EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R2070

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2070 tat-18 ta’ Awwissu 2023 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 biex il-Kamerun u l-Vjetnam jiżdiedu mal-lista ta’ pajjiżi terzi b’riskju kbir (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2023/5552

ĠU L 239, 28.9.2023, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/2070/oj

28.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 239/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2070

tat-18 ta’ Awwissu 2023

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 biex il-Kamerun u l-Vjetnam jiżdiedu mal-lista ta’ pajjiżi terzi b’riskju kbir

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tagħha,

Billi:

(1)

L-Unjoni għandha tiżgura l-protezzjoni effettiva tal-integrità u l-funzjonament xieraq tas-sistema finanzjarja tagħha u tas-suq intern mill-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Għaldaqstant, id-Direttiva (UE) 2015/849 tipprevedi li l-Kummissjoni għandha tidentifika l-ġuriżdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi li għandhom nuqqasijiet strateġiċi fir-reġimi tagħhom dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (anti-money laundering and countering financing of terrorism, AML/CFT) li joħolqu theddid serju għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni (“pajjiżi terzi b’riskju kbir”).

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 (2) jidentifika l-pajjiżi terzi b’riskju kbir b’nuqqasijiet strateġiċi.

(3)

Minħabba l-livell għoli ta’ integrazzjoni tas-sistema finanzjarja internazzjonali, ir-rabta stretta tal-operaturi tas-suq, il-volum għoli ta’ tranżazzjonijiet transfruntiera lejn jew mill-Unjoni, u l-livell ta’ ftuħ tas-suq, kwalunkwe theddida tal-AML/CFT fuq is-sistema finanzjarja internazzjonali hija wkoll theddida għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni.

(4)

Skont l-Artikolu 9(4) tad-Direttiva (UE) 2015/849, meta tidentifika pajjiżi terzi b’riskju kbir, il-Kummissjoni għandha tqis l-evalwazzjonijiet, il-valutazzjonijiet jew ir-rapporti rilevanti mfassla minn organizzazzjonijiet internazzjonali u minn dawk li jistabbilixxu l-istandards b’kompetenza fil-qasam tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. Tali informazzjoni tinkludi dikjarazzjonijiet pubbliċi mit-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (Financial Action Task Force, FATF), il-lista tal-FATF ta’ “Ġurisdizzjonijiet soġġetti għal Monitoraġġ Miżjud”, u rapporti tal-FATF tal-Grupp ta’ Analiżi tal-Kooperazzjoni Internazzjonali fir-rigward tar-riskji maħluqa minn pajjiżi terzi individwali.

(5)

Mill-aħħar emendi għar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675, il-FATF aġġornat il-lista tagħha ta’ “Ġuriżdizzjonijiet soġġetti għal Monitoraġġ Miżjud”. Fil-laqgħa plenarja tagħha bejn il-21 u t-23 ta’ Ġunju 2023, il-FATF aġġornat il-lista tagħha ta’ “Ġuriżdizzjonijiet soġġetti għal Monitoraġġ Miżjud” billi żiedet il-Kamerun u l-Vjetnam ma’ dik il-lista. Fid-dawl ta’ dawn il-bidliet, il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni biex tidentifika l-pajjiżi terzi b’riskju kbir f’konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(6)

