2.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 277/137


DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1269

tal-21 ta’ April 2021

li temenda d-Direttiva Delegata (UE) 2017/593 fir-rigward tal-integrazzjoni tal-fatturi tas-sostenibbiltà fl-obbligi ta’ governanza tal-prodotti

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 16(12) u l-Artikolu 24(13) tagħha,

Billi:

(1)

It-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livelli baxxi ta’ karbonju, effiċjenti fir-riżorsi u ċirkolari skont l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli hija essenzjali sabiex tiġi żgurata l-kompetittività fit-tul tal-ekonomija tal-Unjoni. Fl-2016, l-Unjoni kkonkludiet il-Ftehim ta’ Pariġi (2). L-Artikolu 2(1)(c) tal-Ftehim ta’ Pariġi jistabbilixxi l-objettiv li jissaħħaħ ir-rispons għat-tibdil fil-klima, fost affarijiet oħra billi l-flussi ta’ finanzjament isiru konsistenti ma’ perkors lejn emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet b’effett ta’ serra kif ukoll l-iżvilupp reżiljenti għat-tibdil fil-klima.

(2)

Huwa minħabba r-rikonoxximent ta’ dik l-isfida li f’Diċembru 2019 il-Kummissjoni ppreżentat il-Patt Ekoloġiku Ewropew (3). Il-Patt Ekoloġiku jirrappreżenta strateġija ġdida ta’ tkabbir li għandha l-għan li tittrasforma l-Unjoni f’soċjetà ġusta u prospera, b’ekonomija moderna, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva fejn ma jkunx hemm emissjonijiet netti ta’ gassijiet b’effett ta’ serra mill-2050 ’il quddiem u fejn it-tkabbir ekonomiku jkun diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi. Dak l-objettiv jirrikjedi li l-investituri jingħataw sinjali ċari fir-rigward tal-investimenti tagħhom biex jevitaw assi mhux rekuperabbli u jippromwovu l-finanzjament sostenibbli.

(3)

F’Marzu 2018, il-Kummissjoni ppubblikat il-Pjan ta’ Azzjoni tagħha “Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli” (4), li jistabbilixxi strateġija ambizzjuża u komprensiva dwar il-finanzjament sostenibbli. Wieħed mill-objettivi stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni huwa li tingħata direzzjoni ġdida lill-flussi tal-kapital lejn investimenti sostenibbli sabiex jinkiseb tkabbir sostenibbli u inklużiv.

(4)

L-implimentazzjoni xierqa tal-Pjan ta’ Azzjoni tħeġġeġ id-domanda tal-investituri għal investimenti sostenibbli. Għaldaqstant huwa neċessarju li jiġi ċċarat li l-fatturi tas-sostenibbiltà u l-objettivi relatati mas-sostenibbiltà jenħtieġ li jitqiesu fir-rekwiżiti ta’ governanza tal-prodotti, stabbiliti fid-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2017/593 (5).

(5)

Jenħtieġ li d-ditti ta’ investiment li jimmanifatturaw u jiddistribwixxu strumenti finanzjarji jqisu l-fatturi ta’ sostenibbiltà fil-proċess tal-approvazzjoni tal-prodott ta’ kull strument finanzjarju u fl-arranġamenti l-oħra ta’ governanza u sorveljanza tal-prodott għal kull strument finanzjarju li huwa maħsub għad-distribuzzjoni lil klijenti li qed ifittxu strumenti finanzjarji bi profil relatat mas-sostenibbiltà.

(6)

Billi s-suq fil-mira jenħtieġ li jiġi stabbilit b’mod suffiċjentement preċiż, jenħtieġ li dikjarazzjoni ġenerali li strument finanzjarju għandu profil relatat mas-sostenibbiltà ma tkunx suffiċjenti. Minflok, jenħtieġ li d-ditti tal-investiment li joħolqu u jiddistribwixxu l-istrumenti finanzjarji jispeċifikaw lil liema grupp ta’ klijenti b’objettivi relatati mas-sostenibbiltà suppost jiġi distribwit l-istrument finanzjarju.

