6.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 107/1


DIRETTIVA TAL-KUNSILL (UE) 2022/542

tal-5 ta’ April 2022

li temenda d-Direttivi 2006/112/KE u (UE) 2020/285 fir-rigward tar-rati tat-taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)

Ir-regoli dwar ir-rati tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) kif inhuma previsti fid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (3) għandhom l-għan li jippreservaw il-funzjonament tas-suq intern u li jevitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Dawk ir-regoli tfasslu aktar minn għoxrin sena ilu abbażi tal-prinċipju tal-oriġini. Fil-komunikazzjonijiet tagħha tas-7 ta’ April 2016 dwar pjan ta’ azzjoni dwar il-VAT - Lejn żona unika tal-VAT fl-UE - Iż-żmien biex niddeċiedu, u tal-4 ta’ Ottubru 2017 dwar is-segwitu għall-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT - Lejn żona unika tal-VAT fl-UE - Wasal iż-żmien li naġixxu, il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li taġġusta dawk ir-regoli għal sistema definittiva tal-VAT għall-kummerċ transfruntier minn negozju għal negozju f’merkanzija bejn l-Istati Membri li tkun ibbażata fuq it-tassazzjoni fl-Istat Membru tad-destinazzjoni.

(2)

B’sistema fejn il-provvista ta’ merkanzija u servizzi tkun intaxxata fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni, il-fornituri ma jieħdu l-ebda benefiċċju jekk ikunu stabbiliti fi Stat Membru li jkollu rati aktar baxxi tal-VAT. B’sistema bħal din, diversità akbar fir-rati tal-VAT ma tfixkilx il-funzjonament tas-suq intern u lanqas toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. F’dawk iċ-ċirkostanzi jkun xieraq li tingħata aktar flessibilità lill-Istati Membri fl-iffissar tar-rati.

(3)

Il-merkanzija u s-servizzi eliġibbli għal rati mnaqqsa jenħtieġ li jimmiraw li jkunu ta’ benefiċċju lill-konsumatur finali u jsegwu objettivi ta’ interess ġenerali. Sabiex tiġi evitata kumplessità bla bżonn u żieda sussegwenti fl-ispejjeż tan-negozju, b’mod partikolari għall-kummerċ intra-Komunitarju, ladarba l-Istati Membri jagħżlu tali merkanzija u servizzi kif xieraq, ir-rati mnaqqsa normalment ikunu applikabbli tul il-katina kummerċjali kollha.

(4)

Il-qafas legali li jippermetti l-applikazzjoni ta’ rati mnaqqsa jenħtieġ li jkun ġeneralment koerenti ma’ politiki oħra tal-Unjoni bħar-Regolament (UE) 2021/522 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew. Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw rati mnaqqsa għat-tisħiħ tar-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa tagħhom, huwa xieraq li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-merkanzija u s-servizzi meqjusa bħala essenzjali biex tiġi appoġġata l-provvista tal-kura tas-saħħa u biex jiġu kkumpensati u jingħelbu d-diżabbiltajiet. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jingħataw il-possibbiltà li jikkontribwixxu għal ekonomija newtrali għall-klima u ekoloġika billi japplikaw rati mnaqqsa fuq provvisti li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent filwaqt li, fl-istess ħin, iħejju t-tneħħija gradwali tat-trattament preferenzjali eżistenti ta’ provvisti li jagħmlu ħsara lill-ambjent.

(5)

L-Istati Membri kollha għandhom jiġu ttrattati b’mod ugwali u għalhekk jenħtieġ li jingħataw l-istess possibbiltajiet biex japplikaw rati mnaqqsa, li madankollu jenħtieġ li tibqa’ eċċezzjoni għar-rata standard. Tali trattament ugwali jista’ jinkiseb billi l-Istati Membri kollha jkunu jistgħu japplikaw għall-merkanzija u s-servizzi eliġibbli, f’limiti definiti, massimu ta’ żewġ rati mnaqqsa ta’ minimu ta’ 5 %, rata mnaqqsa inqas mill-minimu ta’ 5 % u eżenzjoni bid-dritt li titnaqqas il-VAT tal-input.

(6)

B’kont meħud tal-ħtieġa li tiġi evitata l-proliferazzjoni ta’ rati mnaqqsa għal raġunijiet baġitarji u l-prinċipju ta’ trattament ugwali, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew japplikaw rati mnaqqsa mhux inqas mill-minimu ta’ 5 % għall-provvista ta’ merkanzija jew servizzi koperti għal massimu ta’ 24 punt fl-Anness III għad-Direttiva 2006/112/KE. Għall-istess raġunijiet, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu liberi li japplikaw rata mnaqqsa aktar baxxa mill-minimu ta’ 5 % u eżenzjoni bid-dritt li titnaqqas il-VAT tal-input, iżda biss għall-provvista ta’ merkanzija jew servizzi koperti għal massimu ta’ seba’ punti fl-Anness III għad-Direttiva 2006/112/KE li huma jkunu għażlu fost il-provvista ta’ merkanzija u s-servizzi kkunsidrati biex ikopru l-ħtiġijiet bażiċi, jiġifieri dawk relatati mal-provvista ta’ ikel, ilma, mediċini, prodotti farmaċewtiċi, prodotti tas-saħħa u l-iġjene, it-trasport ta’ persuni u ċerti oġġetti kulturali (kotba, gazzetti u perjodiċi), jew fost provvisti oħra ta’ merkanzija u servizzi elenkati fl-Anness III għad-Direttiva 2006/112/KE li għalihom Stati Membri oħra japplikaw rati mnaqqsa aktar baxxi mill-minimu ta’ 5 % jew eżenzjonijiet bid-dritt li titnaqqas il-VAT tal-input, sakemm huma jirrispettaw l-iskadenzi applikabbli. Huwa xieraq li l-Istati Membri li diġà qed japplikaw tali rati mnaqqsa jew eżenzjonijiet jingħataw iż-żmien meħtieġ biex jadattaw għal dawk il-limiti.

(7)

Huwa xieraq li jiġu inklużi pannelli solari fost dawk is-seba’ punti f’konformità mal-impenji ambjentali tal-Unjoni dwar id-dekarbonizzazzjoni u mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, kif ukoll biex l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jippromwovu l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli anke permezz ta’ rati mnaqqsa tal-VAT. Sabiex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni lejn l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u biex titrawwem l-awtosuffiċjenza tal-Unjoni fir-rigward tal-enerġija, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jitħallew itejbu l-aċċess tal-konsumaturi finali għal sorsi ta’ enerġija ekoloġiċi.

