32001L0037



Official Journal L 194 , 18/07/2001 P. 0026 - 0035


Id-Direttiva 2001/37/KE tal-Parlament Ewropej u tal-Kunsill

tal-5 ta' Ġunju 2001

dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li jirrelataw mal-manifattura, preżentazzjoni u l-bejgħ ta' prodotti tat-tabakk

Il-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 95 u 133 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3],

Jaġixxi skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat [4] fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fil-5 ta' April 2001,

Billi:

(1) Id-Direttiva tal-Kunsill 89/622/KEE tat-13 ta' Novembru 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li tikkonċerna l-ittikkettjar ta' prodotti tat-tabakk u l-projbizzjoni tat-tpoġġija fis-suq ta' ċerti prodotti tat-tabakk għall-użu orali [5] kienet sussegwentement emendata bid-Direttiva 92/41/KEE [6]. Billi għandhom isiru aktar emendi għal dik id-Direttiva, kif ukoll għad-Direttiva tal-Kunsill 90/239/KEE tas-17 ta' Mejju 1990 dwar l-appossimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li jikkonċernaw il-kontenut massimu ta' qatran fis-sigaretti [7], dawk id-Direttivi għandhom jiġu miktuba mill-ġdid fl-interess tal-kjarezza.

(2) Għad hemm differenzi sostanzjali bejn il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri dwar il-manifattura, preżentazzjoni u bejgħ ta' prodotti tat-tat-tabakk li jfixklu t-tħadim tas-suq intern.

(3) Dawk il-barrieri jistgħu jiġu eliminati u, għal dan il-għan, ir-regoli li jirrelataw mall-manufattura, preżentazzjoni u bejgħ ta' prodotti tat-tabakk għandhom jiġu approssimati, waqt li titħalla l-possibiltà għall-Istati Membri li jintroduċu, b'ċert kundizzjonijiet, ħtiġijiet bħal dawk hekk kif iqisu meħtieġa biex tiġi garantita l-protezzjoni tas-saħħa ta' l-individwu.

(4) Skond l-Artikolu 95(3) tat-Trattat, livell għoli ta' protezzjoni f'termini ta' saħħa, sigurezza, protezzjoni ta' l-ambjent u protezzjoni tal-konsumatur għandu jittieħed bħala bażi, waqt li jingħata kont, b'mod partikolari, ta' kull żvilupp ġdid bażat fuq bażi xjentifiċi; minħabba l-effetti partikolarment ta' ħsara tat-tabakk, il-protezzjoni tas-saħħa għandha tingħata priorità f'dan il-kuntest.

(5) Id-Direttiva 90/239/KEE tistabbilixxi l-limiti massimi ta' qatran fis-sigaretti mpoġġija fis-suq fl-Istati Membri b'effett mill-31 ta' Diċembru 1992. In-natura karċinoġenika tal-qatran tagħmilha meħtieġa li jitnaqqas aktar il-livelli ta' qatran fis-sigarretti.

(6) Id-Direttiva 89/622/KEE tistabbilixxi twissija ġenerali li għandha tinġarr fuq kull pakkett ta' prodotti tat-tabakk, flimkien ma’ twissijiet addizzjonali esklussivament għas-sigarretti u, mill-1992, estendiet il-ħtieġa għal twissijiet addizzjonali għal prodotti oħra tat-tabakk.

(7) Diversi Stati Membri indikaw li, jekk il-miżuri li jistabbilixxu l-kontenut massimu ta' carbon monoxide fis-sigarretti ma jiġux addottati f'livell tal-Komunità, kienu ser jaddottaw miżuri bħal dawk fil-livell nazzjonali. Id-differenzi fir-regoli li jikkonċernaw il-carbon monoxide x'aktarx li joħolqu barrieri għall-kummerċ u jfixklu l-operazzjoni bla xkiel tas-suq intern. B'żieda, ġie muri li s-sigarretti jipproduċu ammonti ta' carbon monoxide li huma ta' ħsara għas-saħħa tal-bniedem u kapaċi li jikkontribwixxu għall-mard tal-qalb u mard ieħor.

(8) Reviżjoni tal-qafas regolatorju teħtieġ li jiġu evalwati l-pretensjonijiet bażati fuq evidenza li prodotti tat-tabakk maħsuba u/jew impoġġijja fis-suq bħala li "jnaqqsu r-risku", jew li dwarhom il-manifattur jistqarr li jnaqqsu l-ħsara.

(9) Hemm differenzi bejn il-liġijiet, regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri dwar il-limitazzjoni massima ta' nikotina li toħroġ mis-sigarretti. Differenzi bħal dawk x'aktarx li joħolqu barriera għall-kummerċ u jfixklu t-tħaddim bla xkiel tas-suq intern. L-Istati Membri u l-awtoritajiet xjentifiċi qajjmu problemi speċifiċi dwar is-saħħa pubblika f'qasam li ġa minn qabel kien is-suġġett ta' miżuri ta' armonizzazzjoni, li l-Kummissjoni eżaminat.

(10) Dawk l-ostakoli għandhom għalhekk jiġu eliminati u għal dak il-għan ir-rilaxx f'ċirkolazzjoni ħielsa, tpoġġija fis-suq u manufattura ta' sigarretti għandhom ikunu s-soġġett ta' regoli komuni mhux biss dwar il-livell tal-qatran iżda wkoll dwar il-livelli massimi ta' nikotina u carbon monoxide.

(11) Din id-Direttiva għandha wkoll tkun tapplika għall-prodotti tat-tabakk li huma esportati mill-Komunità Ewropea. Ir-reġim ta' l-esportazzjoni huwa parti mill-politika kummerċjali komuni. Il-ħtiġijiet tas-saħħa għandhom, skond l-Artikolu 152(1) tat-Trattat u l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, jagħmlu parti kostitwenti mill-politika l-oħra tal-Komunità. Għandhom jiġu adottati regoli biex jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet tas-suq intern ma jkunux imfixkla.

(12) Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva huma mingħajr preġudizzju għall-leġislazzjoni tal-Komunità li tirregola l-użu u t-tikkettjar ta' organiżmi ġenetikament modifikati.

