19.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 193/1


DIRETTIVA TAL-KUNSILL (UE) 2016/1164

tat-12 ta' Lulju 2016

li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta' evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 115 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxi f'konformità ma' proċedura leġislattiva speċjali,

Billi:

(1)

Il-prijoritajiet politiċi attwali fit-tassazzjoni internazzjonali jenfasizzaw il-ħtieġa li jkun żgurat li titħallas it-taxxa fejn jiġu ġġenerati l-profitti u l-valur. Għaldaqstant, huwa imperattiv li terġa' tinkiseb il-fiduċja fil-korrettezza tas-sistemi tat-taxxa u li l-gvernijiet jitħallew jeżerċitaw b'mod effettiv is-sovranità fiskali tagħhom. Dawn l-għanijiet politiċi ġodda ġew tradotti f'rakkomandazzjonijiet ta' azzjoni konkreta fil-kuntest tal-inizjattiva kontra l-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferiment tal-Profitt (BEPS) mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD). Il-Kunsill Ewropew laqa' din il-ħidma fil-konklużjonijiet tiegħu tat-13 u l-14 ta' Marzu 2013 u tad-19 u l-20 ta' Diċembru 2013. B'risposta għall-ħtieġa ta' tassazzjoni aktar ġusta, fil-Komunikazzjoni tagħha tas-17 ta' Ġunju 2015, il-Kummissjoni tistabbilixxi Pjan ta' Azzjoni għal Tassazzjoni Korporattiva Ġusta u Effiċjenti fl-Unjoni Ewropea

(2)

Ir-rapporti finali dwar il-15-il Punt ta' Azzjoni tal-OECD kontra l-BEPS inħarġu għall-pubbliku fil-5 ta' Ottubru 2015. Dan l-eżitu ntlaqa' mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tat-8 ta' Diċembru 2015. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill enfasizzaw il-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet komuni, anki jekk flessibbli, fil-livell tal-UE konsistenti mal-konklużjonijiet tal-OECD dwar il-BEPS. Barra minn hekk, il-konklużjonijiet appoġġaw implimentazzjoni kkoordinata effettiva u rapida tal-miżuri kontra l-BEPS fil-livell tal-UE u kkunsidraw li d-direttivi tal-UE, fejn xieraq, għandhom ikunu l-mezz ippreferut għall-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-OECD dwar il-BEPS fil-livell tal-UE. Huwa essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern li, bħala minimu, l-Istati Membri jimplimentaw l-impenji tagħhom taħt il-BEPS u b'mod aktar ġenerali, jieħdu azzjoni sabiex jiskoraġġixxu l-prattiki ta' evitar tat-taxxa u jiżguraw tassazzjoni ġusta u effettiva fl-Unjoni b'mod koerenti u kkoordinat biżżejjed. F'suq ta' ekonomiji integrati ħafna, hemm bżonn ta' approċċi strateġiċi komuni u azzjoni kkoordinata, biex jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern u jiġu mmassimizzati l-effetti pożittivi tal-inizjattiva kontra l-BEPS. Barra minn hekk, qafas komuni biss jista' jipprevjeni l-frammentazzjoni tas-suq u jtemm id-diskrepanzi u d-distorsjonijiet tas-suq li jeżistu attwalment. Finalment, miżuri ta' implimentazzjoni nazzjonali li jsegwu linja komuni madwar l-Unjoni jipprovdu lill-kontribwenti ċ-ċertezza legali li dawk il-miżuri huma kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni.

(3)

Jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli sabiex jissaħħaħ il-livell medju ta' protezzjoni kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa fis-suq intern. Peress li dawn ir-regoli ser ikollhom jiġu adattati għal 28 sistema tat-taxxa korporattiva separata, huma għandhom ikunu limitati għal dispożizzjonijiet ġenerali u jħallu l-implimentazzjoni f'idejn l-Istati Membri billi dawn huma f'qagħda aħjar biex isawru l-elementi speċifiċi ta' dawn ir-regoli bl-aktar mod adatt għas-sistemi tat-taxxa korporattiva tagħhom. Dan l-għan jista' jinkiseb bil-ħolqien ta' livell minimu ta' protezzjoni għas-sistemi tat-taxxa korporattiva nazzjonali kontra prattiki ta' evitar tat-taxxa madwar l-Unjoni. Għaldaqstant jeħtieġ li jiġu kkoordinati r-reazzjonijiet tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-riżultati tal-15-il Punt ta' Azzjoni tal-OECD kontra l-BEPS bl-għan li tittejjeb l-effettività tas-suq intern inġenerali fl-indirizzar tal-prattiki ta' evitar tat-taxxa. Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi stabbilit livell minimu komuni ta' protezzjoni għas-suq intern f'oqsma speċifiċi.

(4)

Jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli applikabbli għall-kontribwenti kollha li huma soġġetti għat-taxxa korporattiva fi Stat Membru. B'kont meħud li dan jirriżulta fil-ħtieġa li tiġi koperta firxa usa' ta' taxxi nazzjonali, mhuwiex mixtieq li l-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva jiġi estiż għal tipi ta' entitajiet li mhumiex soġġetti għat-taxxa korporattiva fi Stat Membru; jiġifieri, b'mod partikolari, entitajiet trasparenti. Dawk ir-regoli għandhom japplikaw ukoll għall-istabbilimenti permanenti ta' dawk il-kontribwenti korporattivi li jistgħu jkunu stabbiliti fi Stat Membru jew Stati Membri oħrajn. Il-kontribwenti korporattivi jistgħu jkunu residenti għall-finijiet tat-taxxa fi Stat Membru jew ikunu stabbiliti taħt il-liġijiet ta' Stat Membru. L-istabbilimenti permanenti ta' entitajiet residenti f'pajjiż terz għall-finijiet tat-taxxa wkoll għandhom ikunu koperti minn dawn ir-regoli jekk ikunu jinsabu fi Stat Membru wieħed jew aktar.

(5)

Jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli kontra l-erożjoni tal-bażijiet tat-taxxa fis-suq intern u t-trasferiment tal-profitti 'l barra mis-suq intern. Ir-regoli fl-oqsma li ġejjin huma neċessarji sabiex jikkontribwixxu għall-kisba ta' dak l-għan: limitazzjonijiet fit-tnaqqis tal-imgħax, tassazzjoni tal-ħruġ, regola ġenerali kontra l-abbuż, regoli għall-kumpanniji kkontrollati minn barra l-pajjiż u regoli għall-indirizzar tad-diskrepanzi ibridi. Meta l-applikazzjoni ta' dawk ir-regoli toħloq tassazzjoni doppja, il-kontribwenti għandhom jirċievu ħelsien mit-taxxa bi tnaqqis għat-taxxa mħallsa fi Stat Membru ieħor jew pajjiż terz, skont il-każ. B'hekk, ir-regoli ma għandhomx jimmiraw biss li jiġġieldu l-prattiki ta' evitar tat-taxxa iżda jevitaw ukoll li joħolqu ostakli oħrajn għas-suq, bħat-tassazzjoni doppja.