(8)

L-eżerċizzju ta’ kwalunkwe waħda minn dawk l-għażliet t minn Stat Membru jenħtieġ li jinftiehem bħala li jikkostitwixxi miżura inkorporata fil-loġika tas-sistema tar-rati tal-VAT, u adottata għal raġunijiet soċjali definiti b’mod ċar għall-benefiċċju tal-konsumatur finali jew fl-interess ġenerali.

(9)

Flimkien mar-regoli ġenerali dwar ir-rati tal-VAT, hemm għadd ta’ derogi eżistenti li jippermettu lil ċerti Stati Membri japplikaw rati aktar baxxi. Dawk ir-rati aktar baxxi huma ġġustifikati minn karatteristiċi ġeografiċi speċifiċi jew minn raġunijiet soċjali li huma għall-benefiċċju tal-konsumatur finali jew li huma fl-interess ġenerali. Rati aktar baxxi bħal dawn jistgħu jkunu rilevanti għal Stati Membri oħra. F’konformità mal-prinċipju ta’ trattament ugwali, huwa għalhekk xieraq li tiġi prevista għażla, miftuħa għall-Istati Membri kollha, li jiġu applikati rati aktar baxxi għall-istess merkanzija u servizzi bħal dawk li għalihom japplikaw rati aktar baxxi fi Stati Membri oħra u taħt l-istess kondizzjonijiet. Sabiex jikkonformaw mal-limitu ta’ seba’ punti ta’ hawn fuq, l-Istati Membri li kienu qed japplikaw tali rati aktar baxxi għal provvisti ta’ merkanzija jew servizzi koperti għal aktar minn seba’ punti fl-Anness III għad-Direttiva 2006/112/KE, fl-1 ta’ Jannar 2021 jenħtieġ li jillimitaw l-applikazzjoni ta’ rati mnaqqsa li huma inqas mill-minimu ta’ 5 % u l-għoti ta’ eżenzjonijiet bid-dritt li titnaqqas il-VAT tal-input għal provvisti ta’ merkanzija jew servizzi koperti għal seba’ punti fl-Anness III għad-Direttiva 2006/112/KE sal-1 ta’ Jannar 2032 jew saż-żmien tal-adozzjoni tal-arranġamenti definittivi, skont liema jiġi l-ewwel. Dawk l-emendi msemmija ma jaffettwawx l-arranġamenti għal derogi li jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet mingħajr id-dritt li titnaqqas il-VAT tal-input mogħtija fl-Anness X għad-Direttiva 2006/112/KE.

(10)

Barra minn hekk, għadd ta’ derogi oħra bħalissa jippermettu lil ċerti Stati Membri japplikaw rati mnaqqsa mhux inqas minn 12 % għal merkanzija u servizzi mhux elenkati fl-Anness III għad-Direttiva 2006/112/KE. Minħabba l-prossimità f’termini tal-livell ta’ dawk ir-rati mnaqqsa għar-rata standard u f’konformità mal-prinċipju ta’ trattament ugwali, huwa xieraq li tiġi prevista għażla, miftuħa għall-Istati Membri kollha, li jiġu applikati rati mnaqqsa mhux inqas minn 12 % għall-istess merkanzija u servizzi bħal dawk li għalihom jiġu applikati rati mnaqqsa ta’ mhux inqas minn 12 % fi Stati Membri oħra u taħt l-istess kondizzjonijiet.

(11)

Jenħtieġ li Stati Membri oħra jkunu jistgħu japplikaw rati mnaqqsa ta’ mhux inqas minn 12 % fuq provvisti ta’ merkanzija u servizzi mhux elenkati fl-Anness III għad-Direttiva 2006/112/KE u rati mnaqqsa ta’ inqas minn 5 % u eżenzjonijiet bid-dritt li titnaqqas il-VAT tal-input fuq provvista ta’ merkanzija u servizzi koperti għal kwalunkwe punt tal-Anness III għad-Direttiva 2006/112/KE minbarra l-punti (1) sa (6) u (10c), sakemm jiġu rispettati l-istruttura tar-rati tal-VAT prevista f’din id-Direttiva u l-kondizzjonijiet korrispondenti applikati mill-Istati Membri b’rati mnaqqsa jew eżenzjonijiet bid-dritt li titnaqqas il-VAT tal-input fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2021. Dawk l-Istati Membri l-oħra jenħtieġ li jinkludu Stati Membri li attwalment japplikaw rati mnaqqsa u eżenzjonijiet bid-dritt li titnaqqas il-VAT tal-input u jixtiequ japplikaw rati mnaqqsa mhux aktar baxxi minn 12 % fuq il-provvisti ta’ merkanzija u servizzi mhux elenkati fl-Anness III għad-Direttiva 2006/112/KE, rati mnaqqsa ta’ inqas minn 5 % jew eżenzjonijiet bid-dritt li titnaqqas il-VAT tal-input fuq provvisti oħra ta' merkanzija u servizzi minbarra dawk li huma japplikaw bħalissa.

(12)

L-Istati Membri li kienu qed japplikaw rati mnaqqsa jew kienu qed jagħtu eżenzjonijiet bid-dritt li jnaqqsu l-VAT tal-input abbażi ta’ derogi fl-1 ta’ Jannar 2021 jenħtieġ li jikkomunikaw lill-Kumitat tal-VAT id-dispożizzjonijiet u l-kondizzjonijiet ewlenin tad-derogi fil-liġi nazzjonali tagħhom applikati fl-1 ta’ Jannar 2021 u li l-aċċess għalihom ser jinfetaħ għal Stati Membri oħra. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u jkun hemm aċċess ugwali għal dawk id-derogi għall-Istati Membri kollha, u abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri kkonċernati sal-iskadenza stabbilita, il-Kummissjoni ser tħejji u tqassam lill-Istati Membri kollha lista sħiħa tal-merkanzija u s-servizzi li għalihom jiġu applikati tali rati mnaqqsa jew eżenzjonijiet minnufih wara li tirċievi dik l-informazzjoni. Il-konformità mill-Istati Membri mal-iskadenza għall-komunikazzjoni ta’ dik l-informazzjoni hija essenzjali biex jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha jkollhom aċċess ugwali għad-derogi.