(13) L-i standards applikabbli internazzjonalment għall-prodotti tat-tabakk huma wieħed mis-suġġetti tan-negozjati għat-tħejjija ta' l-abbozz tal-Qafas tal-Konvenzjoni ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk.

(14) Biex jitkjejjel il-ħruġ ta' qatran, nikotina u carbon monoxide mis-sigarretti, għandha ssir riferenza għall-i standards ISO 4387, 10315 u 8454, li huma l-uniċi standards li għandhom għarfien internazzjonali, b'dan jiġi miftiehem li riċerka sussegwenti u l-progress teknoloġiku li qed isir għandu jagħmilha possibbli biex jiġu żviluppati u wżati metodi aktar preċiżi u ta' min jorbot fuqhom għall-kejl ta' ħruġ mis-sigarretti u biex jiġu żviluppati metodi ta' kejl għall-prodotti l-oħra tat-tabakk.

(15) M'hemm ebda standards miftiemha internazzjonalment jew testijiet biex jiġi kwantifikat u stmat il-ħruġ tal-kostitwenti fid-duħħan tas-sigarrett ħlief għall-qatran, nikotina u carbon monoxide. Hija għalhekk meħtieġa, proċedura għall-iżvilupp ta' dak l-i standards, b'konsultazzjoni ta' l-Organizzazzjoni ta' l-Istandards Internazzjonali.

(16) Fid-Direttiva 90/239/KEE, minħabba problemi soċjo-ekonimiċi partikolari, il-Greċja kienet ingħatat deroga mill-limiti ta' żmien għall-implimentazzjoni tal-ħruġ massimu tal-qatran. Dik id-deroga għandha tinżamm għall-perijodu stipulat.

(17) L-applikazzjoni tal-limiti tal-qatran, nikotina u carbon monoxide għas-sigarretti esportati għandha tkun is-suġġett ta' arranġamenti ta' tranżizzjoni biex jingħata aktar żmien għall-bdil ta' l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott u biex jippermettu għat-twaqqif ta' standards miftiehma internazzjonalment.

(18) Perjodi transitorji għandhom jiġu provduti b'relazzjoni mad-dispożizzjonijiet l-oħra ta' din id-Direttiva biex ikunu jistgħu jseħħu l-modifikazzjonijiet meħtieġa fil-produzzjoni u għall-bejgħ tal-ħażniet, partikolarment dawk ta' prodotti oħra li m'humiex sigarretti. Għandu jkun permess l-użu ta' tikketti li jkunu jistgħu jitneħħew biex tiġi faċilitata l-introduzzjoni tal-ħtiġijiet ta' l-ittikkettjar ta' din id-Direttiva.

(19) Il-preżentazzjoni ta' tikketti ta' twissija u l-ħruġ baqgħet issir b'mod differenti mill-Istati Membri differenti. Bħala konsegwenza, l-konsumaturi fi Stat Membru wieħed jistgħu jkun informati aħjar dwar ir-riskji tat-tabbakk milli f'ieħor. Dawk id-differenzi mhux aċċettabbli u x'aktarx jistgħu joħolqu barriera għall-kummerċ u jfixklu t-tħaddim tas-suq intern fil-prodotti tat-tabakk, u għandhom għalhekk jiġu eliminati. Huwa meħtieġ għal dak il-għan li l-leġislazzjoni eżistenti tissaħħaħ u tiġi ċċarata, waqt li jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa.

(20) Għandha ssir dispożizzjoni għal lottijiet ta' prodotti tat-tabbakk li jiġu mmarkati sabiex dawk il-prodotti jkunu jistgħu jiġi traċċjati għall-għanijiet ta' l-immonitorjar tal-konformità ma’ din id-Direttiva.

(21) In-nefqiet soċjo-ekonomiċi diretti u indiretti ta' l-użu attiv u passiv tat-tabakk għandhom jiġu evalwati b'mod regolari u magħmula disponibbli għall-pubbliku fil-kuntest tal-programmi addattati tal-Komunità.

(22) Is-sitwazzjoni tvarja fl-Istati Membri fir-rigward ta' l-ingredjenti u l-addittivi wżati fil-manifattura tal-prodotti tat-tabakk. Numru ta' Stati Membri la għandhom leġislazzjoni eżistenti u lanqas xi ftehim volontarju minflokom dwar dawn is-sustanzi. Diversi Stati Membri li fihom teżisti leġislazzjoni bħal dik jew xi ftehim volontarju ma jirċievu ebda tagħrif mill-manufatturi tat-tabakk dwar il-kwantitajiet ta' dawk l-ingredjenti u adittivi preżenti fi prodotti partikolari tat-tabakk fuq l-bażi ta' isem ta' prodott b'isem ta' prodott. Għandha tiġi introdotta approssimazzjoni dwar il-miżuri applikabbli f'dan il-qasam, li tirriżulta f'aktar trasparenza.

(23) In-nuqqas ta' informazzjoni flimkien man-nuqqas ta' tagħrif tossikoloġiku jipprevjeni lill-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Membri mill-jistmaw b'xi mod li jagħmel sens it-tossiċità ta', u l-perikoli imposti għas-saħħa tal-konsumatur minn prodotti tat-tabakk. Dan huwa inkonsistenti ma’ l-obbligazzjoni imqiegħeda fuq il-Komunità biex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem.

(24) L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jadottaw regoli aktar iebsa dwar il-prodotti tat-tabakk li jqisu meħtieġa biex iħarsu s-saħħa pubblika, sal-limitu li r-regoli fid-Direttiva ma jiġux preġudikati, u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

(25) Sakemm tiġi stabbilita l-lista ta' ingredjenti riferita fl-Artikolu 12, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għall-projbizzjoni ta' l-użu ta' l-ingredjenti li jkollhom l-effett li jżidu l-proprjetajiet tad-dipendenza fuq prodotti tat-tabakk, minħabba li l-użu ta' dawk l-ingredjenti jista’ jfixkel il-limiti dwar il-livelli tan-nikotina stipulati f'din id-Direttiva.

