27.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 329/3


DIRETTIVA TAL-KUNSILL (UE) 2018/2057

tal-20 ta' Diċembru 2018

li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-applikazzjoni temporanja ta' mekkaniżmu tar-reverse charge ġeneralizzat b'rabta mal-provvisti ta' merkanzija u servizzi 'l fuq minn ċertu livell limitu

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġislattiva speċjali,

Billi:

(1)

Fil-komunikazzjoni tas-7 ta' April 2016 dwar pjan ta' azzjoni dwar il-VAT, il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjonijiet tagħha li tressaq proposta għal reġim definittiv ta' taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) għall-kummerċ transfruntier fost in-negozji bejn l-Istati Membri abbażi tat-tassazzjoni tal-provvisti transfruntieri ta' merkanzija u servizzi.

(2)

Fid-dawl tal-livell attwali ta' frodi tal-VAT u l-fatt li mhux l-Istati Membri kollha huma affettwati indaqs minn dan it-tip ta' frodi, u minħabba li ser jgħaddu bosta snin sabiex jiġi implimentat ir-reġim definittiv tal-VAT, jistgħu jkunu meħtieġa xi miżuri urġenti u speċifiċi.

(3)

F'dan il-kuntest, ċertu Stati Membri talbu li jitħallew jimplimentaw mekkaniżmu temporanju tar-reverse charge ġeneralizzat (“GRCM”) b'ċertu livell limitu għal kull transazzjoni li jidderoga minn wieħed mill-prinċipji ġenerali tas-sistema attwali tal-VAT, fir-rigward tas-sistema tal-pagament frazzjonat, sabiex tiġi indirizzata l-frodi karusell endemika. Il-frodi karusell għandha l-għeruq tagħha notevolment fl-eżenzjoni attwali fuq il-provvisti intra-Komunitarji li tippermetti li l-merkanzija tinkiseb mingħajr VAT. Numru ta' negozjanti jinvolvu ruħhom sussegwentement fil-frodi tal-VAT billi ma jħallsux il-VAT li jirċievu mill-klijenti tagħhom lill-awtoritajiet tat-taxxa. Dawk il-klijenti, madankollu, peress li jkollhom fatturi validi, jibqgħu intitolati għal tnaqqis mit-taxxa. L-istess merkanzija tista' tiġi pprovduta diversi drabi oħra billi jerġgħu jiġu inklużi l-provvisti intra-Komunitarji eżentati. Jista' jkun hemm każijiet ta' frodi karusell simili meta jiġu fornuti servizzi. Bin-nomina tal-persuna taxxabbli li lilha tkun qed tiġi pprovduta l-merkanzija jew is-servizzi bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT, id-deroga tneħħi l-opportunità li wieħed iwettaq dan it-tip ta' frodi tat-taxxa.

(4)

L-Istati Membri li juru differenzi fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet tat-taxxa tagħhom jagħmlu sforz speċjali, f'termini li jindirizzaw livelli ogħla ta' frodi tal-VAT u t-telf tad-dħul, fl-implimentazzjoni tas-sistema tal-VAT, kif imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(5)

Sabiex jiġi limitat ir-riskju taċ-ċaqliq tal-frodi bejn l-Istati Membri, l-Istati Membri li jissodisfaw ċertu kriterji fir-rigward tal-livell tal-frodi tagħhom, b'mod partikolari b'rabta mal-frodi karusell, u li jistgħu jistabbilixxu li miżuri oħrajn ta' kontroll mhumiex suffiċjenti biex tiġi miġġielda dik il-frodi, jenħtieġ li jitħallew jużaw il-GRCM. Barra minn hekk, huma jenħtieġ li jistabbilixxu li l-gwadanni stmati fil-konformità u l-ġbir ta' taxxa mistennija bħala riżultat tal-introduzzjoni tal-GRCM jkunu akbar mill-piż addizzjonali ġenerali stmat fuq in-negozji u l-awtoritajiet tat-taxxa u li n-negozji u l-awtoritajiet tat-taxxa mhumiex ser iġarrbu spejjeż li huma ogħla minn dawk imġarrba bħala riżultat tal-applikazzjoni ta' miżuri oħra ta' kontroll.

(6)

Jekk l-Istati Membri jagħżlu li japplikaw il-GRCM, jenħtieġ li japplikawh għall-provvisti mhux transkonfini kollha ta' merkanzija u servizzi 'l fuq minn livell limitu definit għal kull transazzjoni. Il-GRCM jenħtieġ li ma jiġi limitat għal ebda settur speċifiku.

(7)

L-Istati Membri li jagħżlu li japplikaw il-GRCM għandhom jintroduċu obbligi speċifiċi ta' rappurtar elettroniku dwar il-persuni taxxabbli sabiex jiżguraw il-funzjonament u l-monitoraġġ effettiv tal-applikazzjoni tal-GRCM. Jenħtieġ li jidentifikaw u jipprevjenu l-forom ġodda kollha ta' frodi tat-taxxa, bħall-qsim artifiċjali tal-ammont taxxabbli tat-transazzjonijiet.