(13)

Abbażi tal-informazzjoni mqassma mill-Kummissjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu japplikaw rati mnaqqsa u eżenzjonijiet bid-dritt li titnaqqas il-VAT tal-input fuq il-provvisti ta’ merkanzija u servizzi li fuqhom Stati Membri oħra japplikaw tali rati u eżenzjonijiet, dment li jiġu applikati rati mnaqqsa u eżenzjonijiet bl-istess kondizzjonijiet bħal dawk applikabbli fl-Istati Membri li diġà japplikaw dawk ir-rati u l-eżenzjonijiet. Għall-eżerċizzju ta’ dawk l-għażliet, l-Istati Membri jenħtieġ li jadottaw regoli dettaljati u jikkomunikaw it-test tad-dispożizzjonijiet adottati lill-Kumitat tal-VAT. Abbażi ta’ dik il-komunikazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Kunsill b’lista komprensiva li tindika l-merkanzija u s-servizzi li l-Istati Membri japplikaw rati mnaqqsa u eżenzjonijiet għalihom bid-dritt li titnaqqas il-VAT tal-input.

(14)

Meta titqies il-ħtieġa li tiġi modernizzata u aġġornata l-lista ta’ merkanzija u servizzi eliġibbli għal rati mnaqqsa, jenħtieġ li d-Direttiva 2006/112/KE tiġi emendata biex tippermetti l-applikazzjoni ta’ rati mnaqqsa għal objettivi speċifiċi tal-politika soċjali, biex tiġi żgurata ċ-ċarezza, u biex jittieħed kont tal-prinċipju tan-newtralità, jiġifieri, billi jiġi żgurat l-istess trattament, f’termini ta’ rati tal-VAT, għall-kiri jew il-lokazzjoni u l-provvista ta’ ċertu merkanzija.

(15)

Sabiex l-Istati Membri jingħataw il-possibbiltà li jappoġġaw it-tranżizzjoni lejn l-użu ta’ sistemi tat-tisħin li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u f’konformità mal-impenji ambjentali tal-Unjoni dwar id-dekarbonizzazzjoni, il-possibbiltà għall-Istati Membri biex japplikaw rata mnaqqsa fuq il-provvista u l-installazzjoni ta’ sistemi tat-tisħin b’emissjonijiet baxxi u effiċjenti ħafna li jissodisfaw il-kriterji tal-leġiżlazzjoni ambjentali jenħtieġ li tiġi inkluża fl-Anness III għad-Direttiva 2006/112/KE.

(16)

Id-diġitalizzazzjoni għandha rwol ewlieni fil-ħolqien tal-valur u fit-trawwim tal-kompetittività. L-Indiċi tal-Ekonomija u tas-Soċjetà Diġitali jkejjel u jikklassifika l-prestazzjoni diġitali tal-Istati Membri abbażi ta’ indikaturi predefiniti, li juru diskrepanzi sinifikanti fl-iżvilupp diġitali. Sabiex tingħeleb il-kopertura fqira tas-servizzi tal-aċċess għall-Internet u bil-ħsieb li jiġi promoss l-iżvilupp tagħhom, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw rata mnaqqsa għal servizzi bħal dawn. L-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa għas-servizzi tal-aċċess għall-Internet jenħtieġ li tkun imfassla għall-objettivi stabbiliti fil-politika nazzjonali dwar id-diġitalizzazzjoni u, għaldaqstant, limitata fil-kamp ta’ applikazzjoni. F’konformità mar-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), is-servizzi tal-aċċess għall-Internet jipprovdu konnettività iżda ma jestendux għall-kontenut ipprovdut permezz tal-Internet.

(17)

Barra minn hekk, fid-dawl tat-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija, jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri li jipprevedu l-istess trattament għall-attivitajiet, inkluż avvenimenti, li jixxandru bi streaming dirett bħal dawk li, meta wieħed jattendi għalihom fiżikament, ikunu eliġibbli għal rati mnaqqsa.

(18)

Sabiex tiġi żgurata tassazzjoni fl-Istat Membru tal-konsum, huwa meħtieġ li s-servizzi kollha li jistgħu jiġu fornuti lil klijent b’mezzi elettroniċi jkunu taxxabbli fil-post fejn ikun stabbilit il-klijent, fejn ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġu modifikati r-regoli li jirregolaw il-post tal-provvista tas-servizzi relatati ma’ tali attivitajiet.

(19)

Sabiex tiġi pprovduta ċertezza legali, huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li fil-każ ta’ organizzazzjonijiet iddedikati għall-benesseri soċjali huma l-attività ġenerali u l-objettivi tal-organizzazzjoni kollha kemm hi, indipendentement mill-benefiċjarju finali tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, li jenħtieġ li jiġu kkunsidrati meta jiġu vvalutati r-rekwiżiti għall-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa.

(20)

Barra minn hekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2006/112/KE tiġi emendata sabiex tippermetti l-applikazzjoni ta’ rati mnaqqsa f’għadd limitat ta’ sitwazzjonijiet speċifiċi għal raġunijiet soċjali, għall-benefiċċju tal-konsumatur finali u biex jintlaħaq objettiv ta’ interess ġenerali. Għalhekk, il-lista ta’ merkanzija u servizzi eliġibbli għal rati mnaqqsa fl-Anness III għad-Direttiva 2006/112/KE jenħtieġ li tiġi estiża biex tinkludi għadd limitat ta’ derogi eżistenti bħal dawn.

(21)

Il-pandemija tal-COVID-19 uriet li hemm bżonn li d-Direttiva 2006/112/KE tiġi adattata biex il-qafas legali jkun lest biex jindirizza kriżijiet futuri u, għalhekk, biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jirreaġixxu malajr għal ċirkostanzi eċċezzjonali bħal pandemiji, kriżijiet umanitarji u diżastri naturali. Għal dak il-għan, l-Istati Membri li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni biex japplikaw eżenzjoni mill-VAT fuq merkanzija importata għall-benefiċċju ta’ vittmi ta’ diżastri jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li japplikaw, taħt l-istess kondizzjonijiet, eżenzjoni bid-dritt ta’ tnaqqis tal-VAT tal-input fir-rigward ta’ akkwisti intra-Komunitarji u provvisti domestiċi ta’ dik il-merkanzija u ta’ servizzi relatati ma’ tali merkanzija, lill-korpi eliġibbli għalihom biex ikunu jistgħu jgħinu lill-vittmi ta’ tali diżastri. Jekk il-kondizzjonijiet għall-eżenzjonijiet ma jibqgħux jiġu ssodisfati, il-forniment ta’ tali merkanzija u servizzi jenħtieġ li jkun soġġett għall-VAT.