(26) Ġie ppruvat li l-prodotti tat-tabakk fihom u joħroġ minnhom ħafna sustanzi ħżiena u karċinoġeni magħrufa li huma ta' ħsara għas-saħħa tal-bniedem meta jinħarqu. Fi snin riċenti ġie ppruvat ukoll li t-tipjip passiv huwa perikoluż, b'mod partikolari għal tfal li jkunu għadhom ma twieldux u trabi u li jista’ joħloq jew jaggrava problemi respiratorji f'persuni li jiġbdu d-duħħan. B'żieda, 80 % ta' dawk li jibdew ipejpu fil-Komunità għandhom anqas minn 18-il sena. L-akbar trasparenza possibbli dwar it-tagħrif dwar il-prodott għandha tiġi żgurata, waqt li jiġi żgurat li jingħata kont kif imiss tad-drittijiet kummerċjali u ta' proprjetà intelletwali tal-manufatturi tat-tabakk.

(27) L-użu ta' ċerti testi fuq l-ippakkeġġar ta' prodott tat-tabakk, bħal "qatran baxx", "ħfief", "ħfief ħafna", "mhux qawwija", ismijiet, stampi u sinjali ta' figuri jew oħrajn, jistgħu jqarrqu bil-konsumatur billi jaħseb li dawk il-prodotti jagħmlu anqas ħsara u jagħtu lok għall-bidliet fil-konsum. Il-komportament ta' dawk li jpejpju u d-dipendenza, u mhux biss il-kontenut ta' ċerti sustanzi li jkun fih il-prodott qabel ma jiġi kkunsmat, ukoll jistabbilixxi l-livell tas-sustanzi miġbuda. Dan il-fatt mhux rifless fl-użu ta' termini bħal dawk, u għalhekk idgħajfu l-ħtiġijiet tat-tikkettjar stipulati f'din id-Direttiva. Biex jiġi żgurat kif imiss il-funzjonament tas-suq intern, u minħabba l-iżvilupp tar-regoli internazzjonali proposti, għandha ssir dispożizzjoni għall-projbizzjoni ta' użu bħal dak fil-livell tal-Komunità, waqt li jingħata żmien biżżejjed għall-introduzzjoni ta' din ir-regola.

(28) Id-Direttiva 89/622/KEE tipprojbixxi l-bejgħ fl-Istati Membri ta' ċerti tipi ta' tabakk għall-użu orali. L-Artikolu 151 ta' l-Att ta' Adeżjoni ta' l-Awstrija, l-Finlandja u l-Isvezja jagħti lir-Renju ta' l-Isvezja deroga mid-dispożizzjonijiet ta' dik id-Direttiva f'dak ir-rigward.

(29) Il-progress tekniku u xjentifiku fil-qasam tal-prodotti tat-tabakk jitlob għal rivalwazzjoni regolari tad-dispożizzjonijiet u l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva fl-Istati Membri. Għal dak il-għan għandha ssir dispożizzjoni għal proċedura biex il-Kummissjoni tħejji rapporti regolari sostnuti minn tagħrif xjentifiku u tekniku. Ċertu tagħrif għandu jiġi eżaminat b'attenzjoni partikolari f'dan il-kuntest.

(30) Dwar l-iffissar tal-ħruġ massimu, għandu jiġi kunsidrat jekk, min-naħa ‘l waħda, jekk hux ta' min f'data aktar tard jitnaqqas il-ħruġ iffissat u b'mod partikolari kif, jekk ikun hemm il-ħtieġa, hemm konnessjoni bejnithom u, min-naħa l oħra, jekk standards dwar dawn il-kwistjonijiet għandhomx jiġu żviluppati għal prodotti ħlief għas-sigarretti, b'mod partikolari tabakk tal-brim.

(31) Fir-rigward ta' prodotti tat-tabakk ħlief għal sigarretti, l-i standards u l-metodoloġiji tal-kejl huma meħtieġa li jiġu żviluppati f'livell tal-Komunità, u għal dan il-għan il-Kummissjoni għandha tintalab biex tibgħat il-proposti adattati.

(32) Fir-rigward ta' l-ingredjenti l-oħra, inklużi l-adittivi, għandha tiġi konsidrata it-tħejjija ta' lista komuni, bil-ħsieb ta' armonizzazzjoni sussegwenti.

(33) Id-daqs tas-suq intern fil-prodotti tat-tabakk u t-tendenza dejjem tikber tal-manifatturi tat-tabakk li jikkonċentraw il-produzzjoni għall-Komunità kollha kemm hi f'numru żgħir ta impjanti ta' produzzjoni fl-Istati Membri, jitlob għal azzjoni leġislattiva biex jinkiseb it-tħaddim lixx tas-suq intern fil-prodotti tat-tabakk li għandu jitwettaq f'livell tal-Komunità aktar milli f'livell nazzjonali.

(34) L-iffunzjonar ta' l-organizzazzjoni komuni tas-suq fit-tabakk mhux maħdum għandu jkun suġġett għal rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-2002 [8]. Il-Kummissjoni ndikat li dak ir-rapport għandu wkoll jeżamina l-kwistjoni ta' l-integrazzjoni tal-konsiderazzjonijiet tas-saħħa pubblika, inklużi l-i standards stabbiliti f'din id-Direttiva, f'politika oħra tal-Komunità, kif meħtieġ skond l-Artikolu 152 tat-Trattat.

(35) Fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, għandha ssir dispożizzjoni li tistabbilixxi l-limiti ta' żmien li jippermettu, min-naħa ‘l waħda, it-tlestija ta' grad massimu ta' effiċjenza tal-proċess ta' konverzjoni ġa mibdi mid-Direttiva 90/239/KEE, u min-naħa l oħra, biex il-konsumaturi u l-manufatturi jadattaw għall-prodotti bi ħruġ anqas ta' qatran, nikotina u carbon monoxide.

(36) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu addttati skond id-Direttiva tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistipula l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni [9].