(6)

Fi sforz biex inaqqsu l-obbligazzjoni ta' taxxa globali tagħhom, gruppi ta' kumpanniji qegħdin dejjem aktar jirrikorru għall-BEPS, permezz ta' pagamenti tal-imgħax eċċessivi. Ir-regola dwar il-limitazzjoni tal-imgħax hija neċessarja biex tiskoraġġixxi prattiki bħal dawn billi tillimita t-tnaqqis tal-kostijiet tas-self eċċessivi tal-kontribwenti. Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi ffissat perċentwal għat-tnaqqis li jirreferi għall-qligħ taxxabbli ta' kontribwent qabel l-imgħax, it-taxxa, id-deprezzament u l-ammortizzament (EBITDA). L-Istati Membri jistgħu jnaqqsu dan il-proporzjon jew jiffissaw limiti ta' żmien jew jillimitaw l-ammont ta' kostijiet tas-self mhux ikkumpensati li jistgħu jiġu riportati 'l quddiem jew lura biex jiżguraw livell ogħla ta' protezzjoni. Peress li l-għan huwa li jiġu stabbiliti standards minimi, huwa possibbli għall-Istati Membri li jadottaw miżura alternattiva li tirreferi għall-qligħ ta' kontribwent qabel l-imgħax u t-taxxa (EBIT) u ffissata b'mod li huwa ekwivalenti għall-perċentwal ibbażat fuq l-EBITDA. L-Istati Membri, minbarra r-regola dwar il-limitazzjoni tal-imgħax prevista minn din id-Direttiva, jistgħu jużaw ukoll regoli mmirati kontra finanzjament ta' dejn intragrupp, b'mod partikolari regoli dwar is-sottokapitalizzazzjoni. Id-dħul eżenti mit-taxxa ma għandux ikun ikkumpensat b'kostijiet tas-self deduċibbli. Dan għaliex l-introjtu taxxabbli biss għandu jiġi kkunsidrat fid-determinazzjoni tal-ammont ta' mgħax li jista' jitnaqqas.

(7)

Meta l-kontribwent ikun parti minn grupp li jippreżenta kontijiet statutorji konsolidati, id-dejn tal-grupp globali fuq livell dinji jista' jiġi kkunsidrat biex il-kontribwenti jingħataw il-permess li jnaqqsu ammonti ogħla ta' kostijiet tas-self eċċessivi. Jista' wkoll ikun xieraq li jiġu stabbiliti regoli għal dispożizzjoni ta' eżenzjoni abbażi tal-ekwità, fejn ir-regola dwar il-limitazzjoni tal-imgħax ma tapplikax jekk il-kumpannija tkun tista' turi li l-proporzjon tal-ekwità tagħha fuq l-assi totali jkun ġeneralment daqs jew iktar għoli mill-proporzjon ekwivalenti tal-grupp. Ir-regola dwar il-limitazzjoni tal-imgħax għandha tapplika f'dak li jirrigwarda l-kostijiet tas-self eċċessivi ta' kontribwent mingħajr distinzjoni ta' jekk l-ispejjeż joriġinawx minn dejn magħmul fil-pajjiż, b'mod transkonfinali fi ħdan l-Unjoni jew ma' pajjiż terz, jew jekk huma joriġinawx minn partijiet terzi, impriżi assoċjati jew intragrupp. Fejn grupp jinkludi aktar minn entità waħda fi Stat Membru, l-Istat Membru jista' jikkunsidra l-pożizzjoni ġenerali tal-entitajiet kollha tal-grupp fl-istess Stat, inkluża sistema ta' tassazzjoni separata għal entità biex ikun possibbli t-trasferiment tal-profitti jew il-kapaċità tal-imgħax bejn entitajiet fi ħdan grupp, meta jiġu applikati regoli li jillimitaw it-tnaqqis tal-imgħax.

(8)

Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv u ta' konformità tar-regoli mingħajr ma jitnaqqas b'mod sinifikanti l-effett tat-taxxa tagħhom, jista' jkun xieraq li tiġi prevista regola rigward livell xieraq ta' protezzjoni bl-għan li l-imgħax nett ikun dejjem deduċibbli sa ammont iffissat, meta dan iwassal għal tnaqqis ogħla mill-perċentwal ibbażat fuq l-EBITDA. L-Istati Membri jistgħu jnaqqsu l-limitu monetarju ffissat sabiex jiżguraw livell ogħla ta' protezzjoni tal-bażi tat-taxxa nazzjonali tagħhom. Peress li l-BEPS fil-prinċipju sseħħ permezz ta' pagamenti ta' imgħax eċċessivi fost entitajiet li huma impriżi assoċjati, huwa xieraq u neċessarju li titħalla l-esklużjoni possibbli ta' entitajiet awtonomi mill-ambitu tar-regola dwar il-limitazzjoni tal-imgħax minħabba r-riskji limitati tal-evitar tat-taxxa. Sabiex tiġi ffaċilitata t-transizzjoni għar-regola l-ġdida dwar il-limitazzjoni tal-imgħax, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu klawżola ta' anterjorità li tkun tkopri self eżistenti sal-punt li t-termini tiegħu ma jiġux modifikati sussegwentement, jiġifieri fil-każ ta' modifika sussegwenti, l-anterjorità ma tkun tapplika għall-ebda żieda fl-ammont jew fit-tul ta' żmien tas-self iżda tkun limitata għat-termini oriġinali tas-self. Mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, l-Istati Membri jistgħu jeskludu wkoll kostijiet tas-self eċċessivi mġarrbin fuq self għall-finanzjament ta' proġetti ta' infrastruttura pubblika fit-tul meta jitqies li tali arranġamenti ta' finanzjament jippreżentaw ftit jew xejn riskji ta' BEPS. F'dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom juru b'mod xieraq li arranġamenti finanzjarji għal proġetti ta' infrastruttura pubblika jippreżentaw karatteristiċi speċjali li jiġġustifikaw tali trattament fir-rigward ta' arranġamenti finanzjarji oħra soġġetti għar-regola restrittiva.

(9)

Għalkemm huwa ġeneralment aċċettat li impriżi finanzjarji, jiġifieri istituzzjonijiet finanzjarji u impriżi tal-assigurazzjoni, għandhom ikunu wkoll soġġetti għal limitazzjonijiet fit-tnaqqis tal-imgħax, huwa rikonoxxut b'mod indaqs li dawn iż-żewġ setturi għandhom karatteristiċi speċjali li jitolbu approċċ aktar personalizzat. Peress li d-diskussjonijiet f'dan il-qasam għadhom mhumiex konklużivi biżżejjed fil-kuntest internazzjonali u dak Ewropew, għadu mhuwiex possibbli li jiġu pprovduti regoli speċifiċi fis-settur finanzjarju u dak tal-assigurazzjoni u għalhekk, l-Istati Membri għandhom għalhekk ikunu jistgħu jeskluduhom mill-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli dwar il-limitazzjoni tal-imgħax.

(10)

It-taxxi tal-ħruġ għandhom il-funzjoni li jiżguraw li meta kontribwent iċaqlaq xi assi jew ir-residenza tat-taxxa tiegħu barra mill-ġurisdizzjoni fiskali ta' Stat, dak l-Istat jintaxxa l-valur ekonomiku ta' kwalunkwe qligħ kapitali li jinħoloq fit-territorju tiegħu anki jekk dak il-qligħ ikun għadu ma ġiex realizzat fil-mument tal-ħruġ. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġu speċifikati l-każijiet li fihom il-kontribwenti huma soġġetti għal regoli dwar it-taxxa tal-ħruġ u ntaxxati fuq qligħ kapitali mhux realizzat li ġew intergrati fl-assi trasferiti tagħhom. Huwa wkoll utli li jiġi ċċarat li trasferimenti ta' assi, inkluż flus, bejn kumpannija omm u s-sussidjarji tagħha ma jaqgħux taħt il-kamp ta' applikazzjoni tar-regola prevista dwar it-tassazzjoni tal-ħruġ. Biex jinħadmu l-ammonti, huwa essenzjali li jiġi stabbilit valur tas-suq għall-assi trasferiti fil-mument tal-ħruġ tal-assi bbażat fuq il-prinċipju ta' distakkament. Sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà tar-regola mal-użu tal-metodu ta' kreditu, ikun ideali li l-Istati Membri jitħallew jirreferu għall-mument meta jintilef id-dritt li jiġu ntaxxati l-assi trasferiti. Id-dritt tat-taxxa għandu jkun definit fil-livell nazzjonali. Huwa wkoll neċessarju li l-Istat riċeventi jitħalla jikkontesta l-valur tal-assi trasferiti li ġie stabbilit mill-Istat tal-ħruġ meta dan ma jirriflettix tali valur tas-suq. L-Istati Membri jistgħu jirrikorru għal dan l-għan għal mekkaniżmi eżistenti għar-riżoluzzjoni tat-tilwim. Fi ħdan l-Unjoni, jeħtieġ li tiġi indirizzata l-applikazzjoni tat-tassazzjoni tal-ħruġ u li jiġu spjegati l-kondizzjonijiet biex wieħed ikun f'konformità mal-liġi tal-Unjoni. F'dawn is-sitwazzjonijiet, il-kontribwenti għandu jkollhom id-dritt li jew iħallsu minnufih l-ammont ta' taxxa tal-ħruġ ivvalutat jew inkella li jiddifferixxu l-ħlas tal-ammont tat-taxxa billi jħallsuh b'pagamenti rateali tul ċertu għadd ta' snin, possibbilment flimkien mal-imgħax u garanzija.