(22)

Minħabba li l-objettivi ewlenin ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-aġġornament tal-lista ta’ merkanzija u servizzi eliġibbli għal rati mnaqqsa u l-istabbiliment tar-raġunijiet biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkollhom aċċess ugwali għall-applikazzjoni ta’ rati mnaqqsa ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-limitazzjonijiet eżistenti, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(23)

Id-Direttiva 2006/112/KE ġiet emendata mid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 (6). Minħabba l-istruttura differenti tar-rati tal-VAT prevista f’din id-Direttiva, ir-referenzi fid-Direttiva (UE) 2020/285 jeħtieġ li jiġu emendati.

(24)

F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni (7), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jżidu man-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom, f’każijiet ġustifikati, dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet ekwivalenti tal-istrumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ dawk id-dokumenti hija ġustifikata.

(25)

Għaldaqstant jenħtieġ li d-Direttivi 2006/112/KE u (UE) 2020/285 jiġu emendati skont dan,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2006/112/KE

Id-Direttiva 2006/112/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 53, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Dan l-Artikolu ma għandux japplika għall-ammissjoni għall-avvenimenti msemmija fl-ewwel paragrafu fejn l-attendenza tkun virtwali.”;

(2)

fl-Artikolu 54(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Fejn is-servizzi u s-servizz anċillari huma relatati ma’ attivitajiet li jixxandru jew li jkunu magħmula disponibbli virtwalment, il-post tal-provvista għandu, madankollu, ikun il-post fejn il-persuna mhux taxxabbli hija stabbilita, għandha l-indirizz permanenti tagħha jew normalment tirrisjedi.”;

(3)

fl-Artikolu 59a, il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja, in-nontassazzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, l-Istati Membri jistgħu, fir-rigward tas-servizzi li l-post tal-provvista tagħhom hu rregolat mill-Artikoli 44 u 45, Artikolu 54 (1), it-tieni subparagrafu, u Artikoli 56, 58 u 59:”;

(4)

fl-Artikolu 81, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-Istati Membri li, fl-1 ta’ Jannar 1993, ma kinux qed jagħmlu użu mill-għażla skont l-Artikolu 98 li japplikaw rata mnaqqsa jistgħu, jekk jagħmlu użu mill-għażla skont l-Artikolu 89, jipprevedu li fir-rigward tal-provvista ta’ xogħlijiet tal-arti, kif imsemmija fl-Anness III, punt (26), l-ammont taxxabli għandu jkun daqs frazzjoni tal-ammont iddeterminat f’konformità mal-Artikoli 73, 74, 76, 78 u 79.”;

(5)

L-Artikolu 94 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Ir-rata applikabbli għall-importazzjoni ta’ merkanzija għandha tkun dik applikata għall-provvista ta’ merkanzija simili fit-territorju tal-Istat Membru.”;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   B’deroga mill-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri li japplikaw rata standard għall-provvista ta’ xogħlijiet tal-arti, oġġetti tal-kollezzjoni u antikitajiet elenkati fl-Anness IX, il-Partijiet A, B u C, jistgħu japplikaw rata mnaqqsa kif previst fl-Artikolu 98(1), l-ewwel subparagrafu, għall-importazzjoni ta’ dik il-merkanzija fit-territorju tal-Istat Membru.”;

(6)

L-Artikolu 98 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 98

1.   L-Istati Membri jistgħu japplikaw massimu ta’ żewġ rati mnaqqsa.

Ir-rati mnaqqsa għandhom jiġu ffissati bħala persentaġġ tal-ammont taxxabbli, li m’għandux ikun inqas minn 5 % u għandhom japplikaw biss għal provvisti tal-kategoriji ta’ merkanzija u servizzi speċifikati fl-Anness III.

L-Istati Membri jistgħu japplikaw ir-rati mnaqqsa għal provvisti ta’ merkanzija jew servizzi koperti għal massimu ta’ 24 punt fl-Anness III.

2.   L-Istati Membri jistgħu, flimkien maż-żewġ rati mnaqqsa msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, japplikaw rata mnaqqsa aktar baxxa mill-minimu ta’ 5 % u eżenzjoni bil-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT imħallsa fl-istadju preċedenti għal provvisti ta’ merkanzija jew servizzi koperti għal massimu ta’ seba’ punti fl-Anness III.

Ir-rata mnaqqsa aktar baxxa mill-minimu ta’ 5 % u l-eżenzjoni bil-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT imħallsa fl-istadju ta’ qabel l-adeżjoni jistgħu jiġu applikati biss għall-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi koperti fil-punti li ġejjin tal-Anness III:

(a)

il-punti (1) sa (6) u (10c);

(b)

kwalunkwe punt ieħor tal-Anness III li jaqa’ taħt l-għażliet previsti fl-Artikolu 105a(1).

Għall-finijiet tal-punt (b) tat-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, it-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw l-akkomodazzjoni msemmija fl-Artikolu 105a(1), it-tieni subparagrafu, għandhom jitqiesu li jaqgħu taħt l-Anness III, punt (10).

L-Istati Membri li japplikaw, fl-1 ta’ Jannar 2021, rati mnaqqsa aktar baxxi mill-minimu ta’ 5 % jew li jagħtu eżenzjonijiet bil-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT imħallsa fl-istadju ta’ qabel għal provvista ta’ merkanzija jew servizzi koperti f’aktar minn seba’ punti fl-Anness III, għandhom jillimitaw l-applikazzjoni ta’ dawk ir-rati mnaqqsa jew l-għotja ta’ dawk l-eżenzjonijiet biex jikkonformaw mal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu sal-1 ta’ Jannar 2032 jew sal-adozzjoni tal-arranġamenti definittivi msemmija fl-Artikolu 402, skont liema minnhom tiġi l-ewwel. L-Istati Membri għandhom ikunu liberi li jiddeterminaw għal liema provvisti ta’ merkanzija jew servizzi ser ikomplu japplikaw dawk ir-rati mnaqqsa jew jagħtu dawk l-eżenzjonijiet.

3.   Ir-rati mnaqqsa u l-eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw għal servizzi pprovduti elettronikament, ħlief għal dawk elenkati fl-Anness III, punti (6), (7), (8) u (13).

4.   Meta japplikaw ir-rati mnaqqsa u l-eżenzjonijiet previsti f’din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jużaw in-Nomenklatura Magħquda jew il-klassifikazzjoni statistika tal-prodotti skont l-attività, jew it-tnejn, biex jistabbilixxu l-kopertura preċiża tal-kategorija kkonċernata.”;

(7)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 98a

Ir-rati mnaqqsa u l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 98(1) u (2) ma għandhomx japplikaw għal provvisti ta’ xogħlijiet tal-arti, oġġetti tal-kollezzjoni u antikitajiet li għalihom qed jiġu applikati l-arranġamenti speċjali tat-Titolu XII, Kapitolu 4.”;

(8)

L-Artikolu 99 jitħassar.