(8)

Sabiex ikun jista' jiġi vvalutat jekk l-introduzzjoni tal-GRCM fi Stat Membru wieħed tirriżultax f'ċaqliq ta' frodi lejn Stati Membri oħrajn u biex ikun jista' jiġi vvalutat il-grad ta' tfixkil possibbli għall-funzjonament tas-suq intern, huwa xieraq li jiġi previst obbligu speċifiku għall-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri li japplikaw il-GRCM u dawk li ma japplikawhx. L-iskambji kollha ta' informazzjoni huma soġġetti għad-dispożizzjonijiet applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data personali u l-kunfidenzjalità, li jinkludu eżenzjonijiet u restrizzjonijiet biex jiġu ssalvagwardjati l-interessi tal-Istati Membri jew tal-Unjoni fil-qasam tat-tassazzjoni.

(9)

Sabiex jiġi vvalutat l-effett tal-applikazzjoni tal-GRCM fuq l-attivitajiet frodulenti b'mod trasparenti, jenħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji ta' evalwazzjoni definiti minn qabel minn dawk l-Istati Membri, biex tkun possibbli valutazzjoni tal-livell ta' frodi qabel u wara l-applikazzjoni tal-GRCM.

(10)

Id-deċiżjonijiet li jawtorizzaw l-applikazzjoni tal-GRCM ikollhom impatt baġitarju li jista' jkun sinifikanti għal xi Stat Membru wieħed jew aktar. Għaldaqstant, jenħtieġ li s-setgħa ta' awtorizzazzjoni tal-applikazzjoni tal-GRCM tiġi kkonferita lill-Kunsill.

(11)

Jenħtieġ li Stat Membru li jagħżel li japplika l-GRCM jitlob lill-Kummissjoni tipproponi l-applikazzjoni tal-GRCM u jipprovdi l-informazzjoni rilevanti biex il-Kummissjoni tkun tista' tivvaluta tali talba. Fejn ikun neċessarju, jenħtieġ li il-Kummissjoni tkun tista' titlob informazzjoni addizzjonali.

(12)

Minħabba l-effetti mhux mistennija li jista' jkollha l-applikazzjoni ta' dan il-GRCM fuq il-funzjonament tas-suq intern minħabba ċaqliq possibbli tal-frodi lejn Stati Membri oħrajn li ma japplikawx il-GRCM, jenħtieġ li l-Kunsill, bħala miżura ta' salvagwardja, ikun jista' jirrevoka d-deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni kollha li jawtorizzaw l-applikazzjoni tal-GRCM. Fid-dawl tal-ħtieġa ta' reazzjoni rapida f'sitwazzjoni fejn ikun ġie stabbilit impatt negattiv konsiderevoli fuq is-suq intern, jenħtieġ li jintuża l-vot b'unanimità inversa.

(13)

Fid-dawl tal-effetti inċerti li jista' jkollu dan il-GRCM, jenħtieġ li l-applikazzjoni tiegħu jkun limitat fiż-żmien.

(14)

Sabiex jiġi mmonitorjat mill-qrib l-impatt fuq is-suq intern, jenħtieġ li l-Istati Membri kollha, fejn il-GRCM jintuża f'tal-inqas Stat Membru wieħed, jippreżentaw rapporti lill-Kummissjoni biex tkun tista' ssir valutazzjoni tal-impatt fuq il-frodi, il-kostijiet tal-konformità għan-negozji u ċaqliq fl-attivitajiet frodulenti minħabba l-applikazzjoni tal-GRCM.

(15)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (3) tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Fid-Direttiva 2006/112/KE, jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 199c

1.   B'deroga mill-Artikolu 193, Stat Membru jista', sat-30 ta' Ġunju 2022, jintroduċi mekkaniżmu tar-reverse charge ġeneralizzat (‘GRCM’) fuq provvisti mhux transkonfinali, bil-kondizzjoni li l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT tkun il-persuna taxxabbli li lilha jsiru l-provvisti kollha tal-merkanzija u s-servizzi 'l fuq minn livell limitu ta' EUR 17 500 għal kull transazzjoni.