(37) Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-limiti ta' żmien li fihom l-Istati Membri għandhom jittrasponu u japplikaw id-Direttivi stipulati f'L-Anness II,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Għan

L-għan ta' din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri dwar il-ħruġ massimu ta' qatran, nikotina u carbon monoxide tas-sigarretti u t-twissijjiet fir-rigward tas-saħħa u tagħrif ieħor li għandu jidher fuq kull pakkett ta' prodotti tat-tabakk, flimkien ma’ ċerti miżuri dwar l-ingredjenti u d-deskrizzjonijiet tal-prodotti tat-tabakk, waqt li jittieħed bħala bażi livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva,

1. "prodotti tat-tabakk" ifisser prodotti għall-għanijiet ta' tipjip, xamm, irdiegħ jew mastikar, sal-limitu li huma, wkoll jekk parzjalment, magħmula minn tabakk, sew jekk ġenetikment modifikat sew jekk le;

2. "qatran" tfisser ir-raw anhydrous nicotine-free condensate tad-duħħan;

3. "nikotina" tfisser nicotinic alkaloids;

4. "tabakk għall-użu orali" tfisser il-prodotti kollha għall-użu orali, ħlief dawk maħsuba li jitpejpu, magħmula kollha kemm huma jew f'parti, minn tabakk, f'forma ta' trab jew partikoli jew f'xi kombinazzjoni ta' dawn il-forom, partikolarment dawk preżentati f'porżjonijiet fi qratas jew qratas porużi jew f'forma li jixbaħ prodott ta' l-ikel;

5. "ingredjent" tfisser kull sustanza jew kull kostitwent ħlief għall-weraq tat-tabakk jew partijiet oħra naturali jew mhux proċessati tal-pjanta tat-tabakk użata fil-manufattura jew preparazzjoni ta' prodott tat-tabakk u li tkun għadha preżenti fl-prodott lest, ukoll jekk f'forma mibdula, inkluża l-karta, filtru, linka jew adeżivi.

Artikolu 3

Sigarretti: ħruġ massimu ta' qatran, nikotina u carbon monoxide

1. Mill-1 ta' Jannar 2004, il-ħruġ minn sigarretti rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa, mpoġġija fis-suq jew immanufatturati mill-Istati Membri m'għandux ikun akbar minn:

- 10 mg kull sigarrett għall-qatran,

- 1 mg kull sigarrett għan-nikotina,

- 10 mg kull sigarrett għall-carbon monoxide.

2. B’ deroga mid-data riferita fil-paragrafu 1, fir-rigward ta' sigarretti manufatturati fi, iżda esportati mill-, Komunità Ewropea, l-Istati Membri jistgħu japplikaw il-limiti tal-ħruġ stipulati f'dan l-Artikolu mill-1 ta' Jannar 2005 iżda f'kull każ għandhom jagħmlu dan mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2007.

3. Għall-Greċja, bħala deroga temporanja, d-data ta' l-applikazzjoni tal-ħruġ massimu ta' qatran tas-sigarretti manufatturati u mpoġġija fis-suq fit-territorju tagħha, kif riferit fil-paragrafu 1, għandha tkun l-1 ta' Jannar 2007.

Artikolu 4

Metodi tal-kejl

1. Il-ħruġ ta' qatran, nikotina u carbon monoxide għandu jitkejjel fuq il-bażi ta' l-i standards ISO 4387 għall-qatran, 10315 għan-nikotina, u 8454 għall-carbon monoxide.

L-eżattezza ta' l-indikazzjonijiet tal-qatran u n-nikotina fuq il-pakketti għandha tiġi verifikata skond l-i standard ISO 8243.

2. It-testijiet riferiti fil-paragrafu 1 għandhom jitwettqu jew jiġu verifikati minn laboratorji ta' l-ittestjar li huma approvati u monitorjati mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri.

L-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni lista tal-laboratorji approvati, waqt li jispeċifikaw il-kriterji wżati għall-approvazzjoni u l-metodi ta' immonitorjar applikati, sat-30 ta' Settembru 2002, u kull meta ssir xi bidla.

3. L-Istati Membri għandhom ukoll jeħtieġu lill-manufatturi tat-tabakk jew l-importaturi li jwettqu kull test hekk kif jista’ jkun stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali biex jiġi stmat il-ħruġ ta' sustanzi oħra prodotti mill-prodotti tagħhom tat-tabakk fuq il-bażi ta' isem tad-ditta b'isem tad-ditta u fuq il-bażi ta' tip b'tip biex jiġu stmati l-effetti ta' dawk is-sustanzi l-oħra fuq is-saħħa, waqt li jingħata kont, inter alia, ta' l-istat ta' dipendenza tagħhom. L-Istati Membri jistgħu wkoll jeħtieġu li dawk it-testijiet jiġu mwettqa jew verifikati f'laboratorji approvati ta' ittestjar kif stabbilit fil-paragrafu 2.

4. Ir-riżultati tat-testijiet imwettqa skond il-paragrafu 3 għandhom jintbagħtu lill-awtoritajiet relevanti nazzjonali fuq bażi ta' kull sena. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu biex ir-riżultati tat-testijiet jinkixfu anqas spiss fil-każi fejn l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott ma jkunux varjaw. L-Istati Membri għandhom ikunu avżati bit-tibdil fl-ispeċifikazzjonijiet ta' prodotti bħal dawk.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw it-tixrid, permezz ta' mezzi adattati, tat-tagħrif mibgħut skond dan l-Artikolu bil-ħsieb li jinfurmaw lill-konsumaturi u meta jagħmlu dan għandhom jagħtu kont, fejn xieraq, ta' kull tagħrif li jikkostitwixxi sigriet tal-kummerċ.

5. Kull sena l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw it-tagħrif u l-informazzjoni kollu mibgħut skond dan l-Artikolu lill-Kummissjoni, li għandha tagħti kont tiegħu meta tħejji r-rapport riferit fl-Artikolu 11.

Artikolu 5

Tikkettjar

1. Il-ħruġ tal-qatran, nikotina u carbon monoxide tas-sigarretti mkejjel skond l-Artikolu 4 għandu jiġi stampat fuq ġenb wieħed tal-pakkett tas-sigarretti fl-ilsien uffiċċjali jew ilsna ta' l-Istat Membru fejn il-prodott jitqiegħed fis-suq, sabiex ta' l-anqas 10 % tal-wiċċ li jikkorrispondi jkun kopert.

