, inkluż permezz ta' tnaqqis proporzjonali fit-tariffi tan-network;

(c)

kumpens lill-fornituri li jkollhom iwasslu l-elettriku lill-klijenti taħt il-kostijiet wara intervent mill-Istat jew pubbliku fl-iffissar tal-prezzijiet skont l-Artikolu 13;

(d)

tnaqqis tal-kostijiet għax-xiri tal-elettriku lill-klijenti finali tal-elettriku, inkluż għal volum limitat tal-elettriku kkonsmat;

(e)

il-promozzjoni ta’ investimenti mill-klijenti finali tal-elettriku fit-teknoloġiji tad-dekarbonizzazzjoni, fl-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika.

Artikolu 11

Ftehimiet bejn l-Istati Membri

1.   F’sitwazzjonijiet fejn id-dipendenza rigward l-importazzjonijiet netti ta’ Stat Membru tkun daqs jew ogħla minn 100 %, ftehim biex jinqasam is-surplus tad-dħul b’mod adegwat għandu jiġi konkluż sal-1 ta’ Diċembru 2022 bejn l-Istat Membru importatur u l-Istat Membru esportatur ewlieni. L-Istati Membri kollha jistgħu, fi spirtu ta’ solidarjetà, jikkonkludu tali ftehimiet li jistgħu jkopru wkoll dħul li ġej minn miżuri nazzjonali ta’ kriżi skont l-Artikolu 8, inkluż attivitajiet ta' kambju tal-elettriku.

2.   Il-Kummissjoni għandha tassisti lill-Istati Membri matul il-proċess tan-negozjati, kif ukoll tinkoraġġixxi u tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri.

Taqsima 3

Miżuri tal-bejgħ bl-imnut

Artikolu 12

Estensjoni temporanja għall-SMEs ta’ interventi pubbliċi fl-iffissar tal-prezzijiet tal-elettriku

B’deroga mir-regoli tal-Unjoni dwar l-interventi pubbliċi fl-iffissar tal-prezzijiet, l-Istati Membri jistgħu japplikaw interventi pubbliċi fl-iffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-elettriku lill-SMEs. Dawn l-interventi pubbliċi għandhom:

(a)

jieħdu kont tal-konsum annwali tal-benefiċjarju fl-aħħar ħames snin u jżommu inċentiv għal tnaqqis tad-domanda;

(b)

jikkonformaw mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(4) u (7) tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(c)

meta rilevanti, jikkonformaw mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 13

Possibbiltà temporanja li jiġu ffissati prezzijiet tal-elettriku inqas mill-kost

B’deroga mir-regoli tal-Unjoni dwar l-interventi pubbliċi fl-iffissar tal-prezzijiet, meta japplikaw interventi pubbliċi fl-iffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-elettriku skont l-Artikolu 5(6) tad-Direttiva (UE) 2019/944 jew skont l-Artikolu 12 ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu b’mod eċċezzjonali u temporanju jistabbilixxu prezz għall-provvista tal-elettriku li jkun inqas mill-kost dment li jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-miżura tkopri ammont limitat ta’ konsum u żżomm inċentiv għal tnaqqis tad-domanda;

(b)

ma ssir l-ebda diskriminazzjoni bejn il-fornituri;

(c)

il-fornituri jiġu kkumpensati talli jfornu bi prezz inqas mill-kost; u

(d)

il-fornituri kollha huma eliġibbli biex jipprovdu offerti bil-prezz għall-provvista tal-elettriku li jkun inqas mill-kost fuq l-istess bażi.

KAPITOLU III

Miżura li tikkonċerna s-setturi tal-petroleum grezz, tal-gass naturali, tal-faħam u tar-raffineriji

Artikolu 14

Sostenn lill-klijenti tal-enerġija finali permezz ta’ kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà

1.   Is-surplus tal-profitti ġġenerati minn kumpanniji u stabbilimenti permanenti tal-Unjoni b’attivitajiet fis-settur tal-petroleum grezz, tal-gass naturali, tal-faħam u tar-raffineriji għandu jkun soġġett għal kontribuzzjoni temporanja obbligatorja ta’ solidarjetà, dment li l-Istati Membri ma jkunux ippromulgaw miżuri nazzjonali ekwivalenti.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li miżuri nazzjonali ekwivalenti promulgati jikkondividu objettivi simili u huma soġġetti għal regoli simili bħall-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà skont dan ir-Regolament u jiġġeneraw rikavati komparabbli jew ogħla mir-rikavati stmati mill-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà.

3.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw miżuri li jimplimentaw il-kontribuzzjoni temporanja obbligatorja ta’ solidarjetà msemmija fil-paragrafu 1 sal-31 ta’ Diċembru 2022.