Għal dan l-għan, l-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-kontribwenti kkonċernati biex jinkludu l-informazzjoni neċessarja f'dikjarazzjoni. It-taxxa tal-ħruġ ma għandhiex tkun imposta meta t-trasferiment tal-assi jkun ta' natura temporanja u l-assi huma destinati li imorru lura fl-Istat Membru tat-trasferent, meta t-trasferiment iseħħ sabiex jiġu ssodisfati rekwiżiti ta' kapital prudenzjali jew minħabba ġestjoni ta' likwidità jew f'każ ta' transazzjonijiet ta' finanzjament ta' titoli jew assi depożitati bħala kollateral.

(11)

Regoli ġenerali kontra l-abbuż (GAARs) huma inklużi fis-sistemi fiskali biex jindirizzaw prattiki tat-taxxa abbużivi li għadhom ma ġewx indirizzati permezz ta' dispożizzjonijiet speċifikament immirati. Għaldaqstant il-GAARs għandhom funzjoni mmirata li jimlew il-vojt, li ma għandhiex taffettwa l-applikabbiltà ta' regoli speċifiċi kontra l-abbuż. Fi ħdan l-Unjoni, il-GAARs għandhom jiġu applikati għal arranġamenti li mhumiex ġenwini; inkella, il-kontribwent għandu jkollu d-dritt li jagħżel l-aktar struttura effiċjenti ta' taxxa għall-affarijiet kummerċjali tiegħu. Barra minn hekk, huwa importanti li jkun żgurat li l-GAARs japplikaw f'sitwazzjonijiet nazzjonali, fi ħdan l-Unjoni u fir-rigward ta' pajjiżi terzi b'mod uniformi, sabiex ma jvarjawx il-kamp ta' applikazzjoni u r-riżultati ta' applikazzjoni tagħhom f'sitwazzjonijiet nazzjonali u transkonfinali. L-Istati Membri ma għandhomx ikunu preklużi milli japplikaw pieni fejn il-GAAR tkun applikabbli. Meta jiġi vvalutat jekk arranġament għandux jitqies bħala mhux ġenwin, jista' jkun possibbli għall-Istati Membri li jikkunsidraw kull raġuni ekonomika valida, inklużi attivitajiet finanzjarji.

(12)

Ir-regoli dwar Kumpanniji Kkontrollati minn Barra l-Pajjiż (CFC) għandhom l-effett li jattribwixxu mill-ġdid l-introjtu ta' sussidjarja kkontrollata u ntaxxata b'rata baxxa lill-kumpannija omm tagħha. Imbagħad, il-kumpannija omm ssir taxxabbli fuq dan l-introjtu attribwit fl-Istat fejn hija residenti għall-finijiet tat-taxxa. Skont il-prijoritajiet politiċi ta' dak l-Istat, ir-regoli dwar is-CFC jistgħu jkunu diretti lejn sussidjarja sħiħa ntaxxata b'rata baxxa, kategoriji speċifiċi ta' introjtu jew ikunu limitati għall-introjtu li ġie devjat b'mod artifiċjali lejn is-sussidjarja. B'mod partikolari, sabiex jiġi żgurat li r-regoli dwar is-CFC huma rispons proporzjonat għat-tħassib dwar il-BEPS, huwa ta' importanza kritika li l-Istati Membri li jillimitaw ir-regoli dwar is-CFC tagħhom għad-dħul li ġie ddevjat artifiċjalment lejn is-sussidjarja jimmiraw preċiżament lejn sitwazzjonijiet fejn il-biċċa l-kbira tal-funzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet li ġġeneraw id-dħul iddevjat fil-livell tas-sussidjarja kkontrollata jitwettqu fl-Istat Membru tal-kontribwent. Bil-ħsieb li jiġi limitat il-piż amministrattiv u l-ispejjeż tal-konformità, għandu jkun aċċettabbli wkoll li dawk l-Istati Membri jeżentaw ċerti entitajiet bi profitti baxxi jew b'marġini ta' profitt baxx li jagħtu lok għal inqas riskji ta' evitar ta' taxxa. Bl-istess mod, huwa neċessarju li r-regoli dwar is-CFC jiġu estiżi għall-profitti ta' stabbilimenti permanenti fejn dawk il-profitti ma jkunux soġġetti għal taxxa jew li huma eżentati mit-taxxa fl-Istat Membru tal-kontribwent. Madankollu, skont ir-regoli dwar is-CFC, m'hemmx bżonn li jiġu ntaxxati l-profitti ta' stabbilimenti permanenti li huma miċħuda l-eżenzjoni mit-taxxa skont ir-regoli nazzjonali minħabba li dawn l-istabbilimenti permanenti jiġu ttrattati daqslikieku kienu kumpanniji barranin ikkontrollati. Sabiex jiġi żgurat livell ogħla ta' protezzjoni, l-Istati Membri jistgħu jnaqqsu l-limitu ta' kontroll, jew jużaw limitu ogħla meta jqabblu t-taxxa korporattiva attwali mħallsa mat-taxxa korporattiva li kienet tkun imposta fl-Istat Membru tal-kontribwent. L-Istati Membri, fit-traspożizzjoni tar-regoli dwar is-CFC fil-liġi nazzjonali tagħhom, jistgħu jużaw limitu frazzjonali għoli biżżejjed ta' rata tat-taxxa.

Ikun ideali li jiġu indirizzati sitwazzjonijiet kemm fil-pajjiżi terzi kif ukoll fi ħdan l-Unjoni. Sabiex ikunu konformi mal-libertajiet fundamentali, il-kategoriji tad-dħul għandhom jiġu kkombinati ma' konċessjoni tas-sustanza ekonomika bil-għan li jiġi limitat, fi ħdan l-Unjoni, l-impatt tar-regoli għal każijiet fejn is-CFC ma jwettaqx attività ekonomika sostantiva. Huwa importanti li l-amministrazzjonijiet tat-taxxa u l-kontribwenti jikkooperaw biex jiġbru l-fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk għandhiex tapplika r-regola tal-konċessjoni. Għandu jkun aċċettabbli li, fit-traspożizzjoni tar-regoli dwar is-CFC fil-liġi nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jużaw listi bojod, griżi jew suwed ta' pajjiżi terzi, li jiġu kkumpilati abbażi ta' ċerti kriterji stabbiliti f'din id-Direttiva u jistgħu jinkludu l-livell tar-rata tat-taxxa korporattiva, jew jużaw listi bojod ta' Stati Membri kkumpilati fuq dik il-bażi.