Dak il-perċentwali għandu jittella għal 12 % għall-Istati Membri b'żewġ ilsna uffiċjali u għal 15 % għall-Istati Membri bi tlett ilsna uffiċjali.

2. Kull pakkett wieħed ta' prodotti tat-tabakk, ħlief għal tabakk għall-użu orali u prodotti oħra tat-tabakk li ma jitpejpux għandu jġorr waħda minn dawn it-twissijiet li ġejjin:

(a) twissija ġenerali:

1. "It-tipjip joqtol/It-tipjip jista’ joqtol," jew

2. "It-tipjip jagħmel ħsara serja lilek u lil dawk ta' madwarek."

It-twissijiet ġenerali indikati hawn fuq għandhom jiġu mdawra b'dak il-mod li tiġi garantita d-dehra regolari tagħhom. It-twissija għandha tkun stampata fuq il-wiċċ li jidher l-aktar ta' kull pakkett, u fuq xi pakkeġġar ta' barra, bl-eċċezzjoni ta' tgeżwir addizzjonali trasparenti, użat fil-bejgħ bl-imnut tal-prodott; u

(b) twissija addizzjonali meħuda mill-lista stabbilita f'L-Anness I.

It-twissijiet addizzjonali riferiti hawn fuq għandhom jiġu mdawra b'dak il-mod li tiġi garantita d-dehra regolari tagħhom.

Dik it-twissija għandha tkun stampata fuq il-wiċċ li jidher l-aktar ta' kull pakkett, u fuq xi pakkeġġar ta' barra, bl-eċċezzjoni ta' tgeżwir addizzjonali trasparenti, użat fil-bejgħ bl-imnut tal-prodott.

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu il-pożizzjoni tat-twissijiet fuq dawk l-uċuh biex jakkomodaw il-ħtiġijiet ta' l-ilsien.

3. Il-Kummissjoni għandha, malajr skond kemm hu prattiku u f'kull każ mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2002, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10(2), taddotta regoli għall-użu ta' ritratti bil-kulur jew stampi oħra li juru u jfissru il-konsegwenzi tat-tipjip fuq is-saħħa, bil-ħsieb li jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet tas-suq intern ma jiddgħajfux.

Fejn l-Istati Membri jeħtieġu twissijiet addizzjonali, fil-forma ta' ritratti tal-kulur jew xi stampi oħra, dawn għandhom ikunu skond ir-regoli msemmija hawn fuq.

4. Il-prodotti tat-tabakk għall-użu orali, fejn it-tpoġġija fis-suq huwa permess skond l-Artikolu 8, u prodotti tat-tabakk li ma jitpejpux għandhom iġorru t-twissija li ġejja:

"Dan il-prodott tat-tabakk jista’ joħloq ħsara għas-saħħa tiegħek u jagħmlek dipendenti."

Dik it-twissija għandha tkun stampata fuq il-wiċċ li jidher l-aktar ta' kull pakkett, u fuq xi pakkeġġar ta' barra, bl-eċċezzjoni ta' tgeżwir addizzjonali trasparenti, użat fil-bejgħ bl-imnut tal-prodott.

L-Istati Membri jistgħu jistabilixxu il-pożizzjoni tat-twissijiet fuq dawk l-uċuh biex jakkomodaw il-ħtiġijiet ta' l-ilsien.

5. It-twissija ġenerali meħtieġa skond il-paragrafu 2(a) u t-twissija għall-prodotti tat-tabakk li ma jitpejpux u dawk orali riferiti fil-paragrafu 4 għandha tkun tkopri mhux anqas minn 30 % taż-żona esterna tal-wiċċ li jikkorrispondi mal-pakket ta' tabakk li fuqu tkun stampata. Dak il-proporzjon għandu jiżdied għal 32 % għall-Istati Membru b'żewġ ilsna uffiċjali u 35 % għall-Istati Membri bi tlett ilsna uffiċċjali. It-twissija addizzjonali meħtieġa skond il-paragrafu 2(b) għandha tkopri mhux anqas minn 40 % taż-żona esterna tal-wiċċ li jikkorrispondi tal-pakkett ta' tabakk li fuqu tkun stampata. Dak il-proporzjon għandu jiżdied għal 45 % għall-Istati Membru b'żewġ ilsna uffiċċjali u 50 % għall-Istati Membri bi tlett ilsna uffiċċjali.

Iżda, fil-każ ta' pakketti bil-wieħed maħsuba għall-prodotti li ma jkunux sigarretti, li l-wiċċ tagħhom li jidher l-aktar ikun jeċċedi 75 cm2, it-twissija riferita fil-paragrafu 2 għandha tkopri ta' l-anqas 22,5 cm2 fuq kull wiċċ. Dik iż-żona għandha tiżdied għal 24 cm2 għall-Istati Membru b'żewġ ilsna uffiċjali u 26,25 cm2 għall-Istati Membri bi tlett ilsna uffiċjali.

6. It-test tat-twissija u l-indikazzjonijiet tal-ħruġ meħtieġa skond dan l-Artikolu għandhom ikunu:

(a) stampati b'tipa Helvetica iswed grassa fuq sfond abjad. Biex jiġu akkommodati l-ħtiġijiet ta' l-ilsien, l-Istati Membri għandu jkollhom id-dritt li jistabbilixxu id-daqs tal-punt tat-tipa, b'dan illi d-daqs tat-tipa speċifikat fil-leġislazzjoni tagħhom ikun tali li jokkupa l-akbar proporzjon possibbli taż-żona merfugħa għat-test meħtieġ;

(b) f'ittri żgħar, ħlief għall-ewwel ittra tal-messaġġ u fejn meħtieġ skond l-użu tal-grammatika;

(ċ) ċentrat fiż-żona li fiha t-test huwa meħtieġ li jiġi stampat, parallel mat-tarf ta' fuq tal-pakkett;

(d) għall-prodotti ħlief għal dawk riferiti fil-paragrafu 4 imdawra b’bordura sewda ta' mhux anqas minn 3 mm u mhux aktar minn 4 mm fil-wisa’ li ma tfixkel bl-ebda mod it-test tat-twissija jew tagħrif mogħti;

(e) fl-ilsien jew ilsna uffiċċjali ta' l-Istat Membru fejn il-prodott jitpoġġa fis-suq.