Artikolu 15

Bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà

Il-kontribuzzjoni temporanja ta' solidarjetà għall-kumpaniji u l-istabbilimenti permanenti tal-Unjoni, b'attivitajiet fil-qasam tas-setturi tal-petroleum grezz, tal-gass naturali, tal-faħam u tar-raffineriji, inkluż dawk li jagħmlu parti minn grupp konsolidat għal finijiet fiskali biss, għandha tiġi kkalkulata fuq il-profitti taxxabbli, kif determinati skont ir-regoli tat-taxxa nazzjonali, fis-sena fiskali 2022 u/jew is-sena fiskali 2023 u għad-durata sħiħa tagħhom, li huma iżjed minn żieda ta' 20 % tal-profitti taxxabbli medji, kif determinat skont ir-regoli tat-taxxa nazzjonali, fl-erba' snin fiskali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2018 jew wara. Jekk il-medja tal-profitti taxxabbli f’dawk l-erba’ snin fiskali tkun negattiva, il-profitti taxxabbli medji għandhom ikunu żero għall-iskop tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà.

Artikolu 16

Rata għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà

1.   Ir-rata applikabbli għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà għandha tkun mill-inqas 33 % tal-bażi msemmija fl-Artikolu 15.

2.   Il-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà għandha tapplika flimkien mat-taxxi u l-imposti regolari applikabbli skont il-liġi nazzjonali ta’ Stat Membru.

Artikolu 17

Użu tar-rikavati mill-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà

1.   L-Istati Membri għandhom jużaw ir-rikavati mill-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà b’impatt opportun biżżejjed għal kwalunkwe skop minn dawn li ġejjin:

(a)

għal miżuri ta’ sostenn finanzjarju għall-klijenti tal-enerġija finali, u b’mod partikolari lill-unitajiet domestiċi vulnerabbli, sabiex jittaffew l-effetti tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija, b’mod immirat;

(b)

għal miżuri ta’ sostenn finanzjarju biex jgħinu fit-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija, bħal pereżempju billi jsiru rkantijiet jew skemi ta’ offerti għal tnaqqis tad-domanda, jonqsu l-kostijiet tax-xiri tal-enerġija tal-klijenti finali tal-enerġija għal ċerti volumi ta’ konsum, jitħeġġu investimenti mill-klijenti finali tal-enerġija f’sorsi tal-enerġija rinnovabbli, u jsiru investimenti strutturali fl-effiċjenza enerġetika jew f’teknoloġiji oħra tad-dekarbonizzazzjoni;

(c)

għal miżuri ta’ sostenn finanzjarju li jsostnu lill-kumpaniji tal-industriji intensivi fl-enerġija diment li dawn isiru bil-kondizzjoni li jagħmlu investimenti fl-enerġiji rinnovabbli, fl-effiċjenza enerġetika jew f’teknoloġiji oħra tad-dekarbonizzazzjoni;

(d)

għal miżuri ta’ sostenn finanzjarju sabiex tinħoloq l-awtonomija tal-enerġija b’mod partikolari permezz ta’ investimenti skont l-objettivi tar-REPowerEU stabbiliti fil-Pjan REPowerEU u fl-Azzjoni Ewropea Konġunta REPowerEU bħal proġetti b’dimensjoni transfruntiera;

(e)

bi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, l-Istati Membri jistgħu jassenjaw sehem mir-rikavati tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà għall-finanzjament komuni ta’ miżuri li jnaqqsu l-effetti dannużi tal-kriżi tal-enerġija, inkluż sostenn li jipproteġi l-impjiegi, u t-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol, jew li jippromwovu investimenti fl-effiċjenza enerġetika u fl-enerġija rinnovabbli, inkluż fi proġetti transfruntieri, u fil-mekkaniżmu ta' finanzjament tal-enerġija rinnovabbli tal-Unjoni previst fl-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

2.   Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu definiti b’mod ċar, trasparenti, proporzjonati, nondiskriminatorji u verifikabbli.

Artikolu 18

Natura temporanja tal-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà

Il-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà applikata mill-Istati Membri f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandha tkun ta’ natura temporanja. Għandha tapplika biss għas-surplus tal-profitti ġġenerati fis-snin fiskali msemmija fl-Artikolu 15.

KAPITOLU IV

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 19

Monitoraġġ u infurzar

1.   L-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru għandha tagħmel monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikoli 3 sa 10, 12 u 13 fit-territorju tagħha.

2.   Kemm jista’ jkun malajr wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u mill-1 ta’ Diċembru 2022, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni l-miżuri ppjanati biex jiksbu t-tnaqqis fid-domanda meħtieġ skont l-Artikolu 5 u l-ftehimiet bejn l-Istati Membri konklużi skont l-Artikolu 10.

3.   Sal-31 ta’ Jannar 2023 u għal darb’oħra sat-30 ta’ April 2023, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar:

(a)

it-tnaqqis tad-domanda miksub skont l-Artikoli 3 u 4 u l-miżuri stabbiliti biex jiksbu t-tnaqqis skont l-Artikolu 5;

(b)

is-surplus tad-dħul iġġenerat skont l-Artikolu 6;

(c)

il-miżuri b’rabta mad-distribuzzjoni tas-surplus tad-dħul applikati biex jittaffa l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-elettriku fuq il-klijenti finali tal-elettriku skont l-Artikolu 10;

(d)

kwalunkwe intervent pubbliku fl-iffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-elettriku msemmija fl-Artikoli 12 u 13.