(13)

Id-diskrepanzi ibridi huma l-konsegwenza ta' differenzi fil-karatterizzazzjoni ġuridika tal-pagamenti (strumenti finanzjarji) jew ta' entitajiet u dawk id-differenzi jitfaċċaw fl-interazzjoni bejn is-sistemi legali taż-żewġ ġurisdizzjonijiet. L-effett ta' tali diskrepanzi huwa spiss tnaqqis doppju (jiġifieri tnaqqis fiż-żewġ stati) jew tnaqqis tad-dħul fi stat wieħed mingħajr l-inklużjoni fil-bażi tat-taxxa tal-ieħor. Biex jiġu nnewtralizzati l-effetti ta' arrangamenti ta' diskrepanzi ibridi, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti regoli li permezz tagħhom waħda miż-żewġ ġurisdizzjonijiet f'diskrepanza għandha tirrifjuta t-tnaqqis ta' pagament li jwassal għal eżitu bħal dan. F'dan il-kuntest, huwa utli li jiġi ċċarat li miżuri bil-għan li jindirizzaw diskrepanzi ibridi f'din id-Direttiva għandhom l-għan li jiġu ttrattati sitwazzjonijiet ta' diskrepanza attribwibbli għal differenzi fil-karatterizzazzjoni legali ta' strument jew entità finanzjarja u mhux maħsubin biex jaffettwaw il-karatteristiċi ġenerali tas-sistema tat-taxxa ta' Stat Membru. Għalkemm l-Istati Membri qablu dwar gwida, fil-qafas tal-Grupp tal-Kodiċi ta' Kondotta dwar it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi, dwar it-trattament tat-taxxa ta' entitajiet ibridi u stabbilimenti permanenti ibridi fi ħdan l-Unjoni, kif ukoll dwar it-trattament tat-taxxa ta' entitajiet ibridi f'relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi, xorta waħda jeħtieġ li jiġu ppromulgati regoli vinkolanti. Huwa essenzjali li titwettaq ħidma ulterjuri fuq diskrepanzi ibridi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, kif ukoll fuq diskrepanzi ibridi oħra bħal dawk li jinvolvu stabbilimenti permanenti.

(14)

Jeħtieġ li jkun iċċarat li l-implimentazzjoni tar-regoli kontra l-evitar tat-taxxa previsti f'din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-obbligu tal-kontribwenti li jikkonformaw mal-prinċipju ta' distakkament jew id-dritt tal-Istat Membru li jaġġusta obbligazzjoni ta' taxxa 'l fuq f'konformità mal-prinċipju ta' distakkament, fejn applikabbli.

(15)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f'konformità mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali f'konformità mal-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) japplika għall-ipproċessar tad-data personali li jsir fil-qafas ta' din id-Direttiva.

(16)

Jekk wieħed iqis li għan ewlieni ta' din id-Direttiva huwa t-titjib tar-reżiljenza tas-suq intern inġenerali kontra l-prattiki ta' evitar tat-taxxa transkonfinali, dan ma jistax jinkiseb suffiċjentement bl-Istati Membri jaġixxu b'mod individwali. Is-sistemi tat-taxxa korporattiva nazzjonali huma diversi u azzjoni indipendenti mill-Istati Membri sempliċement tirreplika l-frammentazzjoni eżistenti tas-suq intern fit-tassazzjoni diretta. B'hekk tippermetti li jippersistu ineffiċjenzi u distorsjonijiet fl-interazzjoni ta' miżuri nazzjonali distinti. Ir-riżultat ikun nuqqas ta' koordinazzjoni. Pjuttost, minħabba l-fatt li ineffiċjenza kbira fis-suq intern primarjament toħloq problemi ta' natura transkonfinali, jeħtieġ li jiġu adottati miżuri ta' rimedju fil-livell tal-Unjoni. Għaldaqstant huwa kruċjali li jiġu adottati soluzzjonijiet li jiffunzjonaw għas-suq intern inġenerali u dan jista' jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni. B'hekk, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan. Bl-istabbiliment ta' livell minimu ta' protezzjoni għas-suq intern, din id-Direttiva għandha biss l-għan li tikseb il-grad minimu essenzjali ta' koordinazzjoni fi ħdan l-Unjoni sabiex twettaq l-għanijiet tagħha.

(17)

Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva erba' snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha u tirrapporta lill-Kunsill dwarha. L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni l-informazzjoni neċessarja kollha għal din l-evalwazzjoni.

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

Din id-Direttiva tapplika għall-kontribwenti kollha li huma soġġetti għat-taxxa korporattiva fi Stat Membru wieħed jew aktar, inklużi stabbilimenti permanenti fi Stat Membru wieħed jew aktar ta' entitajiet residenti f'pajjiż terz għall-finijiet tat-taxxa.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“kostijiet tas-self” tfisser spejjeż tal-mgħax fuq kull tip ta' dejn, kostijiet oħra ekonomikament ekwivalenti għal imgħax u spejjeż li jinġarbu b'rabta mal-ġbir ta' finanzi kif definit fil-liġi nazzjonali, inkluż, iżda mhux limitat għal, pagamenti taħt self bi dritt ta' parteċipazzjoni fil-profitti, imgħax imputat fuq strumenti bħal bonds konvertibbli u bonds mingħajr kupuni, ammonti taħt arranġamenti ta' finanzjament alternattivi, bħall-finanzjament Iżlamiku, l-element tal-kost finanzjarju tal-pagamenti ta' lokazzjoni finanzjarja, imgħax kapitalizzat inkluż fil-valur tal-karta tal-bilanċ ta' assi relatati, jew l-ammortizzament ta' mgħax kapitalizzat, ammonti mkejla b'referenza għal fond għar-ritorn taħt regoli dwar l-ipprezzar ta' trasferiment fejn applikabbli, ammonti ta' mgħax nozzjonali ta' strumenti derivattivi jew arranġamenti ta' hedging relatati ma' self ta' entità, ċertu qligħ u telf tal-kambju fuq self u strumenti konnessi mal-ġbir ta' finanzjament, tariffi ta' garanzija għal arranġamenti ta' finanzjament, tariffi ta' arranġament u kostijiet simili relatati mas-self ta' fondi;

(2)

“kostijiet tas-self eċċessivi” tfisser l-ammont li bih il-kostijiet tas-self deduċibbli ta' kontribwent jaqbżu l-introjtu mill-imgħax taxxabbli u introjtu taxxabbli ieħor ekonomikament ekwivalenti li l-kontribwent jirċievi skont il-liġi nazzjonali;

(3)

“perijodu tat-taxxa” tfisser sena tat-taxxa, sena kalendarja jew kull perijodu ieħor adatt għall-finijiet ta' taxxa;

(4)

“impriża assoċjata” tfisser:

(a)

entità li fiha l-kontribwent iżżomm, direttament jew indirettament, parteċipazzjoni f'termini ta' drittijiet tal-vot jew pussess ta' kapital ta' 25 fil-mija jew aktar jew ikun intitolat li jirċievi 25 fil-mija jew aktar tal-profitti ta' dik l-entità;

(b)

individwu jew entità li żżomm, direttament jew indirettament, parteċipazzjoni f'termini ta' drittijiet tal-vot jew pussess ta' kapital ta' 25 fil-mija jew aktar jew tkun intitolata li jirċievi 25 fil-mija jew aktar tal-profitti tal-kontribwent;

Jekk individwu jew entità żżomm direttament jew indirettament parteċipazzjoni ta' 25 fil-mija jew aktar f'kontribwent u entità waħda jew aktar, l-entitajiet kollha kkonċernati, inkluż il-kontribwent, għandhom jitqiesu wkoll bħala impriżi assoċjati.

Għall-finijiet tal-Artikolu 9 u meta d-diskrepanza tinvolvi entità ibrida, din id-definizzjoni tiġi modifikata sabiex ir-rekwiżit ta' 25 fil-mija jiġi sostitwit b'rekwiżit ta' 50 fil-mija.