(9)

L-Artikolu 100 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 100

Sal-31 ta’ Diċembru 2028 u kull ħames snin minn din id-data, il-Kummissjoni għandha tressaq rapport lill-Kunsill dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Anness III, flimkien ma’ kwalunkwe proposta xierqa, fejn meħtieġ.”;

(10)

L-Artikolu 101 jitħassar;

(11)

fit-Titlu VIII, Kapitolu 2, tiddaħħal it-Taqsima li ġejja:

Taqsima 2a

Sitwazzjonijiet eċċezzjonali

Artikolu 101a

1.   Fejn tkun ingħatat awtorizzazzjoni lil Stat Membru mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 53, l-ewwel paragrafu, tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/132/KE (*1) biex tiġi applikata eżenzjoni fuq merkanzija importati għall-benefiċċju ta’ vittmi ta’ diżastri, dak l-Istat Membru jista’ jagħti eżenzjoni bil-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT imħallsa fl-istadju preċedenti taħt l-istess kondizzjonijiet, fir-rigward tal-akkwisti intra-Komunitarji u l-provvista ta’ dik il-merkanzija u servizzi relatati ma’ tali merkanzija, inkluż servizzi ta’ kiri.

2.   Stat Membru li jixtieq japplika l-miżura msemmija fil-paragrafu 1 għandu jinforma lill-Kumitat tal-VAT.

3.   Meta merkanzija jew servizzi akkwistati mill-organizzazzjonijiet li jibbenefikaw mill-eżenzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jintużaw għal finijiet oħra għajr dawk previsti fit-Titolu VIII, Kapitolu 4, tad-Direttiva 2009/132/KE, l-użu ta’ tali merkanzija jew servizzi għandu jkun soġġett għall-VAT skont il-kondizzjonijiet applikabbli fil-mument meta l-kondizzjonijiet għall-eżenzjoni ma jibqgħux issodisfati.”;

(*1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/132/KE tad-19 ta’ Ottubru 2009 li tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 143(b) u (c) tad-Direttiva 2006/112/KE dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni finali ta’ ċerti oġġetti (ĠU L 292, 10.11.2009, p. 5).”;"

(12)

L-Artikoli 102 u 103 jitħassru;

(13)

L-Artikolu 104 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 104

1.   L-Awstrija tista’, fil-komuni ta’ Jungholz u Mittelberg (Kleines Walsertal), tapplika it-tieni rata normali li tkun aktar baxxa mir-rata korrispondenti applikata fil-kumplament tal-Awstrija imma mhux anqas minn 15 %.

2.   Il-Greċja tista’ tapplika rati sa 30 % aktar baxxi mir-rati korrispondenti applikati fil-Greċja kontinentali fid-dipartimenti ta’ Lesbos, Chios, Samos, id-Dodecanese u s-Cyclades, u fuq il-gżejjer ta’ Thassos, l-Isporades tat-Tramuntana, Samothrace u Skiros.

3.   Il-Portugall jista’, fil-każ tat-tranżazzjonijiet imwettqa fir-reġjuni awtonomi tal-Azores u ta’ Madeira u fil-każ tal-importazzjoni diretta f’dawk ir-reġjuni, japplika rati aktar baxxi minn dawk li japplikaw fil-pajjiż kontinentali.

4.   Il-Portugall jista’ japplika waħda miż-żewġ rati mnaqqsa previsti fl-Artikolu 98(1) għan-nollijiet fuq il-pontijiet fiż-żona ta’ Lisbona.”;

(14)

Artikoli 104a u 105 jitħassru;

(15)

jiddaħħalu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 105a

1.   L-Istati Membri li, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, fl-1 ta’ Jannar 2021, kienu qed japplikaw rati mnaqqsa aktar baxxi mill-minimu stabbilit fl-Artikolu 98(1) jew kienu qed jagħtu eżenzjonijiet bil-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT imħallsa fl-istadju preċedenti, għall-provvista tal-merkanzija jew is-servizzi elenkati fil-punti minbarra l--Anness III, punti (1) sa (6) u (10c), jistgħu, f’konformità mal-Artikolu 98(2), ikomplu japplikaw dawk ir-rati mnaqqsa jew jagħtu dawk l-eżenzjonijiet, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

L-Istati Membri li, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, fl-1 ta’ Jannar 2021, kienu qed japplikaw rati mnaqqsa aktar baxxi mill-minimu stabbilit fl-Artikolu 98(1) għal tranżazzjonijiet li jikkonċernaw akkomodazzjonijiet li ma jkunux parti minn politika soċjali, jistgħu, f’konformità mal-Artikolu 98(2), ikomplu japplikaw dawk ir-rati mnaqqsa.

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kumitat tal-VAT it-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali u l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-rati mnaqqsa u l-eżenzjonijiet relatati mal-Artikolu 98(2), it-tieni subparagrafu, punt (b), mhux aktar tard mis-7 ta’ Lulju 2022.

Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, rati mnaqqsa aktar baxxi mill-minimu stabbilit fl-Artikolu 98(1), jew eżenzjonijiet bil-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT imħallsa fl-istadju preċedenti jistgħu jiġu applikati minn Stati Membri oħra, f’konformità mal-Artikolu 98(2), l-ewwel subparagrafu, għall-istess provvisti ta’ merkanzija jew servizzi bħal dawk imsemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ dan il-paragrafu u taħt l-istess kondizzjonijiet bħal dawk applikabbli fl-1 ta’ Jannar 2021 fl-Istati Membri msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ dan il-paragrafu.

2.   L-Istati Membri li, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, fl-1 ta’ Jannar 2021, kienu qed japplikaw rati mnaqqsa aktar baxxi minn 12 %, inkluż rati mnaqqsa aktar baxxi mill-minimu stabbilit fl-Artikolu 98(1), jew kienu qed jagħtu eżenzjonijiet bil-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT imħallsa fl-istadju preċedenti, għall-provvista ta’ merkanzija jew servizzi għajr dawk elenkati fl-Anness III, jistgħu, f’konformità mal-Artikolu 98(1) u (2), ikomplu japplikaw dawk ir-rati mnaqqsa jew jagħtu dawk l-eżenzjonijiet sal-1 ta’ Jannar 2032 jew sal-adozzjoni tal-arranġamenti definittivi msemmija fl-Artikolu 402, skont liema minnhom isseħħ l-ewwel, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

3.   L-Istati Membri li, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, fl-1 ta’ Jannar 2021, kienu qed japplikaw rati mnaqqsa ta’ mhux inqas minn 12 % għall-provvista ta’ merkanzija jew servizzi għajr dawk elenkati fl-Anness III, jistgħu, f’konformità mal-Artikolu 98(1), l-ewwel subparagrafu, ikomplu japplikaw dawk ir-rati mnaqqsa, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kumitat tal-VAT it-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali u l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-rati mnaqqsa msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu mhux aktar tard mis-7 ta’ Lulju 2022.

Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, rati mnaqqsa ta’ mhux inqas minn 12 % jistgħu jiġu applikati minn Stati Membri oħra, f’konformità mal-Artikolu 98(1), l-ewwel subparagrafu, għall-istess provvista ta’ merkanzija jew servizzi bħal dawk imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u taħt l-istess kondizzjonijiet bħal dawk li jibdew japplikaw fl-1 ta’ Jannar 2021 fl-Istati Membri msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

4.   B’deroga mill-paragrafi 1, 2 u 3, ir-rati mnaqqsa jew l-eżenzjonijiet bil-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT imħallsa fl-istadju preċedenti fuq il-fjuwils fossili, oġġetti oħra b’impatt simili fuq l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, bħall-pit, u l-injam użat bħala ħatab għan-nar għandhom jieqfu japplikaw sal-1 ta’ Jannar 2030. Ir-rati mnaqqsa jew l-eżenzjonijiet bil-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT imħallsa fl-istadju preċedenti fuq il-pestiċidi kimiċi u l-fertilizzanti kimiċi għandhom jieqfu milli japplikaw sal-1 ta’ Jannar 2032.

5.   L-Istati Membri li, f’konformità mar-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 105b, jixtiequ japplikaw ir-rati mnaqqsa ta’ mhux inqas minn 12 %, ir-rati mnaqqsa aktar baxxi mill-minimu stabbilit fl-Artikolu 98(1), jew l-eżenzjonijiet bil-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT imħallsa fl-istadju preċedenti, sas-7 ta’ Ottubru 2023, għandhom jadottaw ir-regoli dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ dawk l-opzjonijiet. Huma għandhom jikkomunikaw lill-Kumitat tal-VAT it-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jkunu adottaw.

6.   Sal-1 ta’ Lulju 2025, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Kunsill rapport b’lista komprensiva li tindika l-merkanzija u s-servizzi msemmija fil-paragrafi 1 u 3 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 105b li għalihom japplikaw ir-rati mnaqqsa fl-Istati Membri, inkluż ir-rati mnaqqsa aktar baxxi mill-minimu stabbilit fl-Artikolu 98(1), jew l-eżenzjonijiet bil-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT imħallsa fl-istadju preċedenti.

Artikolu 105b

L-Istati Membri li, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, fl-1 ta’ Jannar 2021, kienu qed japplikaw rati mnaqqsa mhux inqas mill-minimu ta’ 5 % għal tranżazzjonijiet li jikkonċernaw akkomodazzjoni li ma tkunx parti minn politika soċjali, jistgħu, f’konformità mal-Artikolu 98(1), l-ewwel subparagrafu, ikomplu japplikaw dawk ir-rati mnaqqsa. F’każ bħal dan, ir-rati mnaqqsa li jiġu applikati għal tali tranżazzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2042 ma għandhiex tkun inqas minn 12 %.

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kumitat tal-VAT it-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali u l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-rati mnaqqsa msemmija fl-ewwel subparagrafu mhux aktar tard mis-7 ta’ Lulju 2022.

Rata mnaqqsa ta’ mhux inqas minn 12 % tista’ tiġi applikata minn Stati Membri oħra, f’konformità mal-Artikolu 98(1), ewwel subparagrafu, għat-tranżazzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu taħt l-istess kondizzjonijiet bħal dawk li jibdew japplikaw fl-1 ta’ Jannar 2021 fl-Istati Membri msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu.

Għall-finijiet tal-Artikolu 98(1), it-tielet subparagrafu, it-tranżazzjonijiet imsemmija f’dan l-Artikolu għandhom jitqiesu li jaqgħu taħt l-Anness III, punt (10).”;

(16)

fit-Titolu VIII, il-Kapitolu 4 jitħassar;

(17)

L-Artikoli 123, 125, 128 u 129 jitħassru;

(18)

fl-Artikolu 221, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-Istati Membri jistgħu jeħilsu persuni taxxabbli mill-obbligu stabbilit fl-Artikolu 220(1) jew fl-Artikolu 220a li joħorġu fattura fir-rigward ta’ provvisti ta’ merkanzija jew servizzi li jkunu għamlu fit-territorju tagħhom u li jkunu eżentati, bil-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT imħallsa fl-istadju preċedenti jew mingħajrha, skont l-Artikolu 98(2), l-Artikoli 105a u 132, l-Artikolu 135(1), punti (h) sa (l), l-Artikoli 136, 371, 375, 376 u 377, l-Artikolu 378(2), l-Artikolu 379(2) u l-Artikoli 380 sa 390c.”;

(19)

fl-Artikolu 288, l-ewwel subparagrafu, il-punt (2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(2)

il-valur tat-tranżazzjonijiet li huma eżentati, bil-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT imħallsa fl-istadju preċedenti, skont l-Artikolu 98(2) jew l-Artikolu 105a;”;

(20)

fl-Artikolu 316, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   F’każ li ma tkun ġiet applikata l-ebda rata mnaqqsa fuq ix-xogħlijiet tal-arti, oġġetti tal-kollezzjoni u antikitajiet ikkonċernati forniti lil jew impurtati min-negozjant taxxabbli, l-Istati Membri għandhom jagħtu lin-negozjanti taxxabbli d-dritt li jagħżlu li japplikaw l-iskema ta’ marġni għat-tranżazzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-provvista ta’ xogħlijiet tal-arti, oġġetti tal-kollezzjoni jew antikitajiet, li n-negozjant taxxabbli jkun importa huwa stess;

(b)

il-provvista ta’ xogħlijiet tal-arti pprovduti lin-negozjant taxxabbli mill-awturi tagħhom jew is-suċċessuri tagħhom fit-titlu;

(c)

il-provvista ta’ xogħlijiet tal-arti pprovduti lin-negozjant taxxabbli minn persuna taxxabbli li ma tkunx negozjant taxxabbli.”;