(7)

Sabiex jiġi żgurat li l-istrumenti finanzjarji b’fatturi tas-sostenibbiltà jibqgħu disponibbli faċilment anke għall-klijenti li ma għandhomx preferenzi tas-sostenibbiltà, jenħtieġ li d-ditti tal-investiment ma jkunux meħtieġa jidentifikaw gruppi ta’ klijenti b’eżiġenzi, karatteristiċi u objettivi li mhumiex kompatibbli mal-istrument finanzjarju b’fatturi tas-sostenibbiltà.

(8)

Il-fatturi tas-sostenibbiltà ta’ strument finanzjarju jenħtieġ li jiġu ppreżentati b’mod trasparenti biex id-distributur ikun jista’ jipprovdi l-informazzjoni rilevanti lill-klijenti jew lill-klijenti potenzjali.

(9)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Direttiva Delegata (UE) 2017/593 tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva Delegata (UE) 2017/593

Id-Direttiva Delegata (UE) 2017/593 hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, għandu jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

“5.   ‘fatturi tas-sostenibbiltà’ tfisser fatturi tas-sostenibbiltà kif definiti fl-Artikolu 2(24) tar-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1).”;"

(2)

L-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 9, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“9.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li d-ditti tal-investiment jidentifikaw b’mod suffiċjentement preċiż is-suq fil-mira potenzjali għal kull strument finanzjarju u jispeċifikaw it-tip(i) ta’ klijent li mal-ħtiġijiet, mal-karatteristiċi u mal-objettivi tiegħu, inkluż kwalunkwe objettivi relatati mas-sostenibbiltà, huwa kompatibbli l-istrument finanzjarju. Bħala parti minn dan il-proċess, id-ditta għandha tidentifika kwalunkwe grupp(i) ta’ klijent li l-istrument finanzjarju ma jkunx kompatibbli mal-ħtiġijiet, mal-karatteristiċi u mal-objettivi tiegħu, ħlief jekk l-istrumenti finanzjarji jqisu l-fatturi tas-sostenibbiltà. Fejn id-ditti ta’ investiment jikkollaboraw biex jimmanifatturaw strument finanzjarju, ikollu bżonn jiġi identifikat suq fil-mira wieħed biss.”;

(b)

il-paragrafu 11 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“11.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li d-ditti ta’ investiment jiddeterminaw jekk strument finanzjarju jissodisfax il-ħtiġijiet, il-karatteristiċi u l-objettivi identifikati tas-suq fil-mira, inkluż bl-eżaminazzjoni tal-elementi li ġejjin:

(a)

il-profil tar-riskji u l-gwadanji tal-istrument finanzjarju huwa konsistenti mas-suq fil-mira;

(b)

jekk ikun rilevanti, il-fatturi tas-sostenibbiltà tal-istrument finanzjarju huma konsistenti mas-suq fil-mira;

(c)

id-disinn tal-istrument finanzjarju huwa motivat minn karatteristiċi li jibbenefikaw lill-klijent u mhux minn xi mudell ta’ negozju li jiddependi fuq riżultati ħżiena għall-klijenti biex ikun profittabbli.”;

(c)

fil-paragrafu 13, jiżdied it-tieni subparagrafu li ġej:

“Il-fatturi tas-sostenibbiltà tal-istrument finanzjarju għandhom ikunu ppreżentati b’mod trasparenti u jipprovdu lid-distributuri l-informazzjoni rilevanti biex jikkunsidraw kif xieraq kwalunkwe objettiv relatat mas-sostenibbiltà tal-klijent jew tal-klijent potenzjali.”;