(5)

“impriża finanzjarja” tfisser kwalunkwe waħda mill-entitajiet li ġejjin:

(a)

istituzzjoni ta' kreditu jew ditta ta' investiment kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jew maniġer ta' fondi ta' investiment alternattivi (AIFM) kif definit fil-punt (b) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jew kumpannija tal-maniġment ta' impriża ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) kif definita fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7);

(b)

impriża tal-assigurazzjoni kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8);

(c)

impriża tar-riassigurazzjoni kif definita fil-punt (4) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE;

(d)

istituzzjoni għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali li taqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), sakemm Stat Membru ma jkunx għażel li ma japplikax id-Direttiva kollha jew parti minnha għal dik l-istituzzjoni skont l-Artikolu 5 ta' dik id-Direttiva jew għad-delegat ta' istituzzjoni għall-provvista ta' irtirar okkupazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 19(1) ta' dik id-Direttiva;

(e)

istituzzjonijiet tal-pensjoni li joperaw skemi ta' pensjoni li huma kkunsidrati bħala skemi tas-sigurtà soċjali koperti mir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), kif ukoll kwalunkwe entità ġuridika stabbilita għall-fini ta' investiment ta' skemi bħal dawn;

(f)

fond ta' investiment alternattiv (AIF) ġestit minn AIFM kif definit fil-punt (b) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE jew AIF taħt superviżjoni skont il-liġi nazzjonali applikabbli;

(g)

UCITS fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/65/KE;

(h)

kontroparti ċentrali kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12);

(i)

depożitorju ċentrali tat-titoli kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).

(6)

“trasferiment tal-assi” tfisser operazzjoni li permezz tagħha Stat Membru jitlef id-dritt li jintaxxa l-assi trasferiti, waqt li l-assi jibqgħu taħt is-sjieda legali jew ekonomika tal-istess kontribwent;

(7)

“trasferiment tar-residenza tat-taxxa” tfisser operazzjoni li permezz tagħha kontribwent ma jibqax residenti fi Stat Membru għall-finijiet tat-taxxa, waqt li jikseb residenza tat-taxxa fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż terz;

(8)

“trasferiment ta' attività eżerċitata minn stabbiliment permanenti” tfisser operazzjoni li permezz tagħha kontribwent ma jibqax ikollu preżenza taxxabbli fi Stat Membru waqt li jikseb tali preżenza fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż terz mingħajr ma jsir residenti f'dak l-Istat Membru jew pajjiż terz għall-finijiet tat-taxxa;

(9)

“diskrepanza ibrida” tfisser sitwazzjoni bejn kontribwent fi Stat Membru wieħed u impriża assoċjata fi Stat Membru ieħor jew arranġament strutturat bejn partijiet fi Stati Membri fejn l-eżitu li ġej huwa attribwibbli għal differenzi fil-karatterizzazzjoni legali ta' strument jew entità finanzjarji:

(a)

tnaqqis tal-istess pagament, spejjeż jew telf iseħħ kemm fl-Istat Membru li fih il-pagament għandu s-sors tiegħu, l-ispejjeż ikunu saru jew it-telf jiġġarrab kif ukoll fi Stat Membru ieħor (“tnaqqis doppju”); jew

(b)

hemm tnaqqis ta' pagament fl-Istat Membru li fih il-pagament għandu s-sors tiegħu mingħajr inklużjoni korrispondenti għal finijiet ta' taxxa tal-istess pagament fl-Istat Membru l-ieħor (“tnaqqis mingħajr inklużjoni”).

Artikolu 3

Livell minimu ta' protezzjoni

Din id-Direttiva ma għandhiex tipprekludi l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet nazzjonali jew dawk ibbażati fuq ftehimiet, li għandhom l-għan li jissalvagwardjaw livell ogħla ta' protezzjoni għall-bażijiet tat-taxxa korporattiva nazzjonali.

KAPITOLU II

MIŻURI KONTRA L-EVITAR TAT-TAXXA

Artikolu 4

Regola dwar il-limitazzjoni tal-imgħax

1.   Il-kostijiet tas-self eċċessivi għandhom ikunu deduċibbli, fil-perijodu fiskali li fih jiġġarrbu, sa 30 fil-mija biss tal-qligħ tal-kontribwent qabel l-imgħax, it-taxxa, id-deprezzament u l-ammortizzament (EBITDA).

Għall-fini ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu wkoll iqisu bħala kontribwent:

(a)

entità li tista' jew tinħtieġ tapplika regoli f'isem grupp, kif definit skont il-liġi nazzjonali tat-taxxa;

(b)

entità fi grupp, kif definit skont il-liġi nazzjonali tat-taxxa, li ma tikkonsolidax ir-riżultati tal-membri tagħha għall-finijiet ta' taxxa.

F'tali ċirkustanzi, il-kostijiet tas-self eċċessivi u l-EBITDA jistgħu jiġu kkalkolati fil-livell tal-grupp u jinkludu r-riżultati tal-membri kollha tiegħu.

2.   L-EBITDA għandu jiġi kkalkolat billi mal-introjtu soġġett għat-taxxa korporattiva fl-Istat Membru tal-kontribwent jerġgħu jinżdiedu l-ammonti aġġustati għat-taxxa għal kostijiet tas-self eċċessivi kif ukoll l-ammonti aġġustati għat-taxxa għad-deprezzament u l-ammortizzament. Introjtu eżenti mit-taxxa jkun eskluż minn l-EBITDA ta' kontribwent.

3.   B'deroga mill-paragrafu 1, il-kontribwent jista' jingħatalu d-dritt:

(a)

li jnaqqas kostijiet tas-self eċċessivi sa EUR 3 000 000;

(b)

li jnaqqas kompletament kostijiet tas-self eċċessivi jekk il-kontribwent ikun entità awtonoma.

Għall-finijiet tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, l-ammont ta' EUR 3 000 000 għandu jitqies għall-grupp kollu kemm hu.

Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, entità awtonoma tfisser kontribwent li mhuwiex parti minn grupp konsolidat għal finijiet ta' kontabbiltà finanzjarja u ma għandu l-ebda intrapriża assoċjata jew stabbiliment permanenti.

4.   L-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-kamp ta' applikazzjoni tal-paragrafu 1 il-kostijiet tas-self eċċessivi mġarrba fuq:

(a)

self li kien konkluż qabel is-17 ta' Ġunju 2016, iżda l-esklużjoni ma għandhiex testendi għal kwalunkwe modifika sussegwenti għal tali self;

(b)

self użat għall-finanzjament ta' proġett ta' infrastruttura pubblika fit-tul fejn l-operatur tal-proġett, il-kostijiet tas-self, l-assi u l-introjtu huma kollha fl-Unjoni.

Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, proġett ta' infrastruttura pubblika fit-tul ifisser proġett li jipprovdi, itejjeb, jopera u/jew iżomm ass fuq skala kbira li jitqies bħala li huwa fl-interess pubbliku ġenerali minn Stat Membru.

Fejn japplika l-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, kwalunkwe introjtu li jirriżulta minn proġett ta' infrastruttura pubblika fit-tul għandu jiġi eskluż mill-EBITDA tal-kontribwent, u kwalunkwe kost tas-self eċċessiv ma għandux jiġi inkluż fil-kostijiet tas-self eċċessivi tal-grupp fir-rigward ta' partijiet terzi msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 5.

5.   Meta l-kontribwent ikun membru ta' grupp konsolidat għal finijiet ta' kontabbiltà finanzjarja, il-kontribwent jista' jingħata d-dritt li jew:

(a)

inaqqas kompletament il-kostijiet tas-self eċċessivi tiegħu jekk ikun jista' juri li l-proporzjon tal-ekwità tiegħu fuq l-assi totali tiegħu huwa ugwali jew ogħla mill-proporzjon ekwivalenti tal-grupp u soġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

(i)

il-proporzjon tal-ekwità tal-kontribwent fuq l-assi totali tiegħu huwa kkunsidrat ugwali għall-proporzjon ekwivalenti tal-grupp jekk il-proporzjon tal-ekwità tal-kontribwent fuq l-assi totali tiegħu huwa aktar baxx sa żewġ punti perċentwali; u

(ii)

l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha huma vvalutati permezz tal-istess metodu bħal dak fir-rapporti finanzjarji konsolidati msemmijin fil-paragrafu 8;

jew

(b)

inaqqas kostijiet tas-self eċċessivi għal ammont li jaqbeż dak li kien ikun intitolat li jnaqqas skont il-paragrafu 1. Dan il-limitu ogħla għat-tnaqqis tal-kostijiet tas-self eċċessivi għandu jirreferi għall-grupp konsolidat għal finijiet ta' kontabbiltà finanzjarja li l-kontribwent ikun membru tiegħu u għandu jiġi kkalkolat f'żewġ fażijiet:

(i)

l-ewwel, il-proporzjon tal-grupp huwa determinat billi jiġu diviżi l-kostijiet tas-self eċċessivi tal-grupp fir-rigward ta' partijiet terzi fuq l-EBITDA tal-grupp; u

(ii)

it-tieni, il-proporzjon tal-grupp jiġi mmultiplikat bl-EBITDA tal-kontribwent ikkalkulat skont il-paragrafu 2.