7. L-istampar tat-testi meħtieġa b'dan l-Artikolu fuq it-timbri tat-taxxa ta' kull pakkett għandu jkun projbit. It-testi għandhom ikunu stampati b'mod li ma jistgħux jitneħħew, ma jistgħux jitħassru u bl-ebda mod moħbija, oskurati jew interotti b'xi materjal stampat jew ta' stampi jew bil-ftuħ tal-pakkett. Fil-każ ta' prodotti tat-tabakk li ma jkunux sigarretti, it-testi jistgħu jitwaħħlu permezz ta' stickers, b'dan illi dawk l-i stikers ma jkunux jistgħu jinqalgħu.

8. L-Istati Membri jistgħu jistipulaw li t-twissijiet riferiti fil-paragrafi 2 u 4 għandhom ikunu akkumpanjati b'riferenza, barra l-kaxxa tat-twissijiet, għall-awtorità ta' ħruġ.

9. Bix tiġi żgurata l-identità tal-prodott u t-traċċjabilità, il-prodott tat-tabakk għandu jkun immarkat bil-mod addattat, bin-numru tal-lott jew ekwivalenti, fuq kull pakkett li jkun jippermetti li jiġi stabbilit il-post u l-ħin tal-manufattura.

Il-miżuri tekniċi għall-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni għandhom jiġu emendati skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 10(2).

Artikolu 6

Aktar tagħrif dwar il-prodott

1. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu lill-manifatturi u lill-importaturi tal-prodotti tat-tabakk li jibgħatu lilhom lista ta' l-ingredjenti kollha, u l-kwantitajiet tagħhom, użati fil-manifattura ta' dawk il-prodotti tat-tabakk skond l-isem tad-ditta u t-tip.

Din il-lista għandha tkun akkumpanjata minn dikjarazzjoni li tagħti r-raġunijiet għall-inklużjoni ta' dawk l-ingredjenti f'dawk il-prodotti tat-tabakk. Għandha turi l-funzjoni tagħhom u l-kategorija. Il-lista għandha wkoll tkun akkumpanjata bit-tagħrif tossikoloġiku disponibbli lill-manifattur jew importatur fir-rigward ta' dawk l-ingredjenti fil-forma maħruqa jew mhux maħruqa skond kif xieraq, waqt li ssir riferenza b'mod partikolari għall-effetti tagħhom fuq is-saħħa u waqt li jingħata kont, inter alia, ta' xi effetti ta' dipendenza. Il-lista għandha tkun stabbilita f'ordni mill-kbir għaż-żgħir tal-piż ta' kull ingredjent inkluż fil-prodott.

It-tagħrif riferit fl-ewwel subparagrafu għandu jiġi provdut fuq bażi ta' kull sena u għall-ewwel darba sal-31 ta Diċembru 2002 l-aktar tard.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw it-tixrid tat-tagħrif provdut skond dan l-Artikolu bil-mezzi kollha xierqa, bil-ħsieb li jiġi mgħarraf il-konsumatur. Għandu madanakollu jingħata kont tal-protezzjoni ta' xi tagħrif dwar formoli ta' prodotti speċifiċi li jikkostitwixxu sigriet tal-kummerċ.

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-lista ta' ingredjenti għall-kull prodott, li tindika l-ħruġ tal-qatran, tan-nikotina u tal-carbon monoxide, issir pubblika.

4. Kull sena l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw it-tagħrif u l-informazzjoni kollu mibgħut skond dan l-Artikolu lill-Kummissjoni, li għandha tagħti kont tiegħu meta tħejji r-rapport riferit fl-Artikolu 11.

Artikolu 7

Deskrizzjoni tal-prodotti

B'effett mit-30 ta' Settembru 2003, u mingħajr preġudizzju għal l-Artikolu 5(1), it-testi, l-ismijiet, il-marki tal-kummerċ u sinjali figurattivi jew oħrajn li jissuġerixxu li prodott tat-tabakk ikun anqas ta' ħsara minn oħrajn m'għandhomx jintużaw fuq l-ippakkeġġar ta' prodotti tat-tabakk.

Artikolu 8

Tabakk għall-użu orali

L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu t-tpoġġija fis-suq ta' tabakk għall-użu orali, mingħajr preġudizzju għal l-Artikolu 151 ta' l-Att ta' Adeżjoni ta' l-Awstrija, l-Finlandja u l-Isvezja.

Artikolu 9

Adattazzjonijiet

Il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 10(2), tadatta għall-progress xjentifiku u tekniku:

(a) il-metodi tal-kejl stabbiliti fl-Artikolu 4 u d-definizzjonijiet li jirrelataw magħhom;

(b) it-twissijiet tas-saħħa li għandhom jintwerew fuq kull pakkett ta' prodotti tat-tabakk kif stabbilit f'L-Anness I u l-frekwenza tat-tidwir tat-twissijiet tas-saħħa;

(ċ) l-immarkar għall-identifikazzjoni u l-għanijiet ta' intraċċar tal-prodotti tat-tabakk.

Artikolu 10

Proċedura regolatorja

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat.

2. Meta issir riferenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom ikun applikabbli, wara li jingħata kont tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu riferit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun iffissat bħala ta' tliet xhur.

3. Il-Kumitat għandu jadotta ir-regoli tiegħu ta' proċedura.

Artikolu 11

Rapport

Mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2004, u kull sentejn wara dan, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

Bil-ħsieb tat-tlestija ta' l-abbozz tar-rapport riferit fl-ewwel paragrafu, il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn esperti xjentifiċi u tekniċi sabiex ikollha disponibbli t-tagħrif kollu meħtieġ.