(21)

fl-Artikolu 387, il-punt (c) jitħassar;

(22)

fl-Anness III, it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Lista ta’ provvista ta’ merkanzija u servizzi li għalihom jistgħu japplikaw ir-rati mnaqqsa u l-eżenzjoni bit-tnaqqis tal-VAT msemmija fl-Artikolu 98”;

(23)

L-Anness III huwa emendat f’konformità mal-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

Emendi għad-Direttiva (UE) 2020/285

Fl-Artikolu 1 tad-Direttiva (UE) 2020/285, il-punt (15) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(15)

l-Artikolu 288 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 288

1.   Il-fatturat annwali li jservi bħala referenza għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 284 għandu jikkonsisti mill-ammonti li ġejjin, mingħajr VAT:

(a)

il-valur tal-provvisti ta’ merkanzija u servizzi, sakemm dawn ikunu ntaxxati li kieku kienu pprovduti minn persuna taxxabbli mhux eżentata;

(b)

il-valur tat-tranżazzjonijiet li huma eżentati, bil-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT imħallsa fl-istadju preċedenti, skont l-Artikolu 98(2) jew l-Artikolu 105a;

(c)

il-valur tat-tranżazzjonijiet li huma eżentati skont l-Artikoli 146 sa 149 u l-Artikoli 151, 152 u 153;

(d)

il-valur tat-tranżazzjonijiet li huma eżentati skont l-Artikolu 138 fejn tapplika l-eżenzjoni prevista f’dak l-Artikolu;

(e)

il-valur tat-tranżazzjonijiet ta’ proprjetà immobbli, it-tranżazzjonijiet finanzjarji kif imsemmija fl-Artikolu 135(1), punti (b) sa (g), u s-servizzi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, dment li dawk it-tranżazzjonijiet ma jkunux tranżazzjonijiet anċillari.

2.   d-disponimenti tal-assi kapitali tanġibbli jew intanġibbli ta’ persuna taxxabbli ma għandhomx jitqiesu għall-iskopijiet tal-kalkolu tal-fatturat imsemmi fil-paragrafu 1.”;”.

Artikolu 3

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal-31 ta’ Diċembru 2024, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 1, il-punti (1), (2), (5), (7), (12) fir-rigward tat-tħassir tal-Artikolu 103 tad-Direttiva 2006/112/KE, u (20) u l-Artikolu 2.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-1 ta’ Jannar 2025.

L-Istati Membri jistgħu japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-Anness III, il-punti (7) u (13), relatati mal-aċċess għal streaming dirett ta’ avvenimenti jew żjarat koperti minn dawk il-punti, u l-punt (26), tad-Direttiva 2006/112/KE, elenkati fl-Anness għal din id-Direttiva, mill-1 ta’ Jannar 2025.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw immedjatament lill-Kummissjoni t-test tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

3.   Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

Artikolu 4

Rieżami

Abbażi ta’ valutazzjoni tal-possibbiltà li jintużaw soluzzjonijiet li jibqgħu validi għall-futur li jkunu adattati għall-era diġitali u allinjati mal-objettiv ta’ sistema tal-VAT ibbażata fuq id-destinazzjoni, il-Kummissjoni għandha, fejn xieraq, tressaq proposta leġiżlattiva biex temenda d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-Direttiva sa fejn hija kkonċernata l-iskema ta’ marġni stipulata fit-Titolu XII, Kapitolu 4, tad-Direttiva 2006/112/KE.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 6

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-5 ta’ April 2022

Għall-Kunsill

Il-President

B. LE MAIRE


(1)  Opinjoni tad-9 ta’ Marzu 2022 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU C 283, 10.8.2018, p. 35.

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/522 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi Programm għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (il-“Programm l-UE għas-Saħħa”) għall-perjodu 2021-2027, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 282/2014 (ĠU L 107, 26.3.2021, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ u tariffi bl-imnut għal komunikazzjonijiet intra-UE regolati u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 (ĠU L 310, 26.11.2015, p. 1).

(6)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (ĠU L 62, 2.3.2020, p. 13).

(7)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


ANNESS

L-Anness III għad-Direttiva 2006/112/KE huwa emendat kif ġej:

(1)

Il-punti (3) sa(8) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(3)

prodotti farmaċewtiċi użati għal skopijiet mediċi u veterinarji, inkluż prodotti użati għall-kontraċezzjoni u għall-protezzjoni sanitarja tan-nisa, u prodotti assorbenti tal-iġjene;

(4)

tagħmir, apparat, dispożittivi, oġġetti, għajnuniet u tagħmir protettiv mediċi, inkluż maskri għall-protezzjoni tas-saħħa, normalment maħsuba biex jintużaw fil-kura tas-saħħa jew biex jintużaw mill-persuni b’diżabbiltà, oġġetti essenzjali biex jikkumpensaw għal diżabbiltà jew jegħlbuha, kif ukoll l-adattament, it-tiswija, il-kiri u l-lokazzjoni ta’ dawn l-oġġetti;

(5)

it-trasport ta’ passiġġieri u t-trasport ta’ oġġetti li jkollhom magħhom, bħal bagalji, roti, inkluż roti elettriċi, vetturi bil-mutur jew vetturi oħra, jew il-provvista ta’ servizzi relatati mat-trasport tal-passiġġieri;

(6)

il-provvista, inkluż b’self mil-libreriji, ta’ kotba, gazzetti u rivisti jew fuq mezzi ta’ appoġġ fiżiku jew ipprovduti elettronikament, jew it-tnejn, (inkluż opuskoli, fuljetti u oġġetti simili stampati, kotba għat-tfal bl-istampi, tat-tpinġija jew tat-tpinġija bil-kulur, mużika stampata jew f’forma ta’ manuskritt, mapep u mapep idrografiċi jew mapep simili), għajr pubblikazzjonijiet iddedikati kollha kemm huma jew b’mod sostanzjali għar-reklamar u għajr pubblikazzjonijiet li jikkonsistu kollha kemm huma jew b’mod sostanzjali minn kontenut f’forma ta’ vidjo jew mużika; il-produzzjoni ta’ pubblikazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u servizzi relatati ma’ tali produzzjoni;

(7)

id-dħul għal wirjiet, teatri, ċirki, fieri, parks tad-divertiment, kunċerti, mużewijiet, żoos, ċinemas, wirjiet u avvenimenti u faċilitajiet kulturali simili, u l-aċċess għal streaming dirett ta’ dawk l-avvenimenti jew iż-żjarat, jew it-tnejn li huma;