(d)

il-paragrafu 14 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“14.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li d-ditti ta’ investiment regolarment jirrieżaminaw l-istrumenti finanzjarji li jimmanifatturaw, filwaqt li jqisu kwalunkwe avveniment li jista’ materjalment jaffettwa r-riskju potenzjali għas-suq fil-mira identifikat. Id-ditti tal-investiment għandhom iqisu jekk l-istrument finanzjarju jibqax konsistenti mal-ħtiġijiet, mal-karatteristiċi u mal-objettivi, inkluż ma’ kwalunkwe objettiv relatat mas-sostenibbiltà, tas-suq fil-mira u jekk huwiex distribwit lis-suq fil-mira, jew jekk jilħaqx klijenti li l-istrument finanzjarju ma jkunx kompatibbli mal-ħtiġijiet, mal-karatteristiċi u mal-objettivi tagħhom.”

(3)

L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti tal-investiment ikollhom arranġamenti adegwati għall-governanza tal-prodott biex jiżguraw li l-prodotti u s-servizzi li biħsiebhom joffru jew jirrakkomandaw ikunu kompatibbli mal-ħtiġijiet, mal-karatteristiċi u mal-objettivi, inkluż ma’ kwalunkwe objettiv relatat mas-sostenibbiltà, ta’ suq fil-mira identifikat u li l-istrateġija maħsuba għad-distribuzzjoni tkun konsistenti mas-suq fil-mira identifikat. Id-ditti ta’ investiment għandhom jidentifikaw u jivvalutaw b’mod xieraq iċ-ċirkostanzi u l-ħtiġijiet tal-klijenti li biħsiebhom jiffokaw fuqhom, biex jiġi żgurat li l-interessi tal-klijenti ma jkunux kompromessi b’riżultat ta’ pressjonijiet kummerċjali jew ta’ finanzjament. Bħala parti minn dan il-proċess, id-ditti tal-investiment għandhom jidentifikaw kwalunkwe grupp ta’ klijenti li l-prodott jew is-servizz ma jkunx kompatibbli mal-ħtiġijiet, mal-karatteristiċi u mal-objettivi tiegħu, ħlief jekk l-istrumenti finanzjarji jqisu l-fatturi tas-sostenibbiltà.”;

(b)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti ta’ investiment jirrieżaminaw il-prodotti ta’ investiment li joffru jew jirrakkomandaw, filwaqt li jqisu kwalunkwe avveniment li jista’ materjalment jaffettwa r-riskju potenzjali għas-suq fil-mira identifikat. Id-ditti għandhom mill-inqas jivvalutaw jekk il-prodott jew is-servizz jibqax konsistenti mal-ħtiġijiet, mal-karatteristiċi u mal-objettivi, inkluż ma’ kwalunkwe objettiv relatat mas-sostenibbiltà, tas-suq fil-mira identifikat u jekk l-istrateġija maħsuba għad-distribuzzjoni tibqax xierqa. Id-ditti għandhom jikkunsidraw mill-ġdid is-suq fil-mira u/jew jaġġornaw l-arranġamenti ta’ governanza tal-prodotti jekk isiru jafu li identifikaw ħażin is-suq fil-mira għal prodott jew servizz speċifiku jew li l-prodott jew is-servizz ma għadux jissodisfa ċ-ċirkostanzi tas-suq fil-mira identifikat, pereżempju jekk il-prodott isir illikwidu jew volatili ħafna minħabba bidliet fis-suq.”.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal-21 ta’ Awwissu 2022, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mit-22 ta’ Novembru 2022.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ April 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1841 tal-5 ta’ Ottubru 2016 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (ĠU L 282, 19.10.2016, p. 1).

(3)  COM(2019) 640 final.

(4)  COM(2018) 97 final.

(5)  Id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2017/593 tas-7 ta’ April 2016 li tissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward is-salvagwardja tal-istrumenti finanzjarji u l-fondi tal-klijenti, l-obbligi ta’ governanza tal-prodotti u r-regoli applikabbli għall-provvediment jew ir-riċeviment ta’ tariffi, kummissjonijiet jew kwalunkwe benefiċċju monetarju jew mhux monetarju (ĠU L 87, 31.3.2017, p. 500).