F’Ġunju 2023, il-Kamerun ħa impenn politiku ta’ livell għoli biex jaħdem mal-FATF u mal-“Groupe d’Action Contre le Blanchiment d’Argent en Afrique Centrale” (GABAC), li huwa l-korp reġjonali tat-tip tal-FATF tagħha (FATF-style regional body, FSRB), biex isaħħaħ l-effettività tar-reġim tal-AML/CFT tiegħu. Sa mill-adozzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni reċiproka tiegħu f’Ottubru 2021, il-Kamerun għamel progress fuq uħud mill-azzjonijiet rakkomandati fir-rapport ta’ evalwazzjoni reċiproka billi żied ir-riżorsi tal-unità tal-intelligence finanzjarja (UIF) u billi bena l-kapaċità tal-awtoritajiet investigattivi u tal-korpi ġudizzjarji biex iwettqu b’mod effettiv każijiet ta’ ħasil tal-flus/finanzjament tat-terroriżmu. Il-Kamerun se jaħdem biex jimplimenta l-pjan ta’ azzjoni tiegħu tal-FATF billi: (1) jallinja l-istrateġiji u l-politiki nazzjonali tal-AML/CFT mas-sejbiet tal-valutazzjoni tar-riskju nazzjonali u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom, u juri l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni tal-AML/CFT bejn l-awtoritajiet kompetenti; (2) jiżgura prijoritizzazzjoni bbażata fuq ir-riskju ta’ talbiet li jidħlu għal kooperazzjoni internazzjonali f’konformità mar-riskji u jwieġeb b’mod effettiv; (3) isaħħaħ is-superviżjoni bbażata fuq ir-riskju tal-banek u jimplimenta superviżjoni effettiva bbażata fuq ir-riskju għal istituzzjonijiet finanzjarji mhux bankarji u negozji u professjonijiet mhux finanzjarji deżinjati, u jwettaq ħidma xierqa biex jintlaħqu istituzzjonijiet finanzjarji ta’ riskju għoli u negozji u professjonijiet mhux finanzjarji deżinjati; (4) iżomm u jiżgura aċċess f’waqtu mill-awtoritajiet kompetenti għal informazzjoni adegwata u aġġornata dwar is-sjieda benefiċjarja dwar persuni ġuridiċi, u jistabbilixxi reġim ta’ sanzjonijiet għall-ksur tal-obbligi ta’ trasparenza applikabbli għall-persuni ġuridiċi; (5) isaħħaħ l-iskambju sigur ta’ informazzjoni bejn l-UIF, l-entitajiet relaturi u l-awtoritajiet kompetenti u juri żieda fid-disseminazzjoni ta’ rapporti ta’ intelligence biex jappoġġa l-ħtiġijiet operazzjonali tal-awtoritajiet kompetenti; (6) juri li l-awtoritajiet huma kapaċi jwettqu firxa ta’ investigazzjonijiet dwar il-ħasil tal-flus, u jipproċedu kontra każijiet tal-ħasil tal-flus f’konformità mar-riskji; (7) jimplimenta politiki u proċeduri għas-sekwestru u l-konfiska tar-rikavati u l-istrumenti tal-kriminalità u l-ġestjoni ta’ proprjetà ffriżata, maqbuda u kkonfiskata, u jipprijoritizza l-qbid u l-konfiska tal-assi fil-fruntiera; (8) juri li l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tal-finanzjament tat-terroriżmu huma segwiti f’konformità mar-riskju; u (9) juri implimentazzjoni effettiva tar-reġimi ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati (targeted financial sanctions, TFS) għall-finanzjament tat-terroriżmu u l-finanzjament tal-proliferazzjoni u jimplimenta approċċ ibbażat fuq ir-riskju għall-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ mingħajr ma jfixkel attivitajiet leġittimi ta’ organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ. Minkejja dak l-impenn u l-progress, il-Kamerun għadu ma indirizzax bis-sħiħ it-tħassib li wassal biex il-Kamerun jiżdied mal-lista tal-FATF ta’ “Ġuriżdizzjonijiet soġġetti għal Monitoraġġ Miżjud”. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Kamerun jitqies bħala ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz li għandha nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim tal-AML/CFT tagħha li joħolqu theddid sinifikanti għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(7)