(8)

ir-riċeviment ta’ servizzi tax-xandir bir-radju u bit-televiżjoni u webcasting ta’ tali programmi pprovduti minn fornitur ta’ servizz tal-media; servizzi ta’ aċċess għall-Internet ipprovduti bħala parti minn politika ta’ diġitalizzazzjoni, definita mill-Istati Membri;”;

(2)

il-punti (10) u (10a) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(10)

il-provvista u l-kostruzzjoni ta’ djar, bħala parti minn politika soċjali, kif definita mill-Istati Membri; ir-rinnovazzjoni u l-alterazzjoni, inkluż id-demolizzjoni u r-rikostruzzjoni, u t-tiswija ta’ djar u abitazzjonijiet privati; il-kiri ta’ proprjetà immobbli għal użu residenzjali;

(10a)

il-kostruzzjoni u r-rinnovazzjoni ta’ bini pubbliku u bini ieħor użat għal attivitajiet fl-interess pubbliku;”;

(3)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(10c)

Il-provvista u l-installazzjoni ta’ pannelli solari fuq u maġenb djar privati, akkomodazzjoni u bini pubbliku u bini ieħor użat għal attivitajiet fl-interess pubbliku;”;

(4)

il-punt (11) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(11)

il-provvista ta’ merkanzija u servizzi ta’ tip normalment maħsuba biex jintużaw fil-produzzjoni agrikola iżda li jeskludu beni kapitali bħal makkinarju jew bini; u, sal-1 ta’ Jannar 2032, il-provvista ta’ pestiċidi kimiċi u fertilizzanti kimiċi;”;

(5)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(11a)

ekwini ħajjin u l-provvista ta’ servizzi relatati ma’ ekwini ħajjin;”;

(6)

il-punt (13) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(13)

id-dħul għal avvenimenti sportivi jew l-aċċess għal streaming dirett ta’ dawn l-avvenimenti jew it-tnejn li huma; l-użu ta’ faċilitajiet sportivi, u l-provvista ta’ klassijiet tal-isport jew tal-eżerċizzju fiżiku anke meta jixxandru b’mod dirett;”;

(7)

il-punt (14) jitħassar;

(8)

il-punt (15) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(15)

il-provvista ta’ merkanzija u servizzi minn organizzazzjonijiet impenjati f’xogħol ta’ assistenza soċjali jew ta’ sigurtà soċjali kif definit mill-Istati Membri u rikonoxxuti bħala ddedikati għall-benesseri soċjali mill-Istati Membri, sakemm dawk it-tranżazzjonijiet mhumiex eżentati skont l-Artikoli 132, 135 u 136;”;

(9)

il-punt (18) u (19) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(18)

il-provvista ta’ servizzi pprovduti b’rabta mad-drenaġġ, it-tindif tat-toroq, il-ġbir taż-żibel u t-trattament jew ir-riċiklaġġ tal-iskart, għajr il-provvista ta’ dawn is-servizzi mill-korpi msemmija fl-Artikolu 13;

(19)

il-provvista ta’ servizzi ta’ tiswija ta’ apparat domestiku, żraben u oġġetti tal-ġilda, ħwejjeġ u bjankerija tad-dar (inkluż it-tiswija u l-alterazzjoni);”;

(10)

il-punt (21) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(21)

qtigħ tax-xagħar;”;

(11)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(22)

il-provvista tal-elettriku, tat-tisħin distrettwali u tat-tkessiħ distrettwali, u tal-bijogass prodott mill-feedstock elenkat fl-Anness IX, Parti A, tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1); il-provvista u l-installazzjoni ta’ sistemi tat-tisħin b’emissjonijiet baxxi b’effiċjenza għolja li jissodisfaw il-valuri referenzjarji tal-emissjonijiet (PM) stipulati fl-Anness V tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1189 (*2) u fl-Anness V tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1185 (*3) u li jkunu ngħataw tikketta tal-enerġija tal-UE li turi li l-kriterju msemmi fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4) huwa ssodisfat; u, sal-1 ta’ Jannar 2030, gass naturali u njam użat bħala ħatab għan-nar;

(23)

pjanti ħajjin u prodotti oħra tal-florikultura, inkluż basal, qoton, għeruq u affarijiet simili, fjuri maqtugħa u weraq ornamentali;

(24)

ilbies u żraben tat-tfal; il-provvista ta’ siġġijiet tat-tfal tal-karozza;

(25)

il-provvista ta’ roti, inkluż roti elettriċi; servizzi ta’ kiri u ta’ tiswija ta’ dawn ir-roti;

(26)

il-provvista ta’ xogħlijiet tal-arti, oġġetti tal-kollezzjoni u antikitajiet elenkati fl-Anness IX, il-Partijiet A, B u C;

(27)

servizzi legali pprovduti lil persuni li jkollhom kuntratt tax-xogħol u lil persuni qiegħda li jkunu involuti fi proċedimenti tat-Tribunal Industrijali, u servizzi legali pprovduti taħt l-iskema ta’ għajnuna legali, kif definit mill-Istati Membri;

(28)

għodod u tagħmir ieħor ta’ tip normalment maħsub biex jintuża f’servizzi ta’ salvataġġ jew tal-ewwel għajnuna meta jiġu pprovduti lil korpi pubbliċi jew lil organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ attivi fil-protezzjoni ċivili jew komunitarja;

(29)

il-provvista ta’ servizzi b’rabta mat-tħaddim ta’ bastimenti tad-dwal, fanali jew għajnuniet navigazzjonali oħra u servizzi ta’ salvataġġ inkluż l-organizzazzjoni u ż-żamma tas-servizz tad-dgħajjes ta’ salvataġġ.

(*1)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (riformulazzjoni) (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82)."

(*2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1189 tat-28 ta’ April 2015 li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-bojlers tal-fjuwil solidu (ĠU L 193, 21.7.2015, p. 100)."

(*3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1185 tal-24 ta’ April 2015 li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-ħiters tal-post lokali tal-fjuwils solidi (ĠU L 193, 21.7.2015, p. 1)."

(*4)  Ir-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2017 li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 1).”."


(*1)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (riformulazzjoni) (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

(*2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1189 tat-28 ta’ April 2015 li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-bojlers tal-fjuwil solidu (ĠU L 193, 21.7.2015, p. 100).

(*3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1185 tal-24 ta’ April 2015 li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-ħiters tal-post lokali tal-fjuwils solidi (ĠU L 193, 21.7.2015, p. 1).

(*4)  Ir-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2017 li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 1).”.”