4.   L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar:

(a)

l-introduzzjoni tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà skont l-Artikolu 14, inkluż f’liema sena fiskali ser japplikawha, sal-31 ta’ Diċembru 2022;

(b)

kull emenda sussegwenti lill-qafas legali nazzjonali fi żmien xahar mid-data tal-pubblikazzjoni fil-gazzetti tal-gvern nazzjonali rispettivi;

(c)

l-użu tar-rikavati skont l-Artikolu 17 fi żmien xahar mid-data li fiha huma jkunu ġabru r-rikavati f’konformità mal-liġi nazzjonali;

(d)

il-miżuri nazzjonali ekwivalenti ppromulgati msemmija fl-Artikolu 14 sal-31 ta’ Diċembru 2022; l-Istati Membri għandhom jipprovdu wkoll valutazzjoni tal-ammont ta’ rikavati ġġenerati minn dawk il-miżuri nazzjonali ekwivalenti ppromulgati u dwar l-użu ta’ dawk ir-rikavati fi żmien xahar mid-data li fiha huma jkunu ġabru r-rikavati f’konformità mal-liġi nazzjonali.

Artikolu 20

Rieżami

1.   Sat-30 ta' April 2023, il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami tal-Kapitolu II fid-dawl tas-sitwazzjoni ġenerali tal-provvista tal-elettriku u l-prezzijiet tal-elettriku fl-Unjoni u tressaq rapport lill-Kunsill dwar is-sejbiet ewlenin ta’ dak ir-rieżami. Abbażi ta’ dak ir-rapport, il-Kummissjoni tista’ b’mod partikolari tipproponi, f’każ li jkun ġustifikat miċ-ċirkostanzi ekonomiċi jew mill-funzjonament tas-suq tal-elettriku fl-Unjoni u fi Stati Membri individwali, li jiġi estiż il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, li jiġi emendat il-livell tal-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq stabbilit fl-Artikolu 6(1) u s-sorsi tal-ġenerazzjoni tal-elettriku msemmija fl-Artikolu 7(1) li japplika għalih, jew li jiġi emendat il-Kapitolu II b’xi mod ieħor.

2.   Sal-15 ta’ Ottubru 2023 u sal-15 ta’ Ottubru 2024, il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami tal-Kapitolu III fid-dawl tas-sitwazzjoni ġenerali tas-settur tal-fjuwils fossili u tas-surplus tal-profitti ġġenerati u tressaq rapport lill-Kunsill dwar is-sejbiet ewlenin ta’ dak ir-rieżami.

Artikolu 21

Derogi

1.   1L-Artikoli 4 sa7 ma għandhomx japplikaw għar-reġjuni ultraperiferiċi skont it-tifsira tal-Artikolu 349 TFUE li ma jistgħux ikunu interkonnessi mas-suq tal-elettriku tal-Unjoni.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx l-Artikoli 4 sa 7 għall-elettriku ġġenerat f’sistemi iżolati żgħar jew f’sistemi żgħar konnessi.

3.   L-Artikoli 4 sa7 ma għandhomx ikunu obbligatorji għal Ċipru u Malta. Jekk Ċipru jiddeċiedi li japplika l-Artikoli 4 sa7, l-Artikolu 6(1) ma għandux japplika għall-elettriku ġġenerat minn prodotti tal-petroleum grezz.

Artikolu 22

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligu li tiġi żgurata d-distribuzzjoni tas-surplus tad-dħul f’konformità mal-Artikolu 10, u li jintużaw ir-rikavati mill-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà f’konformità mal-Artikolu 17, u mingħajr preġudizzju għall-obbligu ta' rapportar imsemmi fl-Artikolu 20(2), dan ir-Regolament għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2023, soġġett għal dan li ġej:

(a)

l-Artikolu 4 għandu japplika mill-1 ta' Diċembru 2022 sal-31 ta' Marzu 2023;

(b)

l-Artikoli 5 u 10 għandhom japplikaw mill-1 ta' Diċembru 2022;

(c)

l-Artikoli 6, 7, u 8 għandhom japplikaw mill-1 ta' Diċembru 2022 sat-30 ta' Ġunju 2023;

(d)

l-Artikolu 20(2) għandu japplika sal-15 ta' Ottubru 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Ottubru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BEK


(1)  Ir-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 22).

(2)  ĠU L 198, 20.7.2006, p. 18.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369 tal-5 ta’ Awwissu 2022 dwar miżuri kkoordinati għal tnaqqis fid-domanda għall-gass (ĠU L 206, 8.8.2022, p. 1).

(4)  Id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 54)

(6)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (ĠU L 124, 20.05.2003, p. 36).

(7)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2019/941 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 dwar it-tħejjija għar-riskji fis-settur tal-elettriku u li jħassar id-Direttiva 2005/89/KE (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 1).

(9)  Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta' attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).

(11)  Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).