Malli jintbagħat l-ewwel rapport, il-Kummissjoni għandha tindika b'mod partikolari il-fatturi li għandhom jiġu riveduti jew żviluppati fid-dawl ta' l-iżviluppi fl-għerf xjentifiku jew tekniku, inkluż l-iżvilupp ta' regoli miftehma internazzjonalment u standards dwar prodotti, u għandha tagħti attenzjoni speċjali għal:

- it-tnaqqis sussegwenti tal-ħruġ massimu stabbilit fl-Artikolu 3(1),

- xi rabtiet possibbli bejn dawn il-ħruġ,

- titjib fit-twissijiet tas-saħħa, fit-termini ta' daqs, pożizzjoni u kliem,

- tagħrif xjentifiku u tekniku dwar l-ittikkettjar u l-istampar fuq il-pakketti tas-sigarretti jew ritratti jew illustrazzjonijiet oħra biex juru u jfissru l-konsegwenzi tat-tipjip fuq is-saħħa,

- metodoloġiji għal stima aktar realistika u l-irregolar ta' esponiment tossiku u ħsara,

- evalwazzjoni ta' l-effetti ta' dipendenza fuq dawk l-ingredjenti li jħajjru d-dipendenza,

- evalwazzjoni tal-prodotti tat-tabakk li jista’ jkollhom il-potenzjal li jnaqqsu l-ħsara,

- l-iżvilupp ta' metodi standardizzati għall-ittestjar tal-kejl tal-ħruġ tal-kostitwenti fid-duħħan tas-sigarrett barra minn qatran, nikotina u carbon monoxide,

- tagħrif tossikoloġiku mill-manufattur dwar l-ingredjenti u l-mod li bih għandhom jiġu ttestjati biex ikun permess lill-awtoritajiet tas-saħħa pubblika li jagħmlu stima ta' l-użu tagħhom,

- l-iżvilupp ta' standards għall-prodotti li m'humiex sigarretti, b'mod partikolari tabakk tal-brim.

Ir-rapport għandu jeżamina wkoll ir-rabtiet bejn il-ħtiġijiet ta' l-ittikkettjar stabbiliti fl-Artikolu 5 u l-komportament tal-konsumatur. Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat b'xi proposti ta' emendi għal din id-Direttiva li l-Kummissjoni tqis meħtieġa biex tadattha għall-iżviluppi fil-qasam tal-prodotti tat-tabakk, sal-limitu meħtieġ għall-istabbilta u tħaddim tas-suq intern, u biex jingħata kont ta' xi żvilupp ġdid bażat fuq fatti xjentiċi u żviluppi dwar standards tal-prodott miftiehma internazzjonalment.

Artikolu 12

Lista komuni ta' ingredjenti

Fil-qafas ta' l-ewwel rapport riferit fl-Artikolu 11, l-aktar tard sal-31 ta' Diċembru 2004, u bil-ħsieb tal-funzjonament kif imiss tas-suq intern, il-Kummissjoni hija mistiedna li tibgħat, fuq il-bażi tat-tagħrif provdut skond l-Artikolu 6, proposta li tipprovdi għall-lista komuni ta' l-ingredjenti awtorizzati għall-prodotti tat-tabakk, waqt li jingħata kont, inter alia, tad-dipendenza tagħhom.

Artikolu 13

Importazzjoni, bejgħ u konsum ta' prodotti tat-tabakk

1. L-Istati Membri ma jistgħux, għall-konsiderazzjonijiet li jirrelataw mal-limitazzjoni tal-ħruġ tal-qatran, nikotina u carbon monoxide tas-sigarretti, għat-twissijiet tas-saħħa u indikazzjonijiet oħra jew għal ħtiġijiet oħra taħt din id-Direttiva, jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-importazzjoni, il-bejgħ jew konsum ta' prodotti tat-tabakk li jikkonformaw ma’ din id-Direttiva, ħlief għall-miżuri meħuda għall-għanijiet ta' verifikazzjoni tat-tagħrif provdut skond l-Artikolu 4.

2. Din id-Direttiva m'għandhiex teffettwa d-dritt ta' l-Istati Membri li jżommu jew jintroduċu, skond it-Trattat, regoli aktar iebsa dwar il-manufattura, importazzjoni, bejgħ u konsum ta' prodotti tat-tabakk li huma jqiesu meħtieġa biex jipproteġu s-saħħa pubblika, sal-limitu li dawk ir-regoli ma jippreġudikawx ir-regoli stabbiliti f'din id-Direttiva.

3. B'mod partikolari, l-Istati Membri jisgħu jipprovdu għall-projbizzjoni, sakemm tiġi stabbilita l-lista komuni ta' l-ingredjenti riferita fl-Artikolu 12, ta' l-użu ta' ingredjenti li jkollhom effett li jżidu l-proprjetajiet ta' dipendenza ta' prodotti tat-tabakk.

Artikolu 14

Implimentazzjoni

1. Mingħajr preġudizzju għall-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 15, l-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, regolament u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma’ din id-Direttiva sat-30 ta' Settembru 2002 l-aktar tard. Għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom riferenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu flimkien ma’ riferenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif għandha ssir ir-riferenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. Prodotti li ma jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva jistgħu jibqgħu jitpoġġew fis-suq sa’ sena wara d-data riferita fil-paragrafu 1.

3. B'deroga mill-paragrafu 2, prodotti ħlief għal sigarretti li ma jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva jistgħu jibqgħu jitpoġġew fis-suq għal sentejn wara d-data riferita fil-paragrafu 1.

4. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw mal-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jaddottaw fil-qasam regolat minn din id-Direttiva.

Artikolu 15

Imħassar

Id-Direttivi 89/622/KEE u 90/239/KEE huma b'dan imħassra, mingħajr preġudizzju għall-obbligazzjonijiet ta' l-Istati Membri dwar il-limiti ta' żmien għat-transpożizzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttivi elenkati f'L-Anness II.

Kull referenza għad-Direttivi mħassra għandhom jiftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta' korrelazzjoni f'L-Anness III.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Dan id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 17

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fil-Lussemburgu, fil-5 ta' Ġunju 2001.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

N. Fontaine

Għall-Kunsill

Il-President

L. Engqvist

[1] ĠU C 150 E, tat-30.5.2000, p. 43 u ĠU C 337 E, tat-28.11.2000, p. 177.

[2] ĠU C 140, tat-18.5.2000, p. 24.

[3] ĠU C 226, tat-8.8.2000, p. 5.