6.   L-Istat Membru tal-kontribwent jista' jipprevedi regoli jew:

(a)

biex jiġu riportati 'l quddiem, mingħajr limitu ta' żmien, il-kostijiet tas-self eċċessivi li ma jistgħux jitnaqqsu fil-perijodu fiskali attwali skont il-paragrafi 1 sa 5;

(b)

biex jiġu riportati 'l quddiem, mingħajr limitu ta' żmien, u lura, għal massimu ta' tliet snin, il-kostijiet tas-self eċċessivi li ma jistgħux jitnaqqsu fil-perijodu fiskali attwali skont il-paragrafi 1 sa 5; jew

(c)

biex jiġu riportati 'l quddiem, mingħajr limitu ta' żmien, kostijiet tas-self eċċessivi u, għal żmien massimu ta' ħames snin, kapaċità tal-imgħax mhux użata, li ma tistax titnaqqas fil-perijodu fiskali attwali skont il-paragrafi 1 sa 5.

7.   L-Istati Membri jistgħu jeskludu impriżi finanzjarji mill-kamp ta' applikazzjoni tal-paragrafi 1 sa 6, inkluż meta tali impriżi finanzjarji huma parti minn grupp konsolidat għal finijiet ta' kontabbiltà finanzjarja.

8.   Għall-fini ta' dan l-Artikolu, il-grupp konsolidat għal finijiet ta' kontabbiltà finanzjarja jikkonsisti mill-entitajiet kollha li huma inklużi bis-sħiħ fir-rapporti finanzjarji konsolidati mħejjija skont l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju jew is-sistema tar-rappurtar finanzjarju nazzjonali ta' Stat Membru. Il-kontribwent jista' jingħata d-dritt li juża rapporti finanzjarji konsolidati mħejjija skont standards oħra tal-kontabbiltà.

Artikolu 5

Tassazzjoni tal-ħruġ

1.   Kontribwent għandu jkun soġġett għat-taxxa f'ammont ugwali għall-valur tas-suq tal-assi trasferiti, fil-ħin tal-ħruġ tal-assi, bil-valur tagħhom għall-finijiet tat-taxxa mnaqqas, fi kwalunkwe waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi li ġejjin:

(a)

kontribwent jittrasferixxi assi mill-uffiċċju prinċipali tiegħu għall-istabbiliment permanenti tiegħu fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż terz sa fejn l-Istat Membru tal-uffiċċju prinċipali ma għadx għandu d-dritt li jintaxxa l-assi trasferiti minħabba t-trasferiment;

(b)

kontribwent jittrasferixxi assi mill-istabbiliment permanenti tiegħu fi Stat Membru għall-uffiċċju prinċipali tiegħu jew stabbiliment permanenti ieħor fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż terz sa fejn l-Istat Membru tal-istabbiliment permanenti ma għadx għandu d-dritt li jintaxxa l-assi trasferiti minħabba t-trasferiment;

(c)

kontribwent jittrasferixxi r-residenza tat-taxxa tiegħu lejn Stat Membru ieħor jew pajjiż terz, ħlief għal dawk l-assi li jibqgħu effettivament marbutin ma' stabbiliment permanenti fl-ewwel Stat Membru;

(d)

kontribwent jittrasferixxi l-attività mwettqa mill-istabbiliment permanenti tiegħu fi Stat Membru għal Stat Membru ieħor jew f'pajjiż terz sa fejn l-Istat Membru tal-istabbiliment permanenti ma għadx għandu d-dritt li jintaxxa l-assi trasferiti minħabba t-trasferiment.

2.   Kontribwent għandu jingħata d-dritt li jiddifferixxi l-pagament ta' taxxa tal-ħruġ imsemmija fil-paragrafu 1, billi jħallsu b'pagamenti rateali fuq ħames snin, fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkustanzi li ġejjin:

(a)

kontribwent jittrasferixxi assi mill-uffiċċju prinċipali tiegħu għall-istabbiliment permanenti tiegħu fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż terz li huwa parti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (il-Ftehim ŻEE);

(b)

kontribwent jittrasferixxi assi mill-istabbiliment permanenti tiegħu fi Stat Membru għall-uffiċċju prinċipali tiegħu jew stabbiliment permanenti ieħor fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż terz li huwa parti għall-Ftehim ŻEE;

(c)

kontribwent jittrasferixxi r-residenza tat-taxxa tiegħu lejn Stat Membru ieħor jew pajjiż terz li huwa parti għall-Ftehim ŻEE;

(d)

kontribwent jittrasferixxi l-attività mwettqa mill-istabbiliment permanenti tiegħu għal Stat Membru ieħor jew pajjiż terz li huwa parti għall-Ftehim ŻEE.

Dan il-paragrafu għandu japplika għal pajjiżi terzi li huma parti għall-Ftehim ŻEE jekk ikunu kkonkludew ftehim mal-Istat Membru tal-kontribwent jew mal-Unjoni dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta' pretensjonijiet ta' taxxa, ekwivalenti għall-assistenza reċiproka prevista fid-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE (14).

3.   Jekk kontribwent jiddifferixxi l-pagament f'konformità mal-paragrafu 2, l-imgħax jista' jiġi impost f'konformità mal-leġislazzjoni tal-Istat Membru tal-kontribwent jew tal-istabbiliment permanenti, skont il-każ.

Jekk jista' jintwera riskju jew hemm riskju attwali li ma jkunx hemm irkupru, il-kontribwenti jistgħu jinħtieġu wkoll jipprovdu garanzija bħala kondizzjoni għad-differiment tal-pagament f'konformità mal-paragrafu 2.

It-tieni subparagrafu ma għandux japplika meta l-leġislazzjoni fl-Istat Membru tal-kontribwent jew tal-istabbiliment permanenti tipprevedi l-possibbiltà tal-irkupru tad-dejn tat-taxxa permezz ta' kontribwent ieħor li huwa membru tal-istess grupp u huwa residenti f'dak l-Istat Membru għall-finijiet tat-taxxa.

4.   Meta japplika l-paragrafu 2, id-differiment tal-pagament għandu jieqaf minnufih u d-dejn tat-taxxa jkun jista' jiġi rkuprat fil-każijiet li ġejjin:

(a)

l-assi trasferiti jew l-attività mwettqa mill-istabbiliment permanenti tal-kontribwent jinbiegħu jew b'mod ieħor ċeduti;

(b)

l-assi trasferiti sussegwentement jiġu trasferiti lejn pajjiż terz;

(c)

ir-residenza tat-taxxa tal-kontribwent jew l-attività mwettqa mill-istabbiliment permanenti tiegħu sussegwentement jiġu trasferiti lejn pajjiż terz;

(d)

il-kontribwent ifalli jew jiġi likwidat;

(e)

il-kontribwent jonqos milli jonora l-obbligi tiegħu fir-rigward tal-pagamenti rateali u ma jirrettifikax is-sitwazzjoni tiegħu fuq perijodu ta' żmien raġonevoli, li ma jistax jaqbeż 12-il xahar.