F’Ġunju 2023, il-Vjetnam ħa impenn politiku ta’ livell għoli biex jaħdem mal-FATF u mal-Grupp tal-Asja/Paċifiku (Asia Pacific Group, APG), li huwa l-FSRB tiegħu, biex isaħħaħ l-effettività tar-reġim tal-AML/CFT tiegħu. Sa mill-adozzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni reċiproka tiegħu f’Novembru 2021, il-Vjetnam għamel progress fuq xi wħud mill-azzjonijiet rakkomandati fir-rapport ta’ evalwazzjoni reċiproka billi ngħaqad man-Network tal-Interaġenziji għall-Irkupru tal-Assi tal-Asja u tal-Paċifiku u billi adotta pjan ta’ azzjoni nazzjonali dwar l-AML/CTF/il-ġlieda kontra l-finanzjament tal-proliferazzjoni. Il-Vjetnam se jaħdem biex jimplimenta l-pjan ta’ azzjoni tiegħu tal-FATF billi: (1) iżid il-fehim tar-riskju, il-koordinazzjoni domestika u l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus/il-finanzjament tat-terroriżmu; (2) isaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali; (3) jimplimenta s-superviżjoni effettiva bbażata fuq ir-riskju għall-istituzzjonijiet finanzjarji u għan-negozji u l-professjonijiet mhux finanzjarji deżinjati; (4) jieħu azzjoni biex jirregola l-assi virtwali u l-fornituri ta’ servizzi tal-assi virtwali; (5) jindirizza n-nuqqasijiet tekniċi fil-konformità, inkluż fir-rigward tar-reat tal-ħasil tal-flus, it-TFS, id-diliġenza dovuta tal-klijenti u r-rapportar ta’ tranżazzjonijiet suspettużi; (6) iwettaq attivitajiet ta’ ħidma biex jintlaħaq is-settur privat; (7) jistabbilixxi reġim li jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti b’informazzjoni adegwata, preċiża u aġġornata dwar is-sjieda benefiċjarja; (8) jiżgura l-indipendenza tal-UIF u jtejjeb il-kwalità u l-kwantità tal-analiżi u d-disseminazzjonijiet tal-intelligence finanzjarja; (9) jipprijoritizza investigazzjonijiet finanzjarji paralleli u juri żieda fl-għadd ta’ investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet dwar il-ħasil tal-flus imwettqa; u (10) juri li hemm monitoraġġ tal-istituzzjonijiet finanzjarji u tan-negozji u l-professjonijiet mhux finanzjarji deżinjati għall-konformità mal-obbligi tat-TFS għall-finanzjament tal-proliferazzjoni u li hemm kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet għall-prevenzjoni li jiġu evitati TFS għall-finanzjament tal-proliferazzjoni. Minkejja dan l-impenn u l-progress, il-Vjetnam għadu ma indirizzax bis-sħiħ it-tħassib li wassal biex il-Vjetnam jiżdied mal-lista tal-FATF ta’ “Ġuriżdizzjonijiet soġġetti għal Monitoraġġ Miżjud”. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Vjetnam jitqies bħala ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz li għandha nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim tal-AML/CFT tagħha li joħolqu theddid sinifikanti għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(8)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li jenħtieġ li l-Kamerun u l-Vjetnam jitqiesu bħala ġuriżdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi li għandhom nuqqasijiet strateġiċi fir-reġimi tal-AML/CFT tagħhom li joħolqu theddid sinifikanti għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni. Għaldaqstant jenħtieġ li l-Kamerun u l-Vjetnam jiżdiedu mat-tabella fil-punt I tal-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675.

(9)

Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Awwissu 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 tal-14 ta’ Lulju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidentifika pajjiżi terzi b’riskju kbir b’nuqqasijiet strateġiċi (ĠU L 254, 20.9.2016, p. 1).


ANNESS

Fil-punt I tal-Anness għar-Regolament Delegat (UE) 2026/1675, it-tabella hija sostitwita b’dan li ġej:

“Nru

Pajjiż terz b’riskju kbir (1)

1

L-Afganistan

2

Barbados

3

Il-Burkina Faso

4

Il-Kamerun

5

Il-Gżejjer Cayman

6

Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

7

Ġibiltà

8

Il-Haiti

9

Il-Ġamajka

10

Il-Ġordan

11

Il-Mali

12

Il-Mozambique

13

Il-Myanmar

14

In-Niġerja

15

Il-Panama

16

Il-Filippini

17

Is-Senegal

18

L-Afrika t’Isfel

19

Is-Sudan t’Isfel

20

Is-Sirja

21

It-Tanzanija

22

Trinidad u Tobago

23

L-Uganda

24

L-Emirati Għarab Magħquda

25

Vanuatu

26

Il-Vjetnam

27

Il-Jemen


(1)  Mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni legali tar-Renju ta’ Spanja fir-rigward tas-sovranità u l-ġuriżdizzjoni b’rabta mat-territorju ta’ Ġibiltà.“.


Top