Stat Membru li jixtieq li jintroduċi l-GRCM għandu jikkonforma mal-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

huwa kellu fl-2014, skont il-metodu u ċ-ċifri stabbiliti fir-rapport finali tal-2016 bid-data tat-23 ta' Awwissu 2016 dwar id-diskrepanza tal-VAT ippubblikat mill-Kummissjoni, diskrepanza fil-VAT, espressa bħala perċentwal tal-ammont totali dovut ta' VAT, ta' mill-inqas ħames punti perċentwali 'l fuq mid-diskrepanza tal-VAT medjana tal-Komunità;

(b)

ikollu, abbażi tal-valutazzjoni tal-impatt li akkumpanjat il-proposta leġislattiva għal dan l-Artikolu, livell ta' frodi karusell fi ħdan id-diskrepanza tal-VAT totali tiegħu ta' aktar minn 25 %;

(c)

jistabbilixxi li miżuri oħra ta' kontroll mhumiex biżżejjed biex tkun miġġielda l-frodi karusell fuq it-territorju tiegħu, b'mod partikolari billi jispeċifika l-miżuri ta' kontroll applikati u r-raġunijiet partikolari għan-nuqqas ta' effikaċja tagħhom, kif ukoll ir-raġunijiet għaliex il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tal-VAT kienet insuffiċjenti;

(d)

jistabbilixxi li l-gwadanni stmati fil-konformità u l-ġbir tat-taxxa mistennija bħala riżultat tal-introduzzjoni tal-GRCM ikunu akbar mill-piż addizzjonali ġenerali fuq in-negozji u l-awtoritajiet tat-taxxa b'mill-inqas 25 %; u

(e)

jistabbilixxi li l-introduzzjoni tal-GRCM mhix ser tirriżulta fil-fatt li n-negozji u l-awtoritajiet tat-taxxa jkollhom spejjeż li huma ogħla minn dawk imġarrba bħala riżultat tal-applikazzjoni ta' miżuri oħra ta' kontroll.

L-Istat Membru għandu jehmeż mat-talba msemmija fil-paragrafu 3 l-kalkolu tad-diskrepanza tal-VAT skont il-metodu u ċ-ċifri disponibbli fir-rapport dwar id-diskrepanza tal-VAT ippubblikat mill-Kummissjoni, kif imsemmi fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

2.   L-Istati Membri li japplikaw il-GRCM għandhom jistabbilixxu obbligi ta' rappurtar elettroniku xierqa u effettivi għall-persuni taxxabbli kollha u, b'mod partikolari, għall-persuni taxxabbli li jipprovdu jew li jirċievu merkanzija jew servizzi li japplika għalihom il-GRCM biex jiżguraw il-funzjonament u l-monitoraġġ effettiv tal-applikazzjoni tal-GRCM.

3.   L-Istati Membri li jixtiequ japplikaw il-GRCM għandhom jippreżentaw talba lill-Kummissjoni u jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

ġustifikazzjoni dettaljata li l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jkunu ssodisfati;

(b)

id-data ta' meta jkun ser jibda jiġi applikat il-GRCM u l-perijodu li għandu jkopri l-GRCM;

(c)

l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu biex il-persuni taxxabbli jiġu infurmati bl-introduzzjoni tal-applikazzjoni tal-GRCM; u

(d)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri ta' akkumpanjament imsemmija fil-paragrafu 2.

Jekk il-Kummissjoni tqis li m'għandhiex l-informazzjoni kollha meħtieġa, hija għandha titlob informazzjoni addizzjonali, inkluż metodi, assunzjonijiet u studji sottostanti u dokumenti oħra ta' appoġġ, fi żmien xahar mill-wasla tat-talba. L-Istat Membru rikjedenti għandu jippreżenta l-informazzjoni meħtieġa fi żmien xahar mill-wasla tan-notifika.

4.   Fejn il-Kummissjoni tikkunsidra li talba tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 3, hija għandha, sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara li tkun irċeviet l-informazzjoni kollha meħtieġa, tibgħat proposta lill-Kunsill. Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'mod unanimu dwar tali proposta mill-Kummissjoni, jista' jawtorizza lill-Istat Membru rikjedenti li japplika l-GRCM. Fejn il-Kummissjoni tikkunsidra li talba ma tkunx konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 3, hija għandha, fl-istess skadenza, tikkomunika r-raġunijiet tagħha lill-Istat Membru rikjedenti u lill-Kunsill.

5.   Fejn impatt negattiv konsiderevoli fuq is-suq intern ġie stabbilit skont it-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard minn tliet xhur wara li tkun irċeviet l-informazzjoni neċessarja kollha, tipproponi t-tħassir tad-deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 4, għallinqas sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tal-ewwel deċiżjoni ta' implimentazzjoni li tawtorizza Stat Membru japplika l-GRCM. Dan it-tħassir għandu jitqies li jkun ġie adottat mill-Kunsill sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix b'unanimità li jirrifjuta l-proposta tal-Kummissjoni fi żmien 30 jum mill-adozzjoni tagħha mill-Kummissjoni.