Il-punti (b) u (c) ma għandhomx japplikaw għal pajjiżi terzi li huma parti għall-Ftehim ŻEE jekk ikunu kkonkludew ftehim mal-Istat Membru tal-kontribwent jew mal-Unjoni dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta' pretensjonijiet ta' taxxa, ekwivalenti għall-assistenza reċiproka prevista fid-Direttiva 2010/24/UE.

5.   Meta t-trasferiment tal-assi, tar-residenza tat-taxxa jew tal-attività mwettqa mill-istabbiliment permanenti jkun lejn Stat Membru ieħor, dak l-Istat Membru għandu jaċċetta l-valur stabbilit mill-Istat Membru tal-kontribwent jew tal-istabbiliment permanenti bħala l-valur inizjali tal-assi għall-finijiet ta' taxxa, sakemm dan ma jirriflettix il-valur tas-suq.

6.   Għall-finijiet tal-paragrafi 1 sa 5, “valur tas-suq” huwa l-ammont li bih ass jista' jiġi skambjat jew obbligi reċiproċi jistgħu jiġu saldati bejn xerrejja u bejjiegħa disponibbli mhux relatati fi tranżazzjoni diretta.

7.   Sakemm l-assi jkunu destinati li jerġgħu lura lejn l-Istat Membru tat-trasferent fi żmien 12-il xahar, dan l-Artikolu ma għandux japplika għal trasferimenti ta' assi relatati mal-finanzjament ta' titoli, assi depożitati bħala kollateral jew meta t-trasferiment tal-assi jseħħ sabiex jintlaħqu rekwiżiti ta' kapital prudenzjali jew għall-fini tal-ġestjoni tal-likwidità.

Artikolu 6

Regola ġenerali kontra l-abbuż

1.   Għall-finijiet tal-ikkalkolar tal-obbligazzjoni ta' taxxa korporattiva, Stat Membru għandu jinjora arranġament jew sensiela ta' arranġamenti li, peress li jkunu ġew stabbiliti għall-fini ewlieni jew għal wieħed mill-finijiet ewlenin li jinkiseb benefiċċju fiskali li jmur kontra l-objettiv jew il-fini tal-liġi applikabbli tat-taxxa, ma jkunux ġenwini fir-rigward tal-fatti u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha. Arranġament jista' jinkludi aktar minn pass wieħed jew parti waħda.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, arranġament jew sensiela tagħhom għandhom jitqiesu mhux ġenwini sa fejn ma jkunux ġew stabbiliti għal raġunijiet kummerċjali validi li jirriflettu r-realtà ekonomika.

3.   Meta arranġamenti jew sensiela tagħhom tiġi injorata f'konformità mal-paragrafu 1, l-obbligazzjoni ta' taxxa għandha tkun ikkalkolata f'konformità mal-liġi nazzjonali.

Artikolu 7

Regoli dwar il-kumpanniji kkontrollati minn barra l-pajjiż

1.   L-Istat Membru ta' kontribwent għandu jittratta entità, jew stabbiliment permanenti li l-profitti tiegħu mhumiex soġġetti għat-taxxa jew huma eżentati mit-taxxa f'dak l-Istat Membru, bħala kumpannija barranija kkontrollata meta jintlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

fil-kas ta' entità, il-kontribwent waħdu, jew flimkien mal-impriżi assoċjati tiegħu jkollu parteċipazzjoni diretta jew indiretta ta' aktar minn 50 fil-mija tad-drittijiet tal-vot, jew ikollu sjieda direttament jew indirettament ta' aktar minn 50 fil-mija tal-kapital jew huwa ntitolat li jirċievi aktar minn 50 fil-mija tal-profitti ta' dik l-entità; u

(b)

it-taxxa korporattiva attwali mħallsa fuq il-profitti tagħha mill-entità jew stabbiliment permanenti hija anqas mid-differenza bejn it-taxxa korporattiva li kienet tkun imposta fuq l-entità jew stabbiliment permanenti taħt is-sistema tat-taxxa korporattiva applikabbli fl-Istat Membru tal-kontribwent u t-taxxa korporattiva attwali mħallsa fuq il-profitti tagħha mill-entità jew stabbiliment permanenti.

Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-istabbiliment permanenti ta' kumpannija barranija kkontrollata li mhux soġġett għat-taxxa jew huwa eżentat mit-taxxa fil-ġurisdizzjoni tal-kumpannija barranija kkontrollata ma għandux jittieħed kont tiegħu. Barra minn hekk it-taxxa korporattiva li kienet tkun imposta fl-Istat Membru tal-kontribwent tfisser kif ikkomputata skont ir-regoli tal-Istat Membru tal-kontribwent.

2.   Meta entità jew stabbiliment permanenti jiġi trattat bħala kumpannija barranija kkontrollata skont il-paragrafu 1, l-Istat Membru tal-kontribwent għandu jinkludi fil-bażi tat-taxxa:

(a)

l-introjtu mhux iddistribwit tal-entità jew l-introjtu tal-istabbiliment permanenti li ġej mill-kategoriji li ġejjin:

(i)

imgħax jew kwalunkwe introjtu ieħor iġġenerat minn assi finanzjarji;

(ii)

royalties jew kwalunkwe introjtu ieħor iġġenerat minn proprjetà intellettwali;

(iii)

dividendi u introjtu miċ-ċessjoni ta' ishma;

(iv)

introjtu minn self finanzjarju;

(v)

introjtu minn attivitajiet tal-assigurazzjoni, dawk bankarji u dawk finanzjarji oħra;

(vi)

introjtu minn kumpanniji ta' fatturazzjoni li jaqilgħu introjtu fuq bejgħ u servizzi minn oġġetti u servizzi mixtrija minn, jew mibjugħa lil, intrapriżi assoċjati, u li ma jżidu l-ebda valur ekonomiku jew iżidu ftit;

Dan il-punt ma għandux japplika fejn il-kumpannija barranija kkontrollata twettaq attività ekonomika sostantiva appoġġata minn persunal, tagħmir, assi u proprjetajiet, kif jixhdu l-fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti.

Meta l-kumpannija barranija kkontrollata tkun residenti jew tinsab f'pajjiż terz li mhux parti mill-Ftehim ŻEE, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jżommu lura milli japplikaw is-subparagrafu preċedenti.

jew

(b)

l-introjtu mhux iddistribwit tal-entità jew stabbiliment permanenti li jirriżulta minn arranġamenti mhux ġenwini li ġew stabbiliti għall-fini essenzjali li jinkiseb benefiċċju fiskali.

Għall-finijiet ta' dan il-punt, arranġament jew sensiela tagħhom għandhom jitqiesu bħala mhux ġenwini sa fejn l-entità jew l-istabbiliment permanenti ma jkunx il-propjetarju tal-assi jew ma jkunx ħa r-riskji li jiġġeneraw l-introjtu kollu tiegħu, jew parti minnu, li kieku ma kienx ikkontrollat minn kumpannija fejn jitwettqu l-funzjonijiet tal-persuni sinifikanti, li huma rilevanti għal dawk l-assi u riskji, u li huma strumentali biex jiġi ġġenerat l-introjtu tal-kumpannija kkontrollata.

3.   Meta, skont ir-regoli ta' Stat Membru, il-bażi tat-taxxa ta' kontribwent tiġi kkalkolata skont il-punt (a) tal-paragrafu 2, l-Istat Membru jista' jagħżel li ma jittrattax entità jew stabbiliment permanenti bħala kumpannija barranija kkontrollata skont il-paragrafu 1 jekk terz jew inqas tal-introjtu li takkumula l-entità jew l-istabbiliment permanenti jaqa' fil-kategoriji taħt il-punt (a) tal-paragrafu 2.