[4] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2000 (ĠU C 67, ta' l-1.3.2001, p. 150), Pożizzjoni komuni tal-Kunsill tal-31 ta' Lulju 2000 (ĠU C 300, ta' l-20.10.2000, p. 49.) u Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2000 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali). Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Mejju 2001 u Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l-14 ta' Mejju 2001.

[5] ĠU L 359, tat-8.12.1989, p. 1.

[6] ĠU L 158, tal-11.6.1992, p. 30.

[7] ĠU L 137, tat-30.5.1990, p. 36.

[8] l-Artikolu 26 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2075/92 tat-30 ta' Ġunju 1992 dwar l-organizzazzjoni komuni fis-suq tat-tabakk mhux maħdum (ĠU L 215, tat-30.7.1992, p. 70), kif emendat bir-Regolament (KE) 1636/98 tal-20 ta' Lulju 1998 (ĠU L 210, tat-28.7.1998, p. 23).

[9] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

Lista ta' twissijiet addizzjonali

(imsemmija fl-Artikolu 5(2)(b))

1. Min ipejjep imut żgħir.

2. It-tipjip jimblokka l-arterji u jikkawża attakki tal-qalb u puplesiji.

3. It-tipjip jikkawża kanċer fatali tal-pulmun.

4. It-tipjip waqt it-tqala jagħmel ħsara lit-tarbija tiegħek.

5. Ipproteġi t-tfal: Iġġielhomx jibilgħu id-duħħan tiegħek.

6. It-tabib jew l-ispiżjar tiegħek jista’ jgħinek tieqaf tpejjep.

7. It-tipjip jagħmlek dipendenti ħafna, tibdiex.

8. Jekk tieqaf tpejjep tnaqqas ir-riskju ta' mard fatali tal-qalb u tal-pulmun.

9. It-tipjip jista jikkawża mewt bil-mod u bl-uġigħ.

10. Fittex l-għajnuna biex tieqaf tpejjep: (telefon/indirizz postali/indirizz ta' l-internet/ikkonsulta mat-tabib/spiżjar tiegħek).

11. It-tipjip jista’ jnaqqas iċ-ċirkolazzjoni tad-demm u jikkawza l-impotenza.

12. It-tipjip ixejjaħ il-ġilda.

13. It-tipjip jista’ jagħmel ħsara lill-isperma u jnaqqas il-fertilità.

14. It-tipjip fih il-benzene, nitrosamines, formaldehyde u l-hydrogen cyanide.

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

Limiti ta' żmien għat-transpożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttivi mħassra

(riferiti fl-Artikolu 15)

Direttiva | Limiti ta' żmien għat-transpożizzjoni | Limiti ta' żmien għall-applikazzjoni |

89/622/KEE (ĠU L 359, tat-8.12.1989, p. 1) | fl-1 ta' Lulju 1990. | fil-31 ta' Diċembru 1991. |

fil-31 ta' Diċembru 1992. |

fil-31 ta' Diċembru 1993. |

90/239/KEE (ĠU L 137, tat-30.5.1990, p. 36) | fit-18 ta' Novembru 1991. | 31 ta' Diċembru 1992 |

31 ta' Diċembru 1997 |

31 ta' Diċembru 1992 |

31 ta' Diċembru 1998 |

31 ta' Diċembru 2000 |

31 ta' Diċembru 2006 |

92/41/KEE (ĠU L 158, tal-11.6.1992, p. 30) | fl-1 ta' Lulju 1992. | fl-1 ta' Lulju 1992. |

fl-1 ta' Jannar 1994. |

fil-31 ta' Diċembru 1994. |

--------------------------------------------------

ANNEX III

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

DIN ID-DIRETTIVA | Direttiva 89/622/KEE kif emendata bid-Direttiva 92/41/KEE | Direttiva 90/239/KEE |

L-Artikolu 1 | L-Artikolu 1 | L-Artikolu 1 |

L-Artikolu 2(1), (2) u (3) | L-Artikolu 2(1), (2) u (3) | L-Artikolu 2(1) |

L-Artikolu 2(4) | L-Artikolu 2(4) | |

L-Artikolu 2(5) | | |

L-Artikolu 3(1) | | L-Artikolu 2(2) |

L-Artikolu 3(3) | | L-Artikolu 2(3) |

L-Artikolu 4(1), l-ewwel subparagrafu | L-Artikolu 3(1) | L-Artikolu 3 u 4 |

L-Artikolu 4(1), it-tieni subparagrafu | L-Artikolu 3(2) | |

L-Artikolu 4(2) sa' (5) | | |

L-Artikolu 5(1) | L-Artikolu 3(3) | |

L-Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu | L-Artikolu 4(1) | |

L-Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu, (a) | L-Anness I | |

L-Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu, (b) | L-Artikolu 4(2a)(a) | |

L-Artikolu 5(2), it-tieni subparagrafu | | |

L-Artikolu 5(4) | | |

L-Artikolu 5(5), l-ewwel subparagrafu | L-Artikolu 4(4) | |

L-Artikolu 5(5), it-tieni subparagrafu | L-Artikolu 4(4) | |

L-Artikolu 5(6) | | |

L-Artikolu 5(7) | L-Artikolu 4(5) | |

L-Artikolu 5(8) | | |

L-Artikolu 5(9) | | |

L-Artikolu 6 | | |

L-Artikolu 7 | | |

L-Artikolu 8 | L-Artikolu 8(a) | |

L-Artikolu 9 | | |

L-Artikolu 10 | | |

L-Artikolu 11 | | |

L-Artikolu 12 | | |

L-Artikolu 13(1) | L-Artikolu 8(1) | L-Artikolu 7(1) |

L-Artikolu 13(2) | L-Artikolu 8(2) | L-Artikolu 7(2) |

L-Artikolu 14(1) | L-Artikolu 9(1) | L-Artikolu 8(1) |

L-Artikolu 14(2) | L-Artikolu 9(2) | L-Artikolu 8(2) |

L-Artikolu 14(3) | L-Artikolu 9(1) | L-Artikolu 8(3) |

L-Artikolu 15 | | |

L-Artikolu 16 | | |

L-Artikolu 17 | L-Artikolu 10 | L-Artikolu 9 |

L-Anness I | L-Anness I | |

L-Anness II | | |

L-Anness III | | |

--------------------------------------------------