Impatt negattiv konsiderevoli għandu jiġi kkunsidrat stabbilit meta l-kondizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati:

(a)

mill-inqas Stat Membru wieħed li ma japplikax il-GRCM jinforma lill-Kummissjoni b'żieda fil-frodi tal-VAT fit-territorju tiegħu minħabba l- applikazzjoni tal-GRCM; u

(b)

il-Kummissjoni tistabbilixxi, inkluż abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri msemmija fil-punt (a) ta' dan is-subparagrafu, li ż-żieda fil-frodi tal-VAT fit-territorju tagħhom tkun relatata mal-applikazzjoni tal-GRCM fi Stat Membru wieħed jew aktar.

6.   L-Istati Membri li japplikaw il-GRCM għandhom jissottomettu l-informazzjoni li ġejja lill-Istati Membri kollha:

(a)

l-ismijiet tal-persuni li, fit-12-il xahar li jippreċedu d-data tal-bidu tal-applikazzjoni tal-GRCM, kienu soġġetti għal proċedimenti, kemm jekk kriminali kif ukoll jekk amministrattivi, għal frodi tal-VAT; u

(b)

l-ismijiet tal-persuni, inkluż fil-każ ta' persuni ġuridiċi, l-ismijiet tad-diretturi tagħhom, li r-reġistrazzjoni tal-VAT tagħhom f'dak l-Istat Membru tiġi terminata wara l-introduzzjoni tal-GRCM; u

(c)

l-ismijiet tal-persuni, inkluż fil-każ ta' persuni ġuridiċi, l-ismijiet tad-diretturi tagħhom li jkunu naqsu milli jippreżentaw denunzja tal-VAT għal żewġ perijodi tat-taxxa konsekuttivi wara l-introduzzjoni tal-GRCM.

L-informazzjoni msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu għandha tiġi ppreżentata sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara l-introduzzjoni tal-GRCM u għandha tiġi aġġornata kull tliet xhur minn hemm 'il quddiem. L-informazzjoni msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu għandha tiġi ppreżentata sa mhux aktar tard minn disa' xhur wara l-introduzzjoni tal-GRCM u għandha tiġi aġġornata kull tliet xhur minn hemm 'il quddiem.

L-Istati Membri li japplikaw il-GRCM għandhom jippreżentaw rapport interim lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn sena wara l-bidu tal-applikazzjoni tal-GRCM. Dak ir-rapport għandu jipprovdi valutazzjoni dettaljata tal-effikaċja tal-GRCM. Tliet xhur wara t-tmiem tal-applikazzjoni tal-GRCM, l-Istati Membri li japplikaw il-GRCM għandhom jippreżentaw rapport finali dwar l-impatt ġenerali tiegħu.

7.   L-Istati Membri li ma japplikawx il-GRCM għandhom jippreżentaw rapport interim lill-Kummissjoni fir-rigward tal-impatt fuq it-territorju tagħhom tal-applikazzjoni tal-GRCM minn Stati Membri oħrajn. Dak ir-rapport għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni fi żmien tliet xhur wara li l-GRCM ikun ġie applikat għal tal-inqas sena fi Stat Membru wieħed.

Jekk tal-inqas Stat Membru wieħed japplika l-GRCM, l-Istati Membri li ma japplikawx il-GRCM għandhom, sat-30 ta' Settembru 2022, jippreżentaw rapport finali lill-Kummissjoni fir-rigward tal-impatt fit-territorju tagħhom tal-GRCM applikat minn Stati Membri.

8.   Fir-rapporti msemmija fil-paragrafu 6, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw l-impatt tal-applikazzjoni tal-GRCM abbażi tal-kriterji ta' evalwazzjoni li ġejjin:

(a)

l-evoluzzjoni tad-diskrepanza tal-VAT;

(b)

l-evoluzzjoni tal-frodi tal-VAT, b'mod partikolari l-frodi karusell u l-frodi fil-livell tal-bejgħ bl-imnut;

(c)

l-evoluzzjoni tal-piż amministrattiv fuq il-persuni taxxabbli;

(d)

l-evoluzzjoni tal-ispejjeż amministrattivi għall-awtoritajiet tat-taxxa.

9.   Fir-rapporti msemmija fil-paragrafu 7, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw l-impatt tal-applikazzjoni tal-GRCM abbażi tal-kriterji ta' evalwazzjoni li ġejjin:

(a)

l-evoluzzjoni tal-frodi tal-VAT, b'mod partikolari l-frodi karusell u l-frodi fil-livell tal-bejgħ bl-imnut;

(b)

ċaqliq fil-frodi minn dawk l-Istati Membri li japplikaw jew li kienu applikaw il-GRCM.”.

Artikolu 2

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika sat-30 ta' Ġunju 2022.

Artikolu 3

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

E. KÖSTINGER


(1)  Opinjoni tal-11 ta' Diċembru 2018 (P8_TA(2018)0496).

(2)  Opinjoni tal-31 ta' Mejju 2017 (OJ C 288, 31.8.2017, p. 52).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).