Meta, skont ir-regoli ta' Stat Membru, il-bażi tat-taxxa tal-kontribwent hija kkalkolata skont il-punt (a) tal-paragrafu 2, l-Istat Membru jista' jagħżel li ma jittrattax impriżi finanzjarji bħala kumpanniji kkontrollati minn barra l-pajjiż jekk terz jew aktar tal-introjtu tal-entità mill-kategoriji taħt il-punt (a) tal-paragrafu 2 jiġi minn transazzjonijiet mal-kontribwent jew mal-intrapriżi assoċjati tiegħu.

4.   L-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-kamp ta' applikazzjoni tal-punt (b) tal-paragrafu 2 entità jew stabbiliment permanenti:

(a)

bi profitti kontabilistiċi ta' mhux aktar minn EUR 750 000, u b'introjtu mhux mill-kummerċ ta' mhux aktar minn EUR 75 000; jew

(b)

li l-profitti kontabilistiċi tiegħu jammontaw għal mhux aktar minn 10 fil-mija tal-kostijiet operatorji għall-perijodu tat-taxxa.

Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, il-kostijiet operatorji ma jistgħux jinkludu l-kost tal-oġġetti mibjugħa barra l-pajjiż fejn l-entità hija residenti, jew fejn jinsab l-istabbiliment permanenti, għall-finijiet tat-taxxa u pagamenti lil intrapriżi assoċjati.

Artikolu 8

Komputazzjoni tal-introjtu ta' kumpannija barranija kkontrollata

1.   Meta japplika l-punt (a) tal-Artikolu 7(2), l-introjtu li għandu jkun inkluż fil-bażi tat-taxxa għandu jkun ikkalkolat f'konformità mar-regoli tal-liġi dwar it-taxxa korporattiva tal-Istat Membru fejn jinsab il-kontribwent jew huwa residenti għall-finijiet ta' taxxa. It-telf tal-entità jew tal-istabbiliment permanenti ma għandux ikun inkluż fil-bażi tat-taxxa iżda jista' jiġi riportat 'il quddiem, f'konformità mal-liġi nazzjonali, u jittieħed kont tiegħu f'perijodi fiskali sussegwenti.

2.   Meta japplika punt (b) tal-Artikolu 7(2), l-introjtu li għandu jkun inkluż fil-bażi tat-taxxa tal-kontribwent għandu jkun limitat għal ammonti ġġenerati permezz ta' assi u riskji marbutin ma' funzjonijiet ta' persuni sinifikanti li jitwettqu mill-kumpannija li tikkontrolla. L-attribuzzjoni ta' introjtu ta' kumpannija barranija kkontrollata għandha tkun ikkalkolata f'konformità mal-prinċipju tad-distakkament.

3.   L-introjtu li għandu jkun inkluż fil-bażi tat-taxxa għandu jkun ikkalkolat fi proporzjon mal-parteċipazzjoni tal-kontribwent fl-entità kif definit fil-punt (a) tal-Artikolu 7(1).

4.   L-introjtu għandu jkun inkluż fil-perijodu fiskali tal-kontribwent li fih tintemm is-sena fiskali tal-entità.

5.   Meta l-entità tiddistribwixxi l-profitti lill-kontribwent, u dawk il-profitti distribwiti jkunu inklużi fl-introjtu taxxabbli tal-kontribwent, l-ammonti tal-introjtu inklużi preċedentement fil-bażi tat-taxxa skont l-Artikolu 7 għandhom jitnaqqsu mill-bażi tat-taxxa meta jiġi kkalkolat l-ammont ta' taxxa dovuta fuq il-profitti distribwiti, sabiex ikun żgurat li ma jkunx hemm tassazzjoni doppja.

6.   Meta l-kontribwent iċedi l-parteċipazzjoni tiegħu fl-entità jew mill-attività mwettqa mill-istabbiliment permanenti, u kwalunkwe parti tar-rikavat miċ-ċessjoni tkun ġiet inkluża qabel fil-bażi tat-taxxa skont l-Artikolu 7, dak l-ammont għandu jitnaqqas mill-bażi tat-taxxa meta jiġi kkalkolat l-ammont ta' taxxa dovuta għal dak ir-rikavat, sabiex ikun żgurat li ma jkunx hemm tassazzjoni doppja.

7.   L-Istat Membru tal-kontribwent għandu jippermetti tnaqqis tat-taxxa mħallsa mill-entità jew mill-istabbiliment permanenti mill-obbligazzjoni ta' taxxa tal-kontribwent fl-istat tar-residenza jew il-post tat-taxxa tiegħu. It-tnaqqis għandu jiġi kkalkulat skont il-liġi nazzjonali.

Artikolu 9

Diskrepanzi ibridi

1.   Sa fejn diskrepanza ibrida tirriżulta fi tnaqqis doppju, it-tnaqqis għandu jingħata biss fl-Istat Membru fejn tali pagament għandu s-sors tiegħu.

2.   Sa fejn diskrepanza ibrida tirriżulta fi tnaqqis mingħajr inklużjoni, l-Istat Membru tal-pagatur għandu jirrifjuta t-tnaqqis ta' tali pagament.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 10

Rieżami

1.   Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari l-impatt tal-Artikolu 4, sad-9 ta' Awwissu 2020 u tirrapporta lill-Kunsill dwarha. Ir-rapport mill-Kummissjoni għandu, jekk ikun il-każ, jiġi akkumpanjat minn proposta leġislattiva.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.

3.   L-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 11(6) għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni qabel l-1 ta' Lulju 2017 kull informazzjoni neċessarja sabiex tiġi evalwata l-effettività tar-regoli nazzjonali mmirati biex jipprevjenu r-riskji tal-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitti (BEPS).

Artikolu 11

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom, sal-31 ta' Diċembru 2018, jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Jannar 2019.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, huma għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

3.   Fejn din id-Direttiva ssemmi ammont monetarju f'euro (EUR), l-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro jistgħu jagħżlu li jikkalkulaw il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fit-12 ta' Lulju 2016.

4.   B'deroga mill-Artikolu 5(2), l-Estonja tista' tikkunsidra, dment li ma tintaxxax profitti mhux distribwiti, trasferiment ta' assi f'forma monetarja jew nonmonetarja, inkluż il-forma kontanti, minn stabbiliment permanenti li jinsab fl-Estonja għal uffiċċju prinċipali jew stabbiliment permanenti ieħor fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż terz li huwa parti għall-Ftehim ŻEE bħala profitt imqassam u titlob it-taxxa fuq id-dħul, mingħajr ma tagħti lill-kontribwenti d-dritt li jiddeferixxu mill-ħlas ta' tali taxxa.

5.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom, sal-31 ta' Diċembru 2019, jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 5. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Jannar 2020.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, huma għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.

6.   B'deroga mill-Artikolu 4, l-Istati Membri li għandhom regoli nazzjonali mmirati biex jipprevjenu r-riskji ta' BEPS fit-8 ta' Awwissu 2016, li huma effettivi ndaqs għar-regola dwar il-limitazzjoni tal-imgħax stipulata f'din id-Direttiva, jistgħu japplikaw dawn ir-regoli mmirati sa tmiem l-ewwel sena fiskali sħiħa wara d-data tal-pubblikazzjoni tal-ftehim bejn il-membri tal-OECD fuq is-sit web uffiċjali fuq standard minimu fir-rigward tal-Azzjoni 4 tal-BEPS, iżda mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2024.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 13

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Lulju 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

P. KAŽIMÍR


(1)  Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(4)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(5)  Id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1).

(6)  Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar Maniġers ta' Fondi ta' Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).

(7)  Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal- impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

(8)  Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).

(9)  Id-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 2003 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta' irtirar okkupazzjonali (ĠU L 235, 23.9.2003, p. 10).

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali (ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1).

(11)  Ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta' sigurtà soċjali (ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1).

(12)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(13)  Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1).

(14)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE tas-16 ta' Marzu 2010 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta' talbiet relatati ma' taxxi, dazji u miżuri oħra (ĠU L 84, 31.3.2010